Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

#jienavoluntier: Farewell

Fondazzjoni agara Proġett PolòPolò  -  13/08/2017 15:31

Is-sitt jum

Kif tista’ tintrabat mal-post u man-nies daqstant li kull farewell li jkollok tkun għafsa ta’ qalb? Din hija mistoqsija li qed inħabbtu wiċċna kull darba li qed ikollna nitilqu minn post biex immorru f’ieħor. Ġejna bħal stranġieri iżda qed nispiċċaw ħaġa waħda man-nies tal-lokal.

U proprju dan hu l-fulkru għalfejn aħna lkoll qegħdin hawnhekk. Bħala fondazzjoni, agara tagħmel għadd ta’ proġetti fejn fihom in-nies ma jkollhiex għalfejn titla’ fil-pajjiż.  Kif diġà semmejna, kemm-il darba, l-iskop aħħari tagħna huwa li noffru opportunità lin-nies li timxi pass ieħor f’ħajjitha permezz ta’ laptops.  Xogħolna mhux li noħolqu inizjattivi ġodda, iżda li permezz tal-proġett tagħna nsaħħu l-inizjattivi li diġà jkun hemm għaddejjin. U proprju din hi r-raġuni għalfejn nistgħu nidħlu għal proġetti mingħajr ma aħna stess inkunu preżenti f’dal-post.

Allura għalfejn il-bżonn li nitilgħu bħala grupp? Għalfejn għandna nidħlu fl-ispejjeż tagħna personali bħala individwi biex nitilgħu ġewwa pajjiż barrani u nwasslu l-istess laptops li setgħu telgħu mod ieħor? U r-raġuni hija sempliċi: il-persuna ta’ wara l-laptops. Malta, minn meta nkunu għaddejjin nikkoordinaw il-proġett u naraw kif ser naslu biex inwettqu dak li nkunu ippjanajna, inkunu ffukati fuq il-proġett inġenerali. Madanakollu, minn mili ‘l bogħod, diffiċli tifhem ir-realtà li hemm ġewwa pajjiżi oħra.  Huwa diffiċli tifhem realtà li hi daqstant differenti minn dik li qed tgħix ġewwa darek sakemm ma tesperjenzax biċċa żgħira minnha, anke jekk għal żmien qasir.

U hawnhekk tidħol l-importanza u s-sbuħija li ma’ kull post hemm marbuta miegħu emozzjoni, ħbiberija, memorja u esperjenza li missewna fil-fond. Kull meta mmorru ġewwa pajjiż, f’dak il-mument, l-iktar ħaġa fundamentali ma tibqax li jitwasslu l-laptops iżda li nassiguraw li qed nilħqu persuni li tassew għandhom bżonn l-istess laptops. Meta naffaċċjaw il-persuni ma jibqax jinteressana n-numru ta’ laptops iżda l-istorja tal-persuna. Hekk kif naslu fil-pajjiż, l-ewwel prijorità tkun li tassew nifhmu din ir-realtà biex nixorbu ftit minn dak li tkun qed tgħaddi minnu l-persuna li naħdmu magħha. 

Dan l-istess sentiment huwa dak li qed jagħtina iktar enerġija minn dik li tlajna biha biex inkomplu mexjin f’din l-esperjenza ġewwa r-Rumanija. L-ebda laqgħa, preparazzjoni u diskussjoni ma tista’ qatt twasslek biex tkun mija fil-mija ppreparat għall-karattri u l-stejjer li nkunu se niltaqgħu magħhom. U proprju dan hu s-sabiħ ta’ esperjenza bħal din, li nafu għal liema proġett ġejna, iżda kull persuna li ltqajna u se niltaqgħu magħha hija rigal ieħor li tkompli żżewwaq din l-esperjenza.

Il-ħames jum

Jum wara l-ieħor qed naffaċċjaw iktar ir-realtajiet differenti li qed naraw fir-Rumanija.  Ma jfissirx li hija realtà negattiva għax fl-aħħar mill-aħħar parti mir-realtà hija magħmula mill-kultura, l-ambjent u r-ritmu tal-post.  Madanakollu post tibda ssir tafu meta tqatta’ iktar żmien fih u tibda tifhem il-għala tiġri ħaġa u mhux oħra. 

Iżda issa li tlaqna minn Cavnic biex immorru ġewwa Cluj wasal il-ħin biex inkunu iktar konkreti fis-sens tal-proġett u nfiehmu fejn marru l-laptops li telgħu magħna. 

Kids’ Club

L-ewwel laptops ta’ għamla pjuttost żgħira, marru għand klabb tat-tfal li jiltaqgħu minn tal-inqas darbtejn fil-ġimgħa.  Qed nitkellmu fuq tfal tassew żgħar li ħafna minnhom ġejjin minn familji li raw il-faqar.  Meta nikkunsidraw ix-xettiċiżmu li n-nies tal-post iħarsu lejn l-edukazzjoni, klabbs bħal dawn huma tassew essenzjali biex it-tfal jitgħallmu jħarsu lil hinn mill-qoxra tagħhom u jkomplu jkabbru l-potenzjal tagħhom.

Proġett Fotografiku

Kif ġa tennejna, Cavnic huwa post fil-muntanji, b’veduti li jsaħħruk iżda b’ammont ta’ limitazzjoijiet minħabba n-natura ġeografika tal-post.  Għaldaqstant iż-żgħażagħ ħafna drabi jsaqqfu wiċċhom ma’ limitazzjoni kbira ta’ opportunitajiet, speċjalment fuq esperjenzi li jmorru lil hinn mis-sistema edukattiva.  Dan wassal biex twaqqaf dal-proġett fejn iż-żgħażagħ huma mistednin jieħdu ammont ta’ ritratti li wara jiġu rranġati permezz tal-laptops u mifruxin kemm jista’ jkun.  B’hekk iktar nies isiru jafu b’dal-post, waqt li ż-żgħażagħ ikollhom esperjenza oħra.  Huwa proġett ta’ sitt xhur li t-tmiem tiegħu jwassal għal bidu ta’ proġett ieħor bi skop simili għal dan.

Proġett Intrapranditorjali

L-opportunitajiet f’kull pajjiż ma jinħolqux mix-xejn, iżda hija ħidma ta’ intrapriżi ġodda flimkien mal-istat li id f’id kapaċi jsawru ideat ġodda li minnhom jinħolqu iktar opportunitajiet.  U b’dal-ħsieb, ġewwa Cavnic inħoloq dal-klabb immirat għaż-żgħażagħ li permezz tiegħu qed jitgħallmu joħolqu prodotti u jbigħuhom.  Iżda ma waħlux mat-teorija.  Dal-proġett ġa qed jiġi implimentat.  Kulħadd irrikonoxxa li għad hemm ħafna xi jsir, iżda l-bażi tidher soda ħafna u n-nies għandhom enerġija kbira.

Seniors’ Club

Tabilħaqq fil-ftit ħin li kellna ma laħħaqniex iltqajna man-nies tas-seniors club għalkemm iltqajna ma’ min imexxihom.  Dal-klabb jiġbor lin-nies ta’ età kbira u jitgħallmu għadd ta’ affarijiet differenti li jvarjaw ħafna.  Dan apparti għall-fatt li joffru kumpanija lil xulxin.

Bħalma huwa evidenti minn dawn il-klabbs ġewwa Cavnic, ma tlajniex ir-Rumanija biex noħolqu xi ħaġa ġdida.  Ma ġibniex lil Malta ġewwa r-Rumanija għax hekk inkunu qed nimponu fuq il-kultura u l-poplu tal-post.  Ma tlajniex hawn biex noħolqu inizjattiva ġdida għax kull waħda li żorna ġewwa Cavnic kienet tassew tajba, fejn fiha ġie investit ammont kbir ta’ ħolm u enerġija.  Iżda ġejna hawn biex nagħtu daqqa t’id u dak li ġa qed isir, ikompli għaddej b’rata u ideat aħjar ladarba issa għandhom il-laptops disponibbli. 

Jista’ jkun li qed inkabbru l-importanza ta’ dawn il-laptops f’dal-proġetti?  Meta tara l-għajnejn idemmgħu tan-nies li rċivew dal-laptops għax fl-aħħar jistgħu jagħmlu xogħolhom kif suppost u lil dawn it-tfal, żgħażagħ, nies ikbar fl-età jistgħu tassew jitwasslilhom l-esperjenza u t-tagħlim b’livelli ħafna aħjar milli kien hemm sa issa, hemmhekk tifhem li l-laptops huma tassew essenzjali.  U aħna li qegħdin hawnhekk ma stajniex ma nagħrfux din l-emozzjoni fl-uċuħ ta’ dawn in-nies, nies dedikati li fina raw raġuni oħra għalfejn għandhom ikomplu jissieltu u jiġġieldu biex titjieb il-ħajja ta’ dawn in-nies, bit-tama ta’ preżent u futur aħjar. 

Ir-raba' jum

Waqt esperjenza simili ta’ din li qed ngħixu hawn ġewwa r-Rumanija, jinqalgħu ħafna diskussjonijiet li ħafna drabi jeħduna fil-fond ta’ qalbna u moħħna fejn hemm naħbtu nistaqsu numru kbir ta’ mistoqsijiet li mhux neċessarjament ikollna tweġiba għalihom.  Dal-proġett ma sarx mil-lum għal għada, anzi kien ilu jinħema għal dawn l-aħħar għaxar xhur.  Għaldaqstant, hija fin-natura tal-bniedem li tibni ċerti aspettattivi marbuta ma’ dan il-proġett. 

Iżda l-aspettattiva mhux dejjem tirrifletti r-realtà.  U propju fuq din li faqqas l-ewwel punt dwar x’inhi missjoni.  Malta tabilħaqq inħobbu nużaw il-frażi “mort missjoni”. Iżda fl-aħħar mill-aħħar din xi tfisser?  Iva, tista’ ssir missjoni f’pajjiżi daqshekk qrib tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar qegħdin tliet sigħat ajruplan biss ‘il bogħod.

It-tieni punt hu dwar x’qed nagħmlu aħna għalihom.  Forsi bħala sens ta’ ġenerożità jew forsi bħala sinjal tal-bżonn interjuri tagħna, nagħmlu xi ħaġa għal ħaddieħor.  Il-kontribut tagħna ħafna drabi jkun marbut ma’ dak li jien għamilt f’dawk il-ġranet li mort fil-pajjiż. 

Iżda dal-punt, li xi ftit jew wisq baqbaq lilna lkoll wassalna għat-tielet punt, li għandna naħsbu għall-futur u mhux għall-preżent biss.  Ta’ min jgħid li kull tim ikollu idea tiegħu li tiġi implimentata f’modi differenti.  Madanakollu bħala agara, in-natura tal-proġett hi waħda fit-tul, li tħares iktar lejn il-futur milli lejn il-preżent.

U b’dan l-istess raġunament waslu r-risposti kollha li konna ħallejna jistennewna.   Dak li għaddejjin nagħmlu f’dal-ħmistax se jibqa’ magħna iżda wisq iktar se jibqa’ l-aċċess li se jkollhom in-nies għall-użu ta’ laptops fis-snin li ġejjin.  Bl-istess mod dak li qed nagħmlu aħna jista’ jferraħ u jkun ta’ ġid għan-nies. Iżda mhux daqs kemm jistgħu jkunu ta’ ġid l-għalliema u n-nies kollha li qed jaħdmu sena sħiħa ma’ dawn in-nies biex tassew jgħallmuhom dak li għandhom bżonn f’ħajjithom.

Il-missjoni tagħna mhix li tbiddel lin-nies, iżda li lil dawn l-istess nies li tant irbatna ma’ qalbna, nagħtuhom id-dritt u ċ-ċans li l-futur tagħhom ikun ħarira aħjar bl-użu ta’ laptops.  L-iskop mhux li aħna nieħdu post l-għalliema u l-edukaturi iżda li b’dak li nagħmlu nagħtuhom spinta ikbar biex ikomplu jagħmlu x-xogħol li qed isir b’użu ta’ għodda aħjar u iktar effiċjenti.

Fl-aħħar mill-aħħar li tagħmel missjoni mhux importanti x’se tagħmel int iżda l-effett li se jkollhom in-nies illum, għada u fix-xhur u snin li ġejjin.  U b’dak li qed isir hawn ġewwa r-Rumanija m’għandniex dubju li l-effett se jkun differenti u fit-tul. Iżda dak nirrakkuntawh għada meta nfiehmu aħjar ma’ min ħdimna ġewwa Cavnic, l-ewwel destinazzjoni tagħna ġewwa r-Rumanija. 

It-tielet jum

Nisimgħu tant fuq tbatija, iżda tbatija siekta dik li ma tarahiex jekk ma tkunx taf tfittixha ftit li xejn niftakru fiha.  U mhix tbatija li f’Malta m’għandniex, anzi...  Meta tqis li qed ngħixu ġo post li f’għajnejna ma jonqoshom xejn għax għandhom grazzja kbira ta’ natura, siġar u muntanji, li tara dat-tip ta’ faqar jolqtok fil-laħam il-ħaj.

Dalgħodu bdejna biex dorna ftit sew lil Cavnic, u wara sajjarna, kilna u qassamna l-ikel lil xi familji foqra.  U hemm ġejna wiċċ imb wiċċ mar-realtà tal-ġuħ estrem.  Li jkollok 14-il wild u m’għandekx flus biex ittihom jieklu hija iebsa.  Li l-istess tfal li qed ibatu bil-ġuħ tarahom mimlijin enerġija u jtajru l-ferħ huwa stallett ieħor.  Li tiftakar li t-temperatura taqa’ għal 25 gradi celcius fix-xitwa u l-ħajt bħal donnu miksi konsenturi, hemmhekk ifaqqas stallett ikbar. 

U dan kollu fis-silenzju, fil-ħemda li jafu joffru l-foresta u s-siġar li ma jispiccaw qatt u jdawru lil dan il-villaġġ.  Toqgħod tqis li post bellezza, b’natura li taf tagħti serħan kbir lilna li dejjem irrankati, taf toffri ġo fiha sigrieti kbar ta’ faqar u tbatija.  U dan kollu ’l bogħod mill-għajn tan-nies.  Żgur li dal-faqar ma jasalx fuq ir-riklami għat-turisti.

U aħna?  Bħal donnu jagħtik ferħ ta’ ġenn.  Xi stajna għamilna iżjed?  X’nistgħu nagħmlu iżjed?  U fuq kollox, kif dal-faqar qiegħed daqstant qrib għal djar sbieħ, djar li żgur ma jaqgħux fil-kategorija tal-faqar?  U issa x’se nagħmlu?  U r-risposta, stramba kemm hi stramba, hija sempliċiment xejn.  Ma nistgħu nagħmlu xejn.  Ma nistgħux aħna niġu ġo pajjiż li ftit li xejn nifhmuh u nippretendu li nsolvu l-problema f’ġurnata.  Il-ġuħ ikrah iżda s-soluzzjonijiet għandhom ikunu maħduma b’għaqal kbir. 

U hawnhekk tidhol l-importanza li taħdem m’organizzazzjonijiet li qegħdin jaħdmu id f’id ma’ dawn il-familji.  Is-soluzzjoni qatt mhi waħda faċli u ħafna drabi jkun hemm bżonn li numru ta’ entitajiet jingħaqdu biex jagħrfu l-problema u hekk joħorġu b’soluzzjoni.  Hija problema li trid tagħraf parzjalment issolvi fil-futur immedjat, filwaqt li tibda tħares lejn il-futur iktar fit-tul. 

Hawnhekk jidħol l-aspett l-ieħor ta’ x’ġejna nagħmlu.  Meta tħabbat wiċċek ma’ dawn is-sitwazzjonijiet toħroġ l-importanza tal-proġett.  Nafu eżattament x’tip ta’ ġid ridna nwasslu.  Nafu li ġejna biex nagħtu tama ta’ futur aħjar permezz ta’ laptops.  Nafu li tqassim tal-ikel mhix xi ħaġa li nistgħu nieħdu f’idejna, sempliċiment għax m’aħniex tal-esperjenza.  Iżda nafu wkoll li bil-laptops se nkunu qed ngħinu biex dawn l-istess nies joħorġu miċ-ċirku iebes ta’ faqar, ġuħ u kesħa. 

U dan hu dak li qed jimbuttana biex inkomplu ‘l quddiem f’dal-ġranet li ġejjin.  Nistgħu nagħtu daqqa t’id fil-kċina iżda mhux li nsolvu l-ġuħ ta’ għada.  Madanakollu nittamaw li nkunu parti mis-soluzzjoni fit-tul għal din il-problema ta’ ġuħ billi lil dawn in-nies intuhom tama ta’ futur aħjar fejn il-ġuħ jiġi xena tal-passat u mhux il-biża’ li ser ikunu qed jaffaċċjaw għada.  

It-tieni jum

Kellna xorti biżżejjed li stajna niċċelebraw il-quddiesa flimkien mas-Sorijiet tal-Karità li laqgħuna għandhom għall-ftit ħin ta’ mistrieħ. Kien mument veru speċjali meta kulħadd qasam talba ta’ dak li jixtieq li jara minn din l-esperjenza li se ngħixu. F’mument bħal dan, deher biċ-ċar l-istennija u l-beżgħat ta’ kull persuna għal dawn il-ħmistax li ġejjin.

Toqgħod tqis nafu daqstant lil xulxin, iżda dak li jkun hemm moħbi fil-qalb ma jkun jafu ħadd.  Xi kultant anke l-istess persuna ssibha diffiċli tifhem xi jkun għaddej fiha nnifisha.  U propju din kienet l-ewwel sorpriża ta’ din l-esperjenza ... l-aspettattivi differenti ta’ kull wieħed u waħda minna.

Waqt li nirrispettaw il-privatezza tal-persuna, sabiħ li nagħtu idea ta’ dak li jgħaddi minn moħħ persuni li jagħmlu esperjenza simili.

Waħda mill-punti li tqajmu kienet li ninħallu mill-irbit li ħallejna warajna biex tassew nkunu nistgħu nitwaħħdu ma’ din l-esperjenza li se nkunu qed ngħixu dal-ħmistax.  Ta’ bilħaqq inkunu tlaqna minn Malta iżda l-moħħ ikun għadu qed jhewden fuq dak li ħallejna warajna u dak li għad irid jiġi meta naslu lura. Wara kollox mhux daqshekk faċli li titlaq u ħafna drabi biljett tal-ajruplan mhux biżżejjed. 

Punt ieħor kien li nikkomunikaw aħjar bejnietna. Il-ġid mhux riżultat awtomatiku, iżda magħmul minn għanqbuta ta’ xogħol, komunikazzjoni u ftehim.  Jekk waħda minn dawn it-tliet pilastri tmur żmerċ, l-esperjenza tiswa fix-xejn.  U propju dan hu l-ħsieb ta’ ħafna minna, li nagħtu importanza lill-komunikazzjoni biex tassew nkunu ta’ ġid.

U dan iwassalna għall-punt ieħor.  Huwa faċli li ngħidu li se nagħmlu missjoni u li se nagħmlu l-ġid, iżda l-mistoqsija li hemm tberren ġewwa moħħna hi jekk hux tassew se nagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies li se niltaqgħu magħhom dal-jiem li ġejjin.  Ma ġejniex hawn biex ngħaddu siegħa żmien, iżda biex forsi lil dawn in-nies nagħtuhom opportunità ta’ futur aħjar permezz ta’ dan il-proġett li se nkunu qed inwettqu.

L-aħħar aspett li ħareġ kien li nifhmu r-realtajiet, id-diffikultajiet u dak kollu li jgħaddu minnu dawn il-persuni.  Ħafna drabi hemm it-tendenza li nippretendu li nifhmu, iżda kemm tassew nistgħu nifhmu meta aħna għandna ħajja xi ftit jew wisq komda?  Mhux faċli tifhem dak li int ma tgħaddix minnu iżda huwa dmir tagħna li nifhmu biex il-qalb tagħna tkun qed tħabbat mal-qalb tal-persuni li nkunu qed niġu f’kuntatt magħhom.

Għaxar persuni, b’għaxar ħsibijiet differenti, iżda b’enerġija ġdida, li forsi sakemm konna Malta ma tantx ħarġet fil-beraħ iżda hawn bħal donnha qed tiżboq kull aspettattiva.  Minn għada filgħodu jibda x-xogħol, u determinati li ma naħlux ħin.  Madankollu dan nistgħu nixhdu għalih la jgħaddi l-lejl u raqda tajba kif inhu xieraq. 

L-ewwel jum: 13 ta' Awwissu

Tlaqna, fl-aħħar tlaqna.  L-eċitament ma naqasx, anke fit-tluq mill-ajruport.  Apparti t-tgħanniq, il-bewsa ’l hemm u ’l hawn u t-tferfir tal-aħħar, żdiedet il-kwistjoni tal-bagalji.  U dlonk ħareġ l-ispirtu tat-tim, ir-responsabbiltà li tgħaqqadna u d-determinazzjoni li nibdew din l-esperjenza, jekk xejn fuq nota tajba.

Iżda qabel inkomplu, ħa nispjegaw is-sitwazzjoni li ltqajna magħha fl-ajruport.  Xi xahar ilu, konna qegħdin l-ajruport nistaqsu għall-informazzjoni rigward il-bagalji u qalulna li iktar milli l-ammont ta’ bagalji, kien iktar ta’ importanza l-piż totali.  U infatti, minn żewġ bagalji ġew erbgħa.  Meta wasalna l-ajruport għaċ-check-in, is-sitwazzjoni nbidlet ta’ taħt fuq u l-erba’ bagalji kellhom jiġu tnejn.

Tidher impossibli hux hekk?  Ġrejna minn persuna għall-oħra, b’żewġ bagalji jitkaxkru magħna … u telefonati ma jonqsux. Dawn il-bagalji minn hawn u minn hemm kellhom jitilgħu magħna għax it-tnejn li huma kienu essenzjali għalina. Wieħed irid iżomm f’moħħu li kulma kellna kienu erba’ bagalji bejn għaxar min-nies.  U faqqset l-idea li ż-żewġ bagalji jsiru waħda.  U din mhix xi metafora.  Dawra plastik, u ħafna kompromessi u minn hawn u minn hemm, minn erba’ bagalji spiċċajna bi tlieta.  Kellna waħda minnhom tqila għaġeb. Iżda xejn ma jimporta … l-aqwa li jitilghu magħna.

U ma ninsewx il-kitarra wkoll.  Kif tista’ ma ttellax kitarra, meta diġà se nkunu qed naffaċċjaw il-problema tal-lingwa?  Barra l-kedda tal-bagalji konna qed nistennew tal-kitarra.  Iżda b’makakkerija ta’ Marija, waħda mill-voluntiera li qiegħda magħna, għaddejna riħ u spiċċajna fuq l-ajruplan.

Tabilħaqq insejt insemmi li dan il-blogg qed jinkiteb fl-ajru.  Mument partikolari dan, għax fil-kwiet u s-silenzju li l-lejl jaf iġib miegħu, il-moħħ bħal donnu jieħu ħajja ġdida.  U mal-istess silenzju waqgħet kalma kbira fuqi, bħal donnu dak li ilna nippjanaw, issa beda jieħu forma konkreta. Hemm ir-Rumanija tistenniena, u magħha n-nies kollha li se niltaqgħu magħhom. Ir-riżultat ta’ xhur twal ta’ ħidma, fl-aħħar se nibdew naraw il-frott. 

Wasal il-ħin għal raqda qasira għax il-lejl tagħna se jkun lejl twil, iżda fuq dan nitkellmu għada ladarba ngħaddu minnu.

Il-grupp huwa magħmul minn Maria Xuereb, Owen Camilleri, Michael Fava, Katia Monreal, Justin Spiteri, Claire Bonello, Stephen Abela, Fr Luke Cutajar, Luke Schembri u Miriana Pavia.