Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Assassinju DCG: L-Arċisqof b'messaġġ qawwi għall-ġurnalisti, għall-politiċi u għall-Maltin   |  L-avukat ta' DCG imħasseb bl-aġir tagħha ftit jiem qabel inqatlet   |  "Kont naf li qed tfittxuni, għalhekk żammejt pistola fuqi" - l-akkużat   |  Seba’ flyovers mingħajr traffic lights fil-junction tal-Marsa   |  

"Orjentati" - Prof. John Baldacchino

Prof. John Baldacchino  -  11/08/2017 12:12

Dan l-aħħar kont qed nara video tal-Papa Franġisku jitkellem fl-Udjenza Ġenerali tat-2 t’ Awwissu 2017. Laqtuni żewġ kelmiet li huwa uża b’mod ftit jew wisq paradossali. Dawn il-kelmiet ispirawni bil-ġmiel ta’ l-użu tagħhom.

Iż-żewġ kelmiet huma orjentazzjoni u kontaminazzjoni (jew kif ngħidu bil-Malti semitiku tniġġis). Il-kuntest ewlieni li fih Franġisku juża’ dawn il-kelmiet hija t-tama. Huwa jorbot it-tama mad-dawl li jitla’ mill-Lvant (jew kif ukoll insejħulu, l-Orjent) u mal-Magħmudija li huwa jorbot ma’ dik li jsejjaħ “il-kontaminazzjoni tad-dawl”.

Ħa nikkwotah bil-Malti li qlibt mid-diskors tiegħu (li ssibu fil-portal tal-Vatikan):

“L-Insara mhumiex eżentati minn dlamijiet sew esterni u kif ukoll interni. Ma jgħixux barra d-dinja. Imma bil-grazzja ta’ Kristu li jirċievu fil-magħmudija, huma rġiel u nisa ‘orjentati’: ma jemmnux fid-dlam, imma fid-dija tal-jum; ma jċedux għal-lejl, imma jittamaw fis-sebħ; mhumiex telliefa tal-mewt, imma ħerqana għall-qawmien; ma jitbikkmux quddiem il-ħażen, imma dejjem jafdaw fil-possibilitajiet bla tmiem tat-tajjeb.”

Franġisku jagħti kuntest għall-kelma orjentazzjoni fl-attenzjoni li l-Insara bikrin kienu jagħtu lill-Lvant. Dan huwa l-orjent li lejh mhux biss kienu jinbnew altari fil-knejjes u l-imqades tal-Insara, imma fejn fir-ritwal tal-magħmudija il-katekumeni (iġifieri dawk li kienu se jitgħammdu) kienu l-ewwel iħarsu lejn il-Punent (l-Oċċident) u jiċħdu id-dlamijiet tal-ħażen u mbagħad iħarsu lejn il-Lvant (l-Orjent) u jistqarru l-fidi tagħhom f’Alla l-Missier, l-Iben u Ruħ il-Qodos li huma jqisu bħala d-dawl ġdid ta’ ħajjithom.

Apparti li din ma kienetx biss tradizzjoni Nisranija—għax kif nafu sa llum, il-Lvant huwa d-direzzjoni lejn fejn iħarsu sew il-Lhud u wkoll il-Misilmin meta jitolbu (s’intendi qed nitkellmu minn posizzjoni ta’ dinja oċċidentali)—il-ħarsa lejn l-Orjent tagħtina l-kelma “orjentazzjoni”.

Il-kelma “orjentazzjoni” tintuża f’ħafna ilsna bl-istess mod. B’hekk, orjentazzjoni ta’ xi ħadd tindika kif persuna taħseb, tgħix u taġixxi b’mod li jikkonferma direzzjoni ta’ ħsieb, konvinzjoni, għan u mod t’għixien. Bl-istess mod, l-orjentazzjoni ta’ vjaġġ tindika direzzjoni fejn wieħed sejjer jew irid imur. Nitkellmu wkoll dwar orientazzjoni sesswali, ta’ klassi, ta’ għarfien, t’ideoloġija jew fidi.

Franġisku jqabbel il-ħajja tal-Knisja ma’ dik li jsejjaħ il-“kontaminazzjoni tad-dawl” (contaminazione di luce). Hawn ma nistgħux ninsew is-sens ta’ knisja bħala ekklesia, li għall-Griegi bikrin kienet il-kommunità miġbura f’assemblea fejn kienu jiltaqgħu c-cittadini tal-polis—tal-belt-Statbiex jittieħdu d-deċiżjonijiet ta’ kuljum li bihom kienet titmexxa l-komunità.

“Il-ħajja tal-Knisja—u hawn nuża kelma daqsxejn qawwija—hija kontaminazzjoni tad-dawl. Aktar ma aħna l-Insara jkollna d-dawl ta’ Ġesu, iktar ma jkun hemm id-dawl ta’ Ġesù fil-Knisja, aktar din se tkun ħajja. Il-ħajja tal-Knisja hija kontaminazzjoni tad-dawl,” jerġa’ jtenni Franġisku.

Il-mibki Edward Said, professur tal-kritika letterarja u teoriku politiku brillanti li kiteb għadd ta’ kotba li llum saru klassiċi, huwa  l-aktar magħruf għall-ktieb tiegħu Orientalism. F’Orientalism Said juri kif sew fl-espressjonijiet artistiċi-letterarji imma wkoll dawk politiko-kulturali, l-Orjent (il-Lvant), kien dejjem meqjuż u sfruttat bħala lok ta’ kultura eżotika li tpaxxi u ssaħħaħ l-eġemonija tal-kolonjalisti tal-Punent. Fid-diskors eżotiku orjentalista insibu terminoloġija u attitudni derogatrorja fejn l-isterjotipi tal-“persuna orjentali” tiddeskrivi lill-persuni Mediterranji u ta’ Lvant Nosani, l-aktar dawk min-Nofsinhar Ewropew, Balkani, Għarab, Lhud, u Torok, bħala popli ta’ nies għażżenin, prokratistanti, ineffiċjenti, demmhom spont, ġellieda, vjolenti w litiganti, barbari, korrotti u ineffiċjenti.

Ħafna illum jużaw l-istess preġudizzji li intirtu minn dan id-diskors orjenatlista kolonjali, fejn dawk li jaħsbu li huma minn kultura bajda, Nisranija u Ewropea iqisu lilhom infushom iktar superjuri u “ċċivilizzati” mill-popli ta’ Lvant jew l-Afrika. Fiż-żmenijiet li qed ngħixu dan il-preġudizzju qed jinfirex u jsir iktar grottesk, speċjalment meta in-“Nisrani” Ewropew u tal-Punent jikkuntrasta ruħu ma’ dawk li ġejjin mill-Lvant, l-aktar dawk li huma Musulmani.

Imma s-suprematisti qed jinsew (konvenjentement) li l-Knisja Nisranija hija fidi ta’ Lvant. Ġesù kien Lhudi mill-Lvant Nofsani. Kien ukoll persuna samra u ma kellux għajnejh żoroq u xagħru lixx u bjond qisu xi Tedesk “Arjan” bħalma nsibu fis-santi.

Meta xi snin ilu l-BBC ikkommissjonaw espert fl-arti forensika sabiex jagħmel rikostruzzjoni ta’ bust minn ras skeletali ta’ persuna mill-Lvant Nofsani ta’ l-ewwel seklu (iġifieri persuna mill-istess żmien u nħawi li fihom għex Ġesù), ħafna pprotestaw għax ir-riżultat ma kienx dak li kienu qed jistennew. Flok bust ta’ Ewropew abjad, sabu persuna li xi wħud iddeskrivew bħala “wiċċ ta’ Musulman jew Tork”. Fil-preġudizzju u l-injoranza tagħhom xi wħud ippretendew li Ġesù kien abjad mill-Ewropa ta’ fuq.

Fir-radikalità tal-kunċett ta’ Nsara bħala “rġiel u nisa ‘orjentati’” Franġisku joffri ftuħ intellettwali u lingwistiku li jmur kontra dawn il-preġudizzji. L-immaġini li juża tilliberana mill-injuranza lingwistika u ta’ fidi li fiha u biha ħafna jispiċċaw imbiegħda minn dawk li meqjusa bħala “‘l-oħrajn’ li mhumiex ‘bħalna’.”

Minn kliem Franġisku, mill-paradoss sabiħ li huwa jinseġ, hemm ħafna fuqhiex nirriflettu. Meta nosservaw persuna Lhudija tħares lejn Ġerusalemm fil-Lvant filwaqt li titlob u tintlewa sabiex taċċentwa l-kliem sabiħ ta’ “X’ma Iżrael Adonaj Eloħenu, Adonaj Eħad” [Isma’ Iżrael wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tiegħek] (Dewteronomju 6:4-9); jew meta naraw persuna Musulmana tinżel għarkubbtejha u tagħti sliem b’ġisimha kollu f’qima, tħares lejn il-Lvant fejn hemm il-Ħaġra s-Sewda fil-Mekka u tikkwota s-Sunna u l-Ħadit tal-Kuran; forsi meta naraw dan niftakru wkoll fl-Insara ta’ qabilna li kienu jqimu lill-Alla billi jħarsu lejn il-Lvant.

Wieħed jittama li bħala “irġiel u nisa orjentati” aħna lkoll inħarsu lejn id-dawl sabiex nitniġġsu bit-tama f’ġejjieni li jrid jinħeles mill-għawġ, mill-imwiet ta’ tant nies innoċenti fi gwerer bla sens, mill-ġuħ u l-faqar, mill-oppressjoni ekonomika u politika, u minn dak kollu li jħallina fid-dlam.

Franġisku għażel kliem skomdu li bih qed jisfidana sabiex nagħrfu l-preġudizzji konxji u nkonxji tagħna. Huwa wkoll ifakkarna li fil-ġlieda tagħna għat-tama u l-ġustizzja, il-Knisja trid tkun ikkontaminata mid-dawl għax bħala ekklesja hija kommunità ta’ bnedmin li flimkien isostnu fidi f’ġejjieni aħjar u f’dinja ġusta lio għaliha rridu naħdmu lkoll.