Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Kattoliċi

Prof. John Baldacchino  -  25/07/2017 10:00

L-ewwel darba li skoprejt li jien Kattoliku u mhux Kristjan kien meta fid-90ijiet mort nistudja l-Ingilterra. Niftakarni niddiskuti xi ħaġa li kellha x’taqsam mal-kultura tar-reliġjon fejn iddeskrivejt it-tradizzjoni Nisranija bħala Christian, biex mingħalija ma nagħmilx distinzjoni bejn denominazzjonijiet. Madankollu din id-deskrizzjoni qajmet mistoqsija u mbagħad kwalifikazzjoni minn studenta li qaltli (jew aħjar spjegatli) li fil-Gran Brittanja “Kristjan” ifisser denominazzjoni Protestanta, filwaqt li Kattoliku u Ortodoss huma wżati b’mod separat.

Għal xi raġuni ħassejtni irritat. U dan mhux b’nuqqas ta’ rispett lejn l-istudenta, imma għax ħassejt li hawn se jkolli nagħmel separazzjoni li mhix dejjem neċessarja. Ħassejt ukoll ir-realtà ta’ qasma storika li għakemm ittaffiet, hija dejjem hemm, speċjalment meta niftakru fil-massakri, jekk mhux genoċidji, li saru bejn l-Insara infushom — u dan ngħiduh hekk kif noqorbu lejn il-ħames-mitt anniversarju tar-Riforma Luterana.  

S’intendi jien kont ġej minn Malta fejn dejjem jew kważi dejjem tlajt f’kuntest ta’ “aħna l-Insara” u għalkemm dan kellu monopolju Kattoliku, dejjem ħassejt li ma kellu jeskludi lil ħadd — għalkemm nafu wkoll li fiż-żmien mhux antik, jekk xi ħadd kien jgħid li int Protestant, f’Malta dan kien meqjuż b’insult.

Huwa biżżejjed problematiku l-fatt li bħala bnedmin ma naqblu f’xejn, lanqas f’kif napprezzaw id-diversità tagħna — għalkemm il-filosfa Hannah Arendt dejjem fakkritna li għax aħna differenti aħna l-istess. Imma anke jekk naslu napprezzaw id-diversità, nafu li din mhix firda imma okkazjoni ta’ komunjoni u konvivjalità bejn il-bnedmin, jemmnu fhiex jemmnu.  

Li rritani f’din id-distinzjoni kien il-fatt li jien spiccajt kategorizzat b’mod dejjaq. Għalija hawn diversità ta’ Kattoliċi, anke jekk hemm sens komuni bejniethom. Għalkemm dejjem kelli interess kulturali kif ukoll reliġjuż u politiku fit-tradizzjoni Kattolika, u bħala teoriku ta’ l-arti u l-kultura ktibt estensivament fuq dan, bħala persuna dejjem kont nippreferi li nissejjaħ Nisrani milli Kattoliku, jew Protestant, jew ikun xi jkun.

Użata bħala terminu ta’ distinzjoni, id-determinazzjoni ta’ “Kattoliku” issir ironika — u dan għax kif ħafna diġa jafu, il-kelma kattoliku hija wżata f’sens sekulari bħala medda universali ta’ nies b’opinjonijiet u tradizzjonijiet differenti.

F’kuntest Nisrani, u safejn naf jien, fil-Kredu li jingħad fi Knejjes Rumani, Bizantini, Anglikani u wkoll Luterani, kollha jipprofessaw il-fidi f’Knisja Waħda Kattolika. U dan huwa fatt għax fit-tlett Kredijiet, dak ta’ l-Appostli, dak Nicejan u dak Atanasjan, kollha jistqarru knisja universali.  

Madankollu, illum ħafna huma ’l bogħod minn din l-universalità u saret kważi użanza iktar frekwenti li l-użu ta’ “Kattoliku” jimplika biss il-Knisja Rumana b’certu ton esklussiv. Li dan huwa fatt ta’ deskrizzjoni naccettah. Imma hawn irrid ngħid li din id-deskrizzjoni issa qed nismagħha tintuża bħala distinzjoni li teskludi, anke fi ħdan il-Knisja Kattolika nfisha. 

Ġieli tisma’ wħud li bħal donnhom iridu jisiltu lill-dawk li huma jqisu bħala Kattolici (“veri”) minn oħrajn li għalkemm dejjem kienu parti integra mill-knisja Kattolika, bħal donnhom ħadu xi stat tat-tieni klassi. Ma rridx nesaġera, imma dan sirt nisimgħu iktar.

F’Malta dan rajnieħ fil-każ tal-Liġi ta’ l-Ugwaljanza taż-Żwieg, u l-istess distinzjoni kienet aktar użata fir-Referendum tad-Divorzju fejn ħafna li kieku kontra, bħal donnhom iddikjaraw rwieħhom Katttolici iktar minn dawk il-Kattoliċi li ma qablux magħhom. Saħansitra spiċċajna niddiskutu jekk hux dnub tivvota favur.

Illum qed inħossu din l-atitudni f’uħud li ma jaqblux mal-Papa Franġisku u li mingħalihom iridu jużaw lill-Papa Benedittu bħala t-tarka tagħhom. L-iktar każ riċenti kien dak tal-miżinterpretazzjoni tal-messaġġ li l-Papa Benedittu bagħat fl-okkażjoni tal-mewt tal-Kardinal Joachim Meisner. L-Arcisqof Georg Gänswein, is-segretarju personali tal-Papa Benedittu, iddeskriva din il-miżinterpretazzjoni bħala stupida. (Kif irraportat fi Crux Now

Hawn xtaqt nesprimi dan kollu għaliex aħna nafu, specjalment fil-kuntest Malti, li dejjem kien hemm sfidi verament konkreti fil-komunità Maltija lejn materja li għandha x’taqsam mal-fidi u l-firdiet li inqalgħu madwarha.

Kif rajna fil-ġimgħat li għaddew, din it-tensjoni inħasset sew, għalkemm din id-darba mhux bħala eku ta’ l-għoxrinijiet u s-sittinijiet, imma fejn anke fil-kuntest politiku qed insibu li apertament ħafna Kattolici qed jartikolaw ir-relazzjoni tagħhom mal-Knisja b’mod mill-aktar pluralistiku — u hawn m’aħniex ngħidu f’sens ta’ partit wieħed kontra l-ieħor, jew f’sens antiklerikali, imma fejn fiż-żewg partiti hemm min huwa serjament impenjat biex jara li d-diversità tiġi rrispettata. S’intendi, dan mhux dejjem qed jintlaqa’ b’mod miftuħ minn xi wħud li bħal donnhom jridu post esklussiv fil-knisja tagħhom.

Fil-fehma tiegħi, u dan qed ngħidu iktar mill-lat lajk, il-pluraliżmu, sew fil-komunità Kattolika, imma wkoll f’dak li hemm madwarha, id-diversità għandha titħaddan b’mod l-aktar qawwi.

Mill-Arġentina, il-Papa Franġisku ġab miegħu esperjenza ta’ pluraliżmu li huwa dejjem qies bħala grazzja divina u ċelebrazzjoni ta’ l-umanità bil-kontinġenzi storici kollha li jagħmluha. Filwaqt li dejjem insista li mhuwiex relattivista, Bergoglio dejjem jinsisti li din id-diversità hija centrali mhux biss f’dik li hija l-“ekoloġija umana” imma wkoll f’dik li hija id-dinja bħala tali, b’kulma hemm fiha.

Dan jurih fid-djalogu kontinwu li jsostni ma’ kulħadd u fejn iktar minn qatt qabel il-Papa jitkellem dwar redenzjoni universali u b’mod l-aktar car dejem esprima ruħu kontra kull forma ta’ proselitiżmu. Fi kliem ieħor, Franġisku juża’ l-kelma “kattoliku” bl-aktar mod inklussiv, tant li jmur lil hinn mill-konfini tal-Knisja Rumana nfisha.

Dan jidher b’mod l-aktar car meta Franġisku jitkellem kontra l-iskart uman. Hawn mhux qed jitkellem biss fuq grupp wieħed ta’ bnedmin imma qed jaċċenna għall-umanità kollha. Fil-fehma tiegħi, jekk mhux se mmorru lura lejn il-kuntest ta’ kattoliku bħala sinjifikat ta’ universalità li ticcelebra d-diversità tagħha u tiċħad l-esklussiviżmu ta “aħna” u “huma”, l-iskart uman se jibqa’ jikber anke fil-Knisja Kattolika nfisha.

Nittama li dan l-ewwel blog tiegħi fi Newsbook.com.mt mhux se jaqla’ ħafna polemiċi, għalkemm dejjem se nkun l-ewwel wieħed li nħeġġeġ diskussjoni robusta li tiċċelebra id-diverità ta’ ħsieb.