Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
"Malta mhux qed timxi mal-liġi tal-UE dwar l-insib" - AĠ tal-Qorti Ewropea   |  Il-Qorti tilqa’ t-talba ta’ Busuttil biex tinvestiga lil Schembri u Mizzi; il-PM: “Busuttil b’interpretazzjoni ħażina”   |  Tarbija bi ġrieħi gravi wara ħabta bejn karozza u tal-linja   |  Il-Papa jikteb lil soru li għenet għadd ta' nisa joħorġu mill-prostituzzjoni

​Macron, Le Pen u l-Unjoni

Peter Agius  -  05/05/2017 19:15

Waqt li Malta qegħdin f’nofs kampanja elettorali, il-Ħadd fi Franza qed jivvutaw għall-President. Il-vot tagħhom se jmur oltre l-għażla bejn Macron u Le Pen iżda jista’ jitqies bħala għażla bejn żewġ mudelli radikalment differenti ta’ kif pajjiż jirrelata mal-Unjoni Ewropea.

Le Pen qed twiegħed li tgħaddi liġi li tpoġġi l-liġijiet Franċiżi fuq il-liġijiet Ewropej. Dan ikun ifisser effettivament li Franza tinqata’ mill-Unjoni Ewropea li għandha bħala prinċipju li l-liġijiet Ewropej iridu jipprevalu fuq il-liġijiet nazzjonali. Dan huwa prinċipju ta’ sens komun għax kieku kull pajjiż jista’ jqasqas u jħarbex dak li jkun ftiehem fi Brussell kieku jirrenja l-kaos u mhux il-moviment liberu u d-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej. Le Pen qed tipproponi wkoll li l-Franċiżi jinħallu mill-ewro u jmorru lura għall-frank.

Macron min-naħa l-oħra qed iwiegħed Franza b’saħħitha fl-Unjoni Ewropea li tipproteġi l-interessi nazzjonali tagħha iżda fil-qafas Ewropew u billi jimbotta aktar riformi fl-istess Unjoni. Macron jappoġġja wkoll il-moviment liberu Ewropew u qed jikkritika lil Le Pen li bil-proposti tagħha għall-ħruġ mill-Ewro tikkawża telf tat-tfaddil tal-Franċiżi li jaraw il-kontijiet bankarji tagħhom jiżvalutaw vis a vis l-ewro.

Punt interessanti f’din id-djalettika bejn Macron u Le Pen huwa li filwaqt li Le Pen twaħħal fl-Unjoni u fil-

Ġermanja għall-istaġnar ekonomiku u għall-qagħad fi Franza, Macron jippunta suba’ lejn il-fatt li fi Franza qatt ma saru r-riformi ekonomiċi meħtieġa biex jiġi riformat is-suq tax-xogħol, il-pensjonijiet u s-settur pubbliku.

Fid-dibattitu li kellhom dawn it-tnejn din il-ġimgħa ħarġet ċara d-differenza bejn l-attitudni ta’ Le Pen - diretta u vulgari, li dejjem għandha risposta għal min għandu tort għal ħaġa u oħra, u Macron, li ta’ spiss beda jagħmilha tal-għalliem u jispjega fid-dettall ir-raġunijiet tekniċi jew ekonomiċi tat-temi preżentati.

Il-periklu ta’ Macron huwa l-istess periklu tal-Unjoni Ewropea u ta’ dawk li jixtiequ jinvokaw il-kawża Ewropea u ċioè li huwa ferm aktar faċli li tikkonvinċi bil-gideb simplistiku u l-eżaġerazzjoni milli li tikkonvinċi bl-argumenti loġiċi b’fondament ekonomiku.

Huwa ħafna aktar faċli per eżempju li tibla’ l-argument ta’ Le Pen li jeħtieġ indaħħlu l-kontrolli fil-fruntieri Ewropej biex nevitaw l-attakki terroristiċi milli tifhem l-argument ta’ Macron li dawn il-kontrolli ma jkunu qed iservu ta’ xejn anke għax ħafna mill-attakki isiru effettivament minn nies li trabbew fl-ibliet fejn iseħħu l-istess attakki.

Huwa aktar faċli li tibla’ l-argument ta’ Le Pen li tkun aħjar jekk tmur lura għall-frank Franċiż, li biss biss ifakkrek meta kont 15-il-sena iżgħar, milli tifhem l-argument ta’ Macron fuq l-ewro li jippermetti lill-kumpanniji li jixtru u jbiegħu bl-istess munita.

Il-verità ta’ Macron, li ta’ spiss hija l-verità tal-Unjoni Ewropea, tirrikjedi ħafna aktar enerġija mill-votant li jrid l-ewwel jirreġistra l-argument kollu qabel jasal f’punt li jappoġġja dik il-verità. Fid-dinja li qed ngħixu llum fejn il-ġid fil-pajjiż jiddependi ferm minn kif jaħdem barra l-pajjiż, il-votant irid jaffaċċja l-kumplessità tas-sitwazzjoni u allura l-kumplessità tal-argumenti politiċi.

Il-populisti bħal Le Pen u Geert Wilders fi Franza u l-Olanda u ta’ Salvini fl-Italja għandhom mudell politiku ferm aktar sempliċi u dirett, essenzjalment għax huwa bbażat fuq simplifikazzjoni distorta tar-realtà. Ironikament dan ipoġġihom eqreb għaċ-ċittadin li jista’ jifhem aħjar l-argument sempliċi tagħhom.

Sal-ħadd filgħaxija nkunu nafu x’għażlu l-Franċiżi, jekk hux soluzzjoni simplifikata ta’ Le Pen, jew is-soluzzjoni kumplessa u aktar kuraġġuża ta’ Macron.

Evidentement is-soluzzjonijiet sempliċi nafu lkoll li ta’ spiss jostru l-komplikazzjonijiet kollha tagħhom għal aktar tard.