Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

L-Indifferenza

Simone Vella Lenicker  -  17/08/2017 13:41

F’dawn l-aħħar jiem smajna dwar żewġ ġuvintur li ddeċidew jgħixu ftit mumenti ta’ avventura fl-inħawi ta’ Blata l-Melħ. Is-Sibt filgħaxija, iż-żgħażagħ ġew irrapurtati nieqsa mill-familji tagħhom, u minnufih bdiet it-tfittxija għalihom. Kellu jkun sajjied li, fis-siegħat bikrin ta’ nhar it-Tnejn lemaħhom u avża lis-servizzi tas-salvataġġ. Dak li kellu jkun ftit ħin ta’ divertiment u avventura seta’ spiċċa fi traġedja, u kull min kien qiegħed isegwi din l-istorja ħass sens ta’ ferħ meta sema’ li ż-żgħażagħ instabu qawwijin u sħaħ. 

Filwaqt li nawgura li dak li ġara ma jnaqqsilhomx mis-sens ta’ avventura, minkejja li darb’oħra forsi jkunu iktar attenti, xtaqt naqsam magħkom l-iktar ħaġa li laqtitni. Dan kien il-mod kif diversi nies ingħaqdu fuq il-midja soċjali u permezz tan-news portals fejn rajna l-istorja tiżviluppa siegħa b’siegħa. Saħansitra sar appell biex min għandu xi drone jgħin biex jinstabu dawn iż-żagħżagħ. Kien hemm min appella għat-talb, u min ħareġ biex igħin fit-tfittxija. Kulħadd jistenna biex jisma’ l-aħbar li t-tnejn instabu ħajjin! 

Iżda, staqsejt lili nnifsi, għaliex il-poplu Malti tant ingħaqad wara l-familji ta’ dawn iż-żagħżagħ, iżda mbagħad meta nisimgħu b’xi diżgrazzja f’pajjiż ieħor, qajla nagħtu każ? Ukoll meta d-diżgrazzja tkun viċin tagħna, bħal għarqa ta’ xi immigranti fl-ibħra tagħna, donnu xejn mhu xejn? 

Parti mir-risposta hi li meta persuna Maltija tkun fil-periklu, u minħabba li tant aħna poplu żgħir, mal-ewwel inħossu li dik il-persuna kważi hi parti mill-familja tagħna. Kulħadd ikun jaf lil xi ħadd li joqgħod viċin tal-persuna, jew li jaħdem magħha, jew li kien magħha l-iskola, u din ix-xibka ta’ konoxxenzji ġġiegħlna nagħtu każ dak li qiegħed jiġri madwarna, għaliex faċli li dak li jkun għaddej jista’ jiġri lil xi ħadd fil-familja tagħna, jew fiċ-ċirku ta’ ħbieb tagħna. 

Parti oħra mir-risposta hi li aħna wkoll ħatja ta’ dak li l-Papa Franġisku kien iddeskriva tant tajjeb fl-2013, waqt omelija f’Lampedusa bħala “il-globalizzazzjoni ta’ l-indifferenza”. 

Illum, kien qal il-Papa, ħadd ma jħossu responsabbli għall-immigranti li jmutu fil-baħar. Tlifna s-sens ta’ responsabbilita’ fraternali, waqajna fl-atteġġjament ipokrita li naraw fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb…inħarsu lejn persuna tbati fil-ġenb tat-triq, u forsi ngħidu ‘ara jaħasra’ jew ‘ara miskin’, u nkomplu mexjin fit-triq tagħna, għax naħsbu li m’għandniex x’naqsmu ma’ dik is-sitwazzjoni. Il-kultura li ġġiegħlna nfittxu l-aħjar interessi tagħna, twassalna biex naħsbu biss fina nfusna, u tagħmilna insensittivi għat-tbatija ta’ ħaddieħor, iġġibna ngħixu fi bżieżaq tas-sapun, li huma sbieħ, iżda m’huma xejn. Sirna indifferenti lejn xulxin, u m’għadniex nagħtu każ tas-sofferenzi ta’ madwarna. Dan kollu jwassal għall-globaliżżazzjoni ta’ l-indifferenza.

Il-Papa għandu raġun bil-bosta. Iżda storja bħal dik li semmejt li ġrat fl-aħħar jiem turi li għadna nagħtu kas, għandna nħossu għal min ikun għaddej minn tbatija u sofferenza, iżda forsi hemm bżonn li nagħrfu li dawn il-ħsibijiet għandhom jestendu lil hinn miċ-ċirku żgħir tal-ħajja tagħna, lil hinn mix-xtut tagħna. 

Kulħadd huwa bint jew iben, omm jew missier, ħu jew oħt, u kull persuna jistħoqqilha tal-inqas id-dinjità li xi ħadd jimpurtah minnha.