Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Nazzjonalisti

Prof. John Baldacchino  -  31/07/2017 10:05

Irrabjatni r-reazzjoni ta’ xi wħud li jħobbu jitfgħu kumment ta’ malajr fuq Facebook, fejn għall-feature fuq Newsbook dwar kittieba ġodda f’dan il-blogg (jien inkluż), ikkonkludew li dawn “kollha Nazzjonalisti.” Meta xi ħadd ġibed l-attenzjoni li wieħed mill-kittieba kien is-segretarju tal-Forum taż-Żgħażagħ Laburisti, dawwru d-diska u qalu: “mela sebgħa kontra wieħed.”

Issa hawn ma rridx naħli wisq inka virtwali, imma naf żgur li barra s-Segretarju tal-Forum hemm oħrajn li ma jqisux irwieħhom bħala Nazzjonalisti, anke jekk dan ma jfissirx li huma parti minn xi tribù jew ieħor. Min qed jirraġuna b’mod tribali għandu jkun jaf li anke dawk li jaħsbu li huma ma’ l-istess partit, mhux se jaqblu bejniethom, għaliex illum it-tribaliżmu Malti qed jinbidel b’modi radikali, u qed jissaħħaħ għal raġunijiet li la għandhom x’jaqsmu ma’ lealtà partitika, u wisq anqas għal raġunijiet ideoloġiċi.

Dawk li jaħsbu li d-dinja hija maqsuma fi tnejn iridu jirrealizaw li llum, li tgħid li int Nazzjonalist, Laburist, ma’ xi partit ieħor, jew ma ħadd, ma jfisser xejn ċar.  

Huwa f’dan il-kuntest t’ambigwità politika li hawn xtaqt nikkummenta fuq il-Partit Nazzjonalista, speċjalment fuq is-sinifikat li għandha l-elezzjoni ta’ mexxej ġdid tal-oppożizzjoni f’Malta. Dan huwa importanti għaliex anke għal dawk li ma jqisux lilhom infushom bħala Nazzjonalisti, mexxej ġdid tal-PN (u hawn ikollna nirreferu għalih u mhux għaliha, għax mhemmx kandidati nisa, li hija ħasra), huwa importantissimu għad-demokrazija Maltija.

Kif wieħed jistenna, il-kummenti bħalissa huma dwar il-preferut ta’ dak li jkun. Personalment jien m’għandix wieħed. Dan mhux għax niġi naqa’ u nqum, imma għax il-PN qed jidher iktar u iktar bħala misteru, anke għal dawk li jimmilitaw fih. U dan il-fenomenu mhuwiex biss tal-PN, għalkemm il-PN qed isofri minnu għax jinstab fl-oppożizzjoni u għadu kif tilef telfa enormi oħra.

Ejja nħarsu lejn diversi punti li tqajmu ’l hawn u ’l hinn:

1. Fil-PN, l-analiżi tat-telfa  ta’ Lawrence Gonzi ma tteħditx bis-serjetà. Issa jew din ma kienetx effettiva jew kienet żbaljata. Kien x’kien, il-fatt hu li l-PN deher li kien in denial, tant li kien ukoll defiant fis-sens li wħud raw lill-PN bħala arroganti meta argumenta li huwa jista’ joffri gvern aħjar mingħajr ma pubblikament analizza l-iżbalji ta’ gvernijiet Nazzjonalisti ta’ qabel. 

2. Taqbel miegħu jew le, tattikament, Simon Busuttil ħa falza stikka meta sab ruħu jiġġieled issue waħda—dik tal-korruzzjoni. Għalkemm kien hemm ħafna storbju (jew entużjażmu, jiddependi kif taqra l-politika), in-Nazzjonalisti dehru konfużi u bla riedni. Dehru għajjenin u dawk li vvutaw lill-PL fl-2013, għalkemm qabel kienu jivvutaw lill-PN, ma raw xejn ġdid fil-PN—u dan, anke meta Busuttil ippropona diversi miżuri dwar ħafna setturi u minkejja li bħala mexxej kien strumentali biex joħroġ lill-PN minn kriżi finanzjarja serja.

3. Minkejja dan kollu, meta tilef it-tieni darba b’telfa ta’ iktar voti mill-2013, il-PN mal-ewwel mar għal elezzjoni ta’ mexxej ġdid. Dan sar mingħajr analiżi għaliex il-PN reġa’ tilef elezzjoni b’mod massiċċ. Li tagħmel żball huwa uman, imma li terġa’ tagħmel l-istess żball it-tieni darba se jagħti l-impressjoni li dawk li qed imexxu l-PN mhux qed jinteresshom għaliex tilfu.

Għalkemm jien naqbel li mexxej li jitlef b’għadd kbir voti għandu jirriżenja, mill-esperjenza ta’ partiti li spiċċaw f’ċikli eterni ta’ elezzjonijiet interni, nafu wkoll li tibdel il-mexxej fih innifsu mhux biżżejjed.

Diġà smajna minn uħud (li żgur mhumiex Laburisti), li l-mexxejja prospettivi tal-PN mhux qed joffru għażla. Hemm persunaġġi magħrufa fil-PN li ħafna rieduhom joħorġu imma ma ħarġux.

Dan mhux qed iseħħ f’vakuum. Fil-kuntest tal-Liġi ta’ Żwieg Ugwali rajna kif ħafna opinjonisti Nazzjonalisti ma qablux bejniethom dwar l-identità tal-PN, u dan għandu eku fid-dibattiti bejn dawk li ħarġu għall-mexxej.

Imma hawn ir-riħ huwa kontra il-PN. L-idea ta’ partit b’ideoloġija unitarja ma jidhirx li qed jonfoħ fid-direzzjoni ta’ Malta. Ħafna ilhom jinsistu, sew fil-PN u sew fil-PL, li l-idejal huwa ċ-Ċentru. Jekk tara s-sustanza ta’ l-argument bejn gvern u oppożizzjoni, din mhijiex dwar ideoloġija, imma dwar governanza u maniġerjaliżmu. Anke fl-ekonomija, l-argument mhux x’tip ta’ ekonomija qed iħaddnu, imma kif qed immexxuha.

Dan ifisser li dawk li qed jippruvaw jimmiraw għal argument ideoloġiku, mhumiex se jsibu lil min jisma’ ħlief lil xi wħud fil-periferija taż-żewġ partiti l-kbar.

Qed nisimgħu ukoll ħafna reviżjonisti tal-Istorja tal-PN, li fis-selezzjoniżmu tagħhom, ħafna—Nazzjonalisti u mhumiex—ma jagħrfux lil PN li aħna lkoll nafu, taqbel jew ma taqbilx miegħu. Dawn l-istoriċi każwali qed jaħlu l-ħin jekk jaħsbu li l-PN se jirbaħ jekk se jkollu mexxej li jsostnih bħala partit distintament konservattiv, jew demokristjan, liberali, jew xi jkun.

Il-mistoqsija “X’Inhu l-PN?” għandha tkun ikkwalifikata bħala “X’inhu l-PN illum, meta l-mudell ta’ partit b’ideoloġija speċifika unitarja twarrbet?”

Jekk xi ħadd iħares lura se jara li l-istess mistoqsija (għalkemm skjetta) kienet l-istess meta Joseph Muscat rebaħ it-tmexxija tal-PL, u din l-istess mistoqsija se tkun ċentrali jekk Muscat, kif qal li se jagħmel, ma jibqax mexxej ħames snin oħra. 

Din hija problema sostanzjali għal kull partit tradizzjonali li qabel kien jitla’ b’għajta ta’ lemin, xellug u ċentru. Minkejja kull tribaliżmu, nafu li l-PN u l-PL illum, iktar minn qatt qabel, saru ġabra wiesgħa ta’ nies li fihom m’intix se ssib vuċi jew ambizzjoni komuni, imma se ssib diversi interessi u ambizzjonijiet personali u ta’ gruppi li ġieli ma jaqblux ma’ xulxin iktar milli ma jaqblux mal-partit tan-naħa l-oħra.

Ninsab ċert li dawk li llum għadhom jgħidu li huma Laburisti jew Nazzjonalisti għandhom raġunijiet personali, li huma marbuta mal-esperjenzi tagħhom u ta’ familthom. Madankollu kieku kellek tistaqsi l-istess individwi fi grupp wieħed Nazzjonalista jew Laburista, se ssib inqas koerenza ta’ ħsieb milli kont se ssib fi żmien Mintoff jew Fenech Adami.

Meta Muscat jitkellem fuq Moviment, u Busuttil tkellem fuq Front, dawn kienu jafu x’qed jgħidu għaliex politiċi li jiswew ċenteżmu jew tnejn, illum jafu li l-partiti tradizzjonali spiċċaw u iktar minn qatt qabel, l-interessi ta’ dawk li jinġabru taħt l-umbrella ta’ partit jew ieħor mhumiex nies b’fidi politika waħda, imma nies li jinġabru madwar programm li fih isibu elementi komuni, għalkemm nafu li se ssib fihom twemmin politiku ta’ kull tip: lemin, xellug, ċentru, jew xejn.

B’hekk meta ngħidu Nazzjonalist, jew Laburist, irridu wkoll nifhmu li ħafna drabi dawn it-titli iktar qed jaħbu milli qed juru dak li jidher li wħud jistqarru b’konvinzjoni.

Prof. John Baldacchino