Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-Ġid Komuni

Sina  Bugeja  -  24/05/2017 09:15

Fid-diskussjonijiet nazzjonali li qed nisimgħu qed jissemmew il-kliem – il-ġid komuni. X’ qed infissru b’dan? X’inhu l-ġid komuni? Dan mhux kunċett ġdid għax insabet kitba fuq dan is-suġġett minn żmien Platun (427 BC), Aristotile (384 BC) u Ċiċerun (63 BC). Aktar riċenti kitbu fuq dan il-kunċett filosfi oħra fosthom insibu lil John Locke, David Hume, James Madison, JJ Rousseau u oħrajn fejn ilkoll kellhom l-interprtazzjoni u l-ispjega partikulari tagħhom imma l-vina komuni fil-kitbiet tagħhom kienet li huwa l-gvern u l-liġijiet ta’ kwalunkwe pajjiż li jaħdem għall-ġid komuni u dan il-ġid komuni huwa ta’ benefiċċju għal kull ċittadin.

Kollha ukoll b’xi mod jew ieħor indikaw li jekk l-interess minn flok ikun komuni ikun ta’ individwu jew individwi, allura s-soċjeta tbgħati. Skond Rousseau il-ġid komuni għandu jkun l-għan tas-soċjeta u l-għola livell li għandu jintlaħaq minn kull gvern.

Skond Platun, l-aqwa ordni politika hija dik li tippromwovi l-aktar armonija soċjali u sens ta’ koperazzjoni u ħbiberija bejn gruppi soċjali differenti fejn kull grupp jibbenefika minn din l-istess armonija u jkompli jżid mal-ġid komuni.

Aristotile huwa meqjus bħala l-missier li ħareġ bil-kunċett tal-ġid komuni għalkemm, biex inkunu eżatti l-kitbiet tiegħu jitkellmu fuq l-interess komuni. Ikompli jwessa l-ħsieb billi jgħid li dan il-ġid komuni, li huwa mmirat għall-ġid ta’ kull membru tas-soċjeta għandu ukoll element important ħafna u li huwa l-ġid ta’ l-individwu bħala parti mill-istess soċjeta sħiħa. Kull persuna għandu jkollu l-possibilta li jikber u jiffjorixxi u jiżviluppa u jilħaq l-għan aħħari ta’ ħajtu. Imbagħad b’dan is-suċċess ikompli jikkontribwixxi għall-istess ġid komuni fejn kulħadd jibbenefika. Il-ġid tas-soċjeta huwa dejjem ikbar mit-total tal-ġid ta’ kull individwu impoġġi flimkien u għalhekk l-iskop dejjem irid ikun il-ġid li minnu jobbenefika kulħadd.

Li tagħmel ġid lil individwu żgur mhux ħażin imma li tagħmel ġid lil istess individwu għal skapitu tal-kumplament tas-soċjeta mhux mod ta’ kif għandha taħdem s-soċjeta li jimpurta mill-membri kollha tagħha. Is-soċjeta u ir-rappreżentanti tagħha għandhom l-obligu li jaraw li ħadd ma jaqa’ lura.

It-tagħlim ta’ Santu Wistin u warajh ta’ San Tumas minn Aquino ukoll jitkellmu fuq l-importanza tal-ġid komuni. Għandna numru ta’ skulari li kapaċi jitkellmu b’mod profond fuq is-suġġett u fuq kif id-Dutturi tal-Knosja tkellmu fuq dan il-ġid komuni.

Li xtaqt nagħmel jien kien biss li nikteb xi ħaġa ħafifa ħafna u b’mod l-aktar sempliċi fuq dan is-suġġett li illum sar kważi parti mid-diskors ta’ kuljum. F’dak li qrajt sibt li dan il-ħsieb huwa ċentrali fit-tagħlim soċjali tal-Knisja u kien diskuss jew imsemmi f’numru ta’ enċikliki li ħarġu Papiet differenti. Kull enċiklika rriflettiet ż-żmien li inkitbet fih. Interessanti l-fatt, per eżempju, li fl-1891 Papa Ljun XIII kiteb fuq il-kundizzjonijiet tal-ħaddiem industrijali fl-Ewropa ta’ zmienu. Il-differenzi bejn il-ħaddiema ndustrijali u dawk li kienu jħaddmuhom wasslet għal dil-kitba sabiex jiġi mħares il-ġid komuni u minnu jibbenefika kulħadd.

Kitbiet dwar il-ġid komuni mhu’mhiex ġejjin biss minn filosfi antiki u kontemporanji jew mill-Knisja Kattolika biss imma minn kittieba kbar oħra li għarfu li jekk il-ġid komuni ma jkunx mħares, allura setturi sħaħ ta’ dik is-soċjeta se jbgħatu.

Illum nitkellmu fuq id-dritt għax-xogħol, għall-edukazzjoni, d-dittijiet umani, l-ħarsien tal-ambjent, l-ħarsien tad-dinja nġenerali u dan sabiex nassiguraw li kulħadd jibbenefika minn dak kollu li joffri l-pajjiż u li jagħmel parti mill-ġid komuni u b‘hekk ħadd ma jaqa’ lura. Din hija responsabilta tagħna kollha.