Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

L-effetti tat-tibdil fil-klima

Simone Vella Lenicker  -  10/08/2017 22:00

Ftit ilu kont attendejt workshop fejn qamet diskussjoni dwar it-tibdil fil-klima. Persuna kienet tkellmet dwar il-fatt li ssibha diffiċli li tifhem dan xi jfisser, u kif inhu kkawżat, u li l-ispjegazzjonijiet xjentifiċi ħafna drabi huma kkumplikati wisq biex wieħed japprezza verament x’inhu dan il-fenomenu. 

Naħseb li din il-persuna għandha raġun. Iżda min-naħa l-oħra, kollha kemm aħna qegħdin nesperjenzaw l-effetti tat-tibdil fil-klima, ibda mill-mewġa ta’ sħana li ħassejna fl-aħħar ġimgħat. Dan hu wieħed mill-effetti tat-tibdil fil-klima, u meta nifhmu iktar x’inhuma l-impatti, forsi jkun iktar faċli li wieħed jibda japprezza l-importanza li ntaffu l-impatti tal-attivitá tal-bniedem fuq l-ambjent ta’ madwarna. 

Ħafna forsi jistaqsu, imma Malta hija tant żgħira, x’tip ta’ impatt jista’ jkollha fuq il-tibdil fil-klima f’kuntest dinji? Fil-fatt huwa kkalkolat li Malta hija responsabbli għal 0.01% tal-emissjonijiet tad-dinja. Iżda Malta hija gżira b’riżorsi naturali limitati mmens, u għalhekk għandu jkollna interess kbir f’dan is-suġġett, għaliex l-impatti tat-tibdil fil-klima jinkludu, fost oħrajn, l-iskarzezza ta’ l-ilma, kundizzjonijiet tat-temp ta’ natura estrema bħal xita qawwija, kif ukoll ir-riskji li jġib miegħu it-tibdil fil-livell tal-baħar. Dawn ser iħallu impatti serji fuq il-gżejjer tagħna, u hemm bżonn li naħsbu għall-futur minn issa, b’mod speċjali fejn tidħol l-infrastruttura tal-pajjiż kif ukoll fis-servizzi ta’ salvataġġ. 

It-Trattat ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, magħruf bħal COP 21, għandu tliet miri importanti:

  • Li titrażżan iż-żieda fit-temperatura medja tad-dinja;
  • Li ntejbu l-kapaċita’ tagħna li naddattaw għat-tibdil fil-klima u li jitnaqqsu l-emissjonijiet serra;
  • Li l-pajjiżi jassiguraw li jkun hemm l-investiment sabiex jintlaħqu dawn il-miri.

 

Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li ffirmat dan it-Trattat fl-2016. Sfortunatament, iżda, qegħdin ferm il-bogħod milli nilħqu l-miri ta’ l-Unjoni Ewropea rigward il-Klima u l-Enerġija. Hemm bżonn li aħna wkoll, anki fiċ-ċokon tagħna, nagħtu sehmna sabiex intaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima. Kif igħid il-Malti, trid tgħin ruħek biex Alla jgħinek. 

Huwa għalhekk importanti li l-gvernijiet jgħarfu s-serjetà ta’ din is-sitwazzjoni, u jaċċertaw li Malta żżomm ma’ l-impenji internazzjonali li daħlet għalihom. Huwa wkoll importanti li kull wieħed u waħda minna jagħraf kif, anki mid-dar tiegħu, jista’ jikkontribwixxi biex jittaffew l-impatti tal-attivitajiet tagħna fuq il-klima, bħal per eżempju:

  • inkunu iktar attenti fl-użu tal-elettriku;
  • inrażżnu l-ħela ta’ l-ilma u ninstallaw bjar fejn nistgħu niġbru l-ilma tax-xita;
  • nagħżlu li nixtru prodotti li jkollhom inqas packaging minn oħrajn, u għalhekk jiġġeneraw inqas skart;
  • ninstallaw sistemi ta’ enerġija rinovabbli bħall-pannelli fotovoltaiċi;
  • nisseparaw u nirriċiklaw l-iskart domestiku;
  • u tant modi oħrajn kif, fuq livell ta’ familja, nistgħu anki aħna nagħtu s-sehem tagħna sabiex intaffu din il-problema, u b’hekk nindirizzaw l-fatt li aħna stess parti mill-problema.   

Hemm proverbju li jgħid: Aħna ma writniex id-dinja mingħand l-antenati tagħna, iżda qed nisilfuha mingħand uliedna (We do not inherit the Earth from our ancestors; we borrow it from our children). Dan ipoġġi fuqna r-responsabbilta’ li inħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri ambjent aħjar minn dak li gawdejna aħna sal-lum.