Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
"Malta mhux qed timxi mal-liġi tal-UE dwar l-insib" - AĠ tal-Qorti Ewropea   |  Il-Qorti tilqa’ t-talba ta’ Busuttil biex tinvestiga lil Schembri u Mizzi; il-PM: “Busuttil b’interpretazzjoni ħażina”   |  Tarbija bi ġrieħi gravi wara ħabta bejn karozza u tal-linja   |  Il-Papa jikteb lil soru li għenet għadd ta' nisa joħorġu mill-prostituzzjoni

Qaddejja tajba tas-sultan, imma ta’ Alla l-ewwel

Dun Brendan M. Gatt  -  26/06/2017 09:15

Żewġ ġrajjiet reċenti li seħħew madwar l-elezzjoni tar-Renju Unit iġegħluk titħasseb dwar liema futur hemm fil-politika għal nies li jħaddnu twemmin reliġjuż b’ċerta konvinzjoni.

L-ewwel każ li laqatni kien dak ta’ Tim Farron, il-mexxej tal-partit tad-Demokratiċi Liberali. Ftit jiem wara l-elezzjoni Farron ħabbar li se jirriżenja mill-kariga tiegħu għax iħoss li din hija inkompatibbli mal-fidi li jħaddan. Huwa ddeskriva ruħu bħala mċarrat bejn ir-rieda li jgħix bħala Kristjan fidil u r-rwol tiegħu bħala politiku u ammetta li wasal f’punt fejn ma jistax iktar jirrikonċilja l-fidi Nisranija tiegħu mad-dmirijiet bħala mexxej ta’ partit liberali. Fil-fatt saħaq li għalkemm forsi jeżistu nies iktar għorrief minnu li jsibu mezz kif jagħmlu dan, għalih kien impossibbli jmexxi partit progressiv u liberali u fl-istess ħin iżomm fidil lejn it-tagħlim tal-Bibbja.

Ħafna interpretaw din id-deċiżjoni bħala waħda mqanqla minn żewġ kwistjonijiet politiċi prominenti li ġabu lil Farron dahru mal-ħajt: il-kwistjoni taż-‘żwieġ’ bejn persuni tal-istess sess u l-abort. Fil-fatt il-kwistjoni ta’ x’jemmen Farron dwar l-abort kienet diġà qamet fl-imgħoddi, u għalkemm fil-bidu hu prova jevitaha, eventwalment ċeda u qal li jaqbel mal-abort. Imma issa ħarġet ċara li din l-istqarrija ma kenitx waħda ta’ konvinzjoni, imma biss waħda ta’ konvenjenza sabiex ma jagħmilx ħsara lill-partit tiegħu. Fil-fatt fl-istqarrija li biha ħabbar ir-riżenja tiegħu, Farron qal li għalkemm jibqa’ kommess li jiddefendi b’kull qawwa d-drittijiet ta’ persuni li jaħsbuha differenti minnu, wisq jibża’ li t-twemmin tiegħu kontinwament joħloq suspett dwaru minn dawk stess li hu jkun qed jaħdem għalihom.

It-tieni aħbar li laqtitni hija relatata, u mill-ġdid seħħet fir-Renju Unit meta l-Partit Konservattiv prova joħloq koalizzjoni mad-Democratic Unionist Party (DUP), partit ċkejken imma qalil mill-Irlanda ta’ Fuq li jħaddan twemmin Protestant. Fil-fatt id-DUP kien twaqqaf mir-Reverendu Ian Paisley, karattru magħruf għad-diskorsi ħorox li kien jagħmel kontra l-Kattoliċi, u għat-ton militanti tal-partit li huwa ħoloq, liema ton żgur ma għenx biex tonqos il-vjolenza li fniet l-Irlanda ta’ Fuq għal kważi tletin sena. Meta l-Papa Ġwanni Pawlu II kien indirizza l-Parlament Ewropew fl-1988, Paisley – li kien preżenti fl-awla – kien iddenunzja lill-Papa bħala l-Antikrist u saħansitra perreċ poster li fuqu kellu miktub “Pope John Paul II ANTICHRIST". Din l-imġieba tiegħu qanqlet stmerrija minn ħafna fost sħabu l-MEPs.

Madankollu ma kienx l-anti-Kattoliċiżmu tad-dixxipli ta’ Paisley (li ħalla din id-dinja fl-2014) li din id-darba qanqal stmerrija kontra d-DUP u protesti qliel kontra l-possibiltà ta’ koalizzjoni magħhom. Pjuttost il-protesti seħħew minħabba li dan il-partit jopponi l-abort u ż-‘żwieġ’ bejn persuni tal-istess sess; proprju minħabba dawn il-pożizzjonijiet huma ġew deskritti bħala nies li għadhom lura u li għadhom imwaħħlin fil-medju evu. Ingħatat l-impressjoni li Theresa May trid issodd imneħirha sabiex tasal għal ftehim magħhom, qisha qed tagħmel xi ħaġa li, għalkemm bżonnjuża, hija moqżieża għall-aħħar.

Min josserva dawn l-affarijiet ilu jinnota pattern ta’ mġieba simili f’diversi pajjiżi tad-dinja, inkluż tagħna, fejn il-tabella “konservattiv” saret qisha pesta li faċilment tfisser il-mewt ta’ karriera politika, u fejn kandidati li jħaddnu ċertu twemmin – li sa ftit ilu kien in-norma u għalkollox aċċettabbli – issa qegħdin dejjem aktar jingħataw il-ġenb fil-partiti l-kbar. L-istess dinja tal-Punent li qed tagħmel alla mit-tolleranza u l-libertà tal-espressjoni (sakemm imorru f’ċerta direzzjoni), ftit turi tolleranza lejn min jaħsibha differenti dwar ċerti kwistjonijiet.

Jien u nikteb dawn il-ħsibijiet ftakart li f’dawn l-aħħar jiem iċċelebrajna l-festi ta’ tliet qaddisin li tilfu rashom (litteralment) għax irrifjutaw li jperpru l-istess bandiera tas-sultan ta’ żmienhom. Fit-22 ta’ Ġunju fakkarna lil San Ġwann Fisher u San Tumas More li mietu talli waqfu lir-Re Neriku VIII; imbagħad fl-24 ta’ Ġunju ċċelebrajna t-twelid ta’ San Ġwann Battista, li bħalhom (u ferm qabilhom) inqatel għax iddefenda ż-żwieġ kif ħolqu Alla. Forsi tajjeb niftakru l-aħħar kelmiet ta’ Tumas More: “I die the king's faithful servant, but God's first.” (Jien qed immut bħala qaddej fidil tas-sultan; imma ta’ Alla l-ewwel.”)