Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Dak li tiżra' taħsad!

Dr Alex Saliba  -  10/08/2017 23:14

Il-Malti jgħid, dak illi tiżra' taħsad u llum il-ġurnata l-Partit Nazzjonalista qed jaħsad dak illi ilu jiżra matul dawn l-aħħar snin. Jaħsad il-frott ta’ politika diviżiva ibbażata biss fuq kampanja twila ta’ gideb, mibgħeda u mingħajr ebda vizjoni. Jaħsad il-frott ta’ tmexxija mingħajr ideat u wisq anqas mingħajr struttura kemm għall-istess partit u kif ukoll għall-pajjiż. 

Il-mantra ta’ “mhux normali” illi tant kienu jgħajru biha lill Gvern Laburista matul l-aħħar kampanja elettorali llum toqgħod bizzila għall-istat illi jinsab fih il-Partit Nazzjonalista. Partit illi spiċċa kostrett jgħażel kap minn fost 4 kandidati illum fl-opinjoni ta’ bosta mhumiex denji illi jokkupaw din l-għola kariga fil-Partit. L-imbarazzo della scelta zgur mhijiex frazi illi bħalissa jistgħu jgħajtu l-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista meta fuq spiċċaw b’ kandidat wiħed biss illi huwa membru tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista, xi ħaġa illi fl-opinjoni tiegħi żġur illi mhijiex xi ħaġa normali.

Jekk Lawrence Gonzi kien iħoss illi għandu talenti limitati fi ħdan il-kabinett tiegħu 7 snin ilu, żġur illi l-faqar illi ħalla warajh Simon Busuttil jissupera n-nuqqasijiet illi kien jaffaċja l-predeċessur tiegħu. Partit illi llum qed jaħsad il-frott tan-nuqqas ta’ spazju illi kien jgħati lill elementi ġodda illi riedu leħen u rwol fl-istess strutturi tal-Partit illi minn naha l-oħra kien ikkaparrat minn tlett familji illi dejjem ħasbu li l-Partit Nazzjonalista huwa tagħhom bi dritt.

Partit illi llum il-ġurnata tilef l-iskop eżistenzjali tiegħu u l-unika enerġija illi timmotivah sabiex jibqa' jieħu nnifs hija dik biss tal-kilba tal-poter, l-egoċentriżmu u l-illużjoni illi niesu għandhom xi dritt divin sabiex jiggvernaw.

Partit illi wara t-tieni damdima elettorali illi ġarrab għażel illi jkompli jitfa' l-problemi taħt it-tapit u ma jagħmilx analiżi ta’ dak illi mar ħażin permezz ta’ rapport tat-telfa illi seta' jgħinu sabiex fis-snin illi ġejjin jirriforma ruħu b’mod pożittiv. Partit li l-unika vuċi awtokritika tiegħu ironikament ġejja biss minn wieħed mill-kandidati għall-kariga ta’ mexxej tal-istess Partit illi ħareġ qatta bla ħabel jattaka l-mod kif Simon Busttil irnexxielu jkisser il-ftit legat pożittiv illi ħalla warajh l-eks mexxej Nazzjonalista Lawrence Gonzi.

Partit Nazzjonalista illi kien, għadu u jibqa' partit magħluq fih innifsu, partit mifni bi klikkek li jaħsbu li l-Partit huwa tagħhom bi dritt. L-ombri ta’ Demarkijiet, tal-Mifsud Bonnicijiet u tal-Fenech Adamijiet kienu u għadhom jippretendu illi jibqgħu jiġbdu l-ispaga minn wara s-separju anka wara żewġ telfiet elettorali illi kważi kważi ġabu fix-xejn lill Partit Nazzjonalista.

L-attitudni ta’ superjorità u arroganza illi darset tant Maltin u Għawdxin matul dawn l-aħħar snin baqgħet tispikka xorta waħda anka f’uċuħ illi jridu jagħtu l-impressjoni illi ser ikunu qed iġibu xi bidla fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Kummenti bħal dawk ta’ Adrian Delia fejn ftaħar illi jagħmel it-tfal biss taħt gvernijiet Nazzjonalisti u li jrid jiftaħ il-bibien tal-Partit għan-Nażżjonalisti biss huma r-riċetta perfetta ta’ aktar kollass għal dan il-partit illi xi darba kien jiftaħar illi huwa xi partit glorjuż.

Affermazzjonijiet minn tnejn minn fost il-kandidati għat-tmexxija illi għalihom l-iskema ta’ self sigriet hija prattika tajba u sana f’soċjeta’ demokratika tkompli tikkonferma illi l-bidla illi tant qed jitkelmu dwarha ma hija xejn ħlief illużjoni oħra għall-Partitarji Nazzjonalisti illi sa xharejn u nofs ilu kienu għadhom qed jimlulhom rashom illi l-Partit tagħhom kien jinsab viċin ta’ rebħa elettorali ċerta.

Kummenti bħal dawk ta’ Chris Said fejn ħareġ it-tarka għal darboħra sabiex jiddefendu lill Daphne Caruana Galizia huma sinjali ċari daqs il-kristall illi l-politika ta’ ħdura u mibgħeda kienet, għadha u ser tibqa' l-ordni tal-ġurnata fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Nagħlaq bil-kliem tal-kandidat Nazzjonalista Frank Portelli illi qal illi skond survey illi ġie ikkumissjonat ftit tal-jiem ilu l-Partit Nazzjonalista spiċċa tilef madwar ħmistax-il elf vot ieħor f’ temp ta’ ftit ġimgħat minn wara l-aħħar elezzjoni ġenerali. Dan huwa kollu sintomu tal-emoroġija kbira illi kompliet tirrenja fi ħdan il-Partit Nazzjonalista illi qabel mhu ser jammetti n-nuqqasijiet tiegħu u jikkonverti b’mod sinċier billi bil-fatti jibda jimplimenta politika normali u moderata din l-emoroħija ser tibqa' tnixxi u mill-bibien ser ikomplu jiskappawlhom aktar u aktar Nazzjonalisti ġenwini illi ma jifilħux jisimgħu aktar il-mantra tal-politika tal-passat! 

Dr. Alex Saliba

Attivist Laburista li kien il-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti