Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Kriżijiet miksura minn raġġ dawl

Nicholas Baldacchino  -  10/08/2017 21:20

Jimmy McGovern reġa’ għamilha! McGovern huwa kittieb u produttur Ingliż ta’ diversi sensiela televiżivi u films, ħafna minnhom dwar suġġetti kontroversjali.

Twieled u trabba bħala Kattoliku imma kif jgħid hu stess, f’żogħżitu tilef il-fidi u sa issa, għalkemm għandu 68 sena għadu ma sabiex, minkejja li xi drabi jittawwal sal-Knisja. Fost l-aktar suġġetti li jitratta b’mod provokattiv huwa dak dwar il-qassisin u r-reliġjużi, l-isfidi psikoloġiċi u morali li jgħaddu minnhom, ir-rwol tagħhom fis-soċjetà u l-post tal-Knisja fis-soċjetà tal-lum.

Fl-1994 kien kiteb u ipproduċa l-film The Priest. Dan kien nominat għall-Bafta Award imma spiċċa ibbojkotjat mill-Knisja Kattolika fl-Irlanda. Jitratta dwar qassis żagħżugħ ta’ tendenza konservattiva imma fis-sigrieta ta’ qalbu għandu ġibdiet omosesswali. Jitħawwad meta jara qassis ieħor, ta’ tendenzi xellugin u proponent tat-Teoloġija Liberali imma għandu relazzjoni sesswali ma’ mara. Minkejja l-iskrupli tiegħu, hu stess jispiċċa li jibda relazzjoni sesswali ma’ ġuvni li jfiġġ fil-parroċċa. Jitħawwad aktar bil-kbir meta tfajla tiġi tqerr u tgħidlu li missierha qed jabbużaha sesswalment u ma seta’ jagħmel xejn minħabba s-sigriet tal-qrar. Jibda saħansitra jiddubita mill-fidi tiegħu f’Alla li jippermetti li jseħħu dawn l-affarijiet moqżieża.

Fl-2002 kiteb u ħadem Sunday, film għat-televiżjoni dwar fost ħwejjeġ oħra, is-sehem ta’ diversi saċerdoti b’mod partikolari Fr Edward Daly (li wara kien sar Isqof) fl-inċident magħruf bħala Bloody Sunday li kien seħħ fl-1972 fl-Irlanda ta’ Fuq. Suldati Ingliżi kienu fetħu n-nar fuq persuni mhux armati li kienu qed jipprotestaw fit-toroq kontra l-preżenza tal-Armata Ingliża fl-Irlanda ta’ Fuq u laqtu tmienja u għoxrin persuna li erbatax minnhom kienu sfaw imbiċċra.

Issa f’Mejju li għadda l-BBC xandar sensiela oħra ta’ McGovern bl-isem Broken dwar saċerdot f’belt fit-tramuntana tal-Ingilterra. Minkejja t-trawmi tal-passat tiegħu fosthom meta kien ġie abbużat minn qassis għalliem, Fr Michael Kerrigan xorta waħda jagħmel minn kollox biex jgħin lill-parruċċani tiegħu l-aktar dawk vulnerabbli u li għaddejin minn diffikultajiet kbar f’ħajjithom.

McGovern jurina xi jħoss Fr Michael meta minkejja l-almu tiegħu kollu, xorta waħda ma jirnexxielux jgħin u jaqla’ mill-ħama lil xi nies li kienu fittxew l-għajnuna tiegħu. Jeżamina l-effett li l-abbuż sesswali ħalla timbru negattiv fuq Fr Michael u r-rabja li din kienet tikkawżalu għal dak is-saċerdot li kien wettaq dan l-att faħxi.

Xi ħaġa simili bejn Broken u The Priest hija li ż-żewġ saċerdoti protagonisti, it-tnejn jiġuhom flashbacks tal-mumenti iebsa tagħhom u tal-kontradizzjonijet f’ħajjithom propju waqt il-mument sollenni tal-konsagrazzjoni meta qed ilissnu l-kliem ta’ Ġesù, “ħudu u kulu għax dan hu ġismi….”

Għaliex Broken? Mhux għax is-saċerdot, u kull nisrani, jitfarrak jew ifarrak, ikisser jew jitkisser. Broken mhux għax ikollu jgħaddi minn tant kontroversji interni, fallimenti, għejja mentali u fiżika, solitudni u nuqqas ta’ ftehim, xi drabi serji immens, ma’ saċerdoti oħra, ma’ parruċċani, u mal-mexxejja tiegħu. Lanqas ma huwa Broken għax is-saċerdozju għaddej minn kriżi kbira ikkawżata min-nuqqas serju ta’ vokazzjonijiet li qed tissarraf  f’piż kbir fuq is-saċerdoti tal-lum.

Kif qal f’intervista riċenti fuq ir-rivista Kattolika The Tablet, bi Broken McGovern għandu f’moħħu s-saċerdot li bħal Kristu fl-Aħħar Ċena ħa l-ħobż, qasmu u tah! Ma tistax tkun saċerdot “tajjeb” jekk mhux diġà maqsum, ħafna drabi mifni, biex tkun tista’ tingħata lill-oħrajn.

Nissuġġerixxi li żewġ kategoriji ta’ nies jaraw din is-sensiela ta’ McGovern: l-ewwel lill-qassisin u reliġjużi li qed iħossuhom jagħżqu fl-ilma, għajjiena, mingħajr frott f’ħajjithom. Nirrakkomandah ukoll lis-seminaristi u nasal biex ngħid li x-xogħol ta’ McGovern għandu jkun parti mill-istudji ta’ tħejjija tagħhom.

Il-kategorija l-oħra li nissuġġerih huma dawk li ma jistgħux jifhmu lill-qassisin u r-rwol tagħhom fis-soċjetà, u b’mod partikolari dawk li jitkażaw meta xi saċerdot jonqoshom jew ifixkilhom.

McGovern li jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “a broken Catholic” u li kien hemm snin fejn il-Knisja  għamlitlu ħajtu miżerja, madankollu ma jasalx biex jattakka l-fidi.  Anzi jgħid li l-Knisja Kattolika tibqa’ taffaxxinah. Jekk tara Broken tifhem għaliex. 


Nikol Baldacchino huwa ekseditur tal-ġurnal Il-Ġens kif ukoll membru attiv ħafna fil-Moviment Kariżmatiku.