Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​Pluraliżmu

Prof. John Baldacchino  -  21/08/2017 17:41

Hekk kif għaddejna mill-waħx ta’ Barċellona f’ġimgħa li bdiet bit-terrur u l-marċ neofaxxista f’Charlottesville, is-sens ta’ disperazzjoni baqa’ jiżdied f’dawk kollha li jħobbu, jixxenqu, jitolbu u jissieltu għall-paċi bejn il-bnedmin. Dan is-sens ta’ telfa  żdied meta smajna messaġġi kontradittorji, u pjuttost injoranti u oxxeni mill-President Trump, li f’battibekk ma’ għadd ta’ ġurnalisti, ma spjegax għaliex baqa’ jinsisti fuq messaġġi ekwivoċi u konfużi.

Bl-istess sens ta’ disperazzjoni fittixt kemm flaħt linja li biha wieħed jista’ jipprova jifhem fejn u kif nistgħu nkomplu niġġieldu kontra din il-mibegħda li qed tiżdied. Meta tirrifletti fuq il-bażi komuni li għandhom it-terroristi tad-Daexx (ISIS) u n-Neofaxxisti, tinduna li dawn jobogħdu d-demokrazija għax jaqsmu ideoloġija antipolitika msejsa fuq il-mibegħda tad-differenza u l-pluraliżmu. Id-Daexx u l-faxxisti, ġejjin minn fejn ġejjin, huma fundamentalisti t-tnejn, u huma razzisti ndaqs. Huma wkoll manifestazzjoni ta’ mibegħda lejn kull min iqisu bħala differenti minnhom. U dan jinkludi lilna lkoll li ngħożżu d-demokrazija u l-libertà.

Li hu żgur hu li s-soluzzjoni ma tistax tkun iktar mibegħda. Żgur li l-paċi ma tistax tinkiseb b’iktar vjolenza. Il-ġlieda hija waħda għad-dritt tal-bnedmin kollha li jgħixu flimkien, fejn il-persuna ta’ kull individwu għandha d-dritt tal-libertà u fejn din hija artikolata fid-dmir li għandu jkollna lejn xulxin bħala ċittadini ta’ dinja fejn kulħadd għandu l-istess drittijiet u b’mod indaqs.

Wieħed mill-isbaħ dokumenti li twieldu fi żmien ta’ gwerra u ta’ konflitt razzjali u soċjali, kienet l-Enċiklika tal-Papa Ġwanni XXIII, Pacem in Terris, li nkitbet f’April tal-1963.

F’din l-enċiklika, il-Papa Ġwanni jgħid li kull qbil u assoċjazzjoni bejn il-bnedmin li timxi fuq regoli u taspira biex timxi ‘l quddiem, “titlob qbil fuq prinċipju wieħed u fundamentali: li kull individwu huwa verament persuna. Li n-natura [ta’ din il-peruna] hija l-intelliġenza u r-rieda ħielsa.” (Hawn qed naqleb mill-verżjoni Ingliża uffiċjali, §9)

Il-pern ta’ dak li jagħmilna bnedmin ħielsa imma responsabbli lejn xulxin f’soċjetà, fejn nistgħu ngħixu flimkien b’mod li jaspira lejn kooperazzjoni bejnietna bħala bnedmin bi drittijiet indaqs, huwa u jibqa’ dan: li l-bniedem huwa meqjus bħala persuna li għandha d-dinjità taghħha bħala individwa u individwu, u fejn din il-miżura ta’ bniedem bħala persuna tiġi mill-intelliġenza u r-rieda ħielsa.

Dak li l-filosfi spiss jartikolaw bħala intelliġenza u libertà, hawn huma imsejsa fuq mod t’għajxien li huwa assoċjat, u allura mhuwiex wieħed li jħalli l-individwi jaqdfu għal rashom mingħajr għajnuniet u struttura li tgħinhom jaspiraw lejn dak li jixtiequ. U dan ma jsirx b’karità imma f’kuntest ta’ dmir u allura ġustizzja lejn ħaddieħor.

Fil-fatt il-Papa Roncalli jgħid ċar u tond li “fis-soċjetà umana d-dritt naturali ta’ bniedem wieħed jimplika dmir fi bnedmin oħra; jiġifieri d-dmir li dan id-dritt jiġi rikonoxxut u rrispettat.” Din hija, b’xi mod, kundizzjoni soċjali li mhijiex imposta minn xi sistema politika, imma li hija intrinsika f’dak li jagħmilna bnedmin. Meta “titlob id-drittijiet ta’ xi ħadd u tinjora d-dmirijiet tiegħu jew taqdihom biss bin-nofs, ikun bħal meta tibni dar b’id waħda u ġġarrafha bl-id l-oħra.” (§30).

Fi kliem ieħor, jekk se nitkellmu fuq jien jew aħna, ma nistgħux nitkellmu fuq id-drittijiet personali u kollettivi tagħna mingħajr ma nitkellmu fuq l-ieħor, l-oħra u l-oħrajn. M’hemmx aħna mingħajr oħrajn. Aħna tinkludi lill-oħrajn – dawk li wħud ma jqisux bħalna, jew li nqisuhom b’barranin, ta’ razza oħra, ta’ reliġjon jew fidi politika oħra.

Jekk se nitkellmu fuq drittijiet, ma nistgħux nibdew bid-drittijiet tagħna. Biex nitkellmu fuqna filwaqt li nqisu lill-oħrajn bħala kategorija ta’ bnedmin li jiġu wara li aħna jkollna d-drittijiet tagħna, ifisser li aħna stess m’għandna drittijiet ta’ xejn. Id-dritt huwa tal-bnedmin kollha flimkien. Kull dritt għalina li jiċħad id-dritt ta’ ħaddiehor huwa sfieq. Il-pluraliżmu biss jagħmilna bnedmin intelliġenti ħielsa. Mingħajr pluraliżmu mhemmx drittijiet. Mingħajr din il-kuxjenza u għarfien ta’ pluralità, id-drittijiet li ngħidu li għandna huma bla sugu fejn fl-aħħar mill-aħħar nindunaw li ma jiswew xejn għax iġibu biss qirda, mibegħda, vjolenza u mewt.   

Il-Papa Ġwanni ma jomgħodx kliemu meta jgħid li “l-bnedmin kollha huma ndaqs fid-dinjità naturali tagħhom”. Tħares kif tħares lejn din id-dinjità umana, minn kull angolu teoretiku jew dottrinali, “id-diskriminazzjoni razzjali ma ssib l-ebda appoġġ.” M’hemm l-ebda dritt ta’ fehma ħielsa li jsostni r-razziżmu. Li tikkritika r-razziżmu mhix posizzjoni ideoloġika jew reliġjuza, imma huwa dmir uman li mingħajru il-bniedem jitlef kull dinjità. Ħadd m’għandu d-dritt li jkun razzista.

Darba, Giacomo Matteotti, deputat soċjalista li fl-1924 safa’ assassinat minn nies ta’ Mussolini wara li għamel diskors fil-Parlament u xela il-faxxiżmu, kien qal li l-faxxiżmu mhuwiex opinjoni, imma krimini. Ir-razziżmu huwa krimini u mhux opinjoni. Id-drittijiet tal-bniedem ma jistgħux jiġu għas-skapitu ta’ ħaddieor. Huwa għalhekk li d-demokrazija tqis ir-razziżmu bħala att kriminali.

M’hemm l-ebda rieda ħielsa fil-mibegħeda jew vjolenza lejn bnedmin oħra. Pacem in terris tfakkarna li meta l-bniedem jagħraf id-drittijiet tiegħu, dawn “inevitabilment iwasslu għall-għarfien tad-dmirijiet tiegħu. Il-pussess ta’ drittijiet jinvolvi d-dmir li jara li dawn id-drittijiet jitwettqu, għaliex dawn huma l-espressjoni tad-dinjità umana. U l-pussess ta’ drittijiet jinvolvi l-għarfien u r-rispett lejn bnedmin oħra.”  (§44, hawn qed nemfasizza l-aħħar sentenza)

Dan huwa marbut mal-ġid komuni li ħafna ta’ spiss jikkwotaw biex mingħalihom jimponu r-rieda tagħhom. Imma il-ġid komuni jitlob li dritt u dmir huma marbuta ma’ kif ngħixu flimkien bħala bnedmin, u jitlob ukoll li min għandu xi għamla ta’ poter għandu d-dmir li jgħin lid-dgħajjef u dawk fil-bżonn sabiex igawdu dawn id-drittijiet.

Il-ġid komuni jitlob li kulħadd għandu sehem fih, irrispettivament minn kull distinzjoni. Id-differenza ma tfissirx li xi wħud għandhom iktar dritt minn oħrajn. B’dan il-mod inħarsu l-bżonnijiet differenti ta’ kull individwu u individwa. Il-Papa Ġwanni jgħid li “hija fin-natura tal-ġid komuni li kull ċittadin għandu d-dritt ta’ sehem fih—għalkemm b’modi differenti, li jiddependu  fuq l-isforzi, meriti u ċirkustanzi. B’hekk kull awtorità ċivili trid tistinka biex tkattar il-ġid komuni fl-interess ta’ kulħadd mingħajr ma tiffavorixxi xi ċittadin individwali jew xi kategorija ta’ ċittadin.”

Hemm emfasi fuq minn huwa fil-bżonn u kif dawn id-drittijiet u s-sehem ta’ kulħadd fil-ġid komuni ma jistgħux jitwettqu mingħajr għajnuna soċjali u statali. Ġwanni XXIII jikkwota r-Rerum Novarum tal-Papa Ljun XIII u jemfasizza li “konsiderazzjonijiet dwar il-ġustizzja u l-ugwaljanza jistgħu minn żmien għal żmien jitolbu li dawk fil-poter jagħtu iktar attenzjoni għall-membri dgħajfa fis-soċjetà, għaliex dawn huma fi żvantaġġ meta niġu sabiex niddefendu id-drittijiet tagħhom u meta rridu nasserixxu l-interessi leġittimi tagħhom.” (§56)

Lura fil-preżent, dan il-kliem jibqa’ attwalissimu. Ma nistgħu qatt ninsew li fl-aħħar mill-aħħar m’hemm l-ebda ħelsien individwali f’soċjetà fejn grupp ta’ individwi huma stmati b’inqas minn bnedmin oħra. M’hemm l-ebda demokrazija f’soċjetà monolitika li ma tifhimx u wisq anqas taċċetta d-diversità li tagħmilna bnedmin ħielsa u ntelliġenti.

Kliem il-Papa Ġwanni kien ċar daqs il-kristall. Pacem in Terris hija meqjusa bħala dokument għal kulħadd u mhux għall-Knisja Rumana biss. Kif tgħid tajjeb Hannah Arendt, fil-ktieb tagħha Men in Dark Times, “ħadd m’għandu jemmen li kienet l-umiltà li tatu [lill-Papa Ġwanni] l-faċilità li jinġieb [keep company] ma’ kulħadd, li jogħxa jkun mal-ħabsin, mal-‘midinba’, mal-ġenniena [tal-Vatikan], mas-sorijiet fil-kċina, mas-Sinjura Kennedy, u mat-tifla u ħaten Krushchev. Imma kienet pjuttost is-sens enormi ta’ kunfidenza fih innifsu li għenitu jistma’ lil kulħadd, kbir jew żgħir, fuq l-istess livell daqsu (as his equal).”

Il-Papa Ġwanni XXIII mhux biss għadu jqanqalna lkoll b’kelmtu imma baqa’ jkaxkarna bl-eżempju tiegħu. U dan l-eżempju għandna bżonnu u qed narawh fil-Papa Franġisku llum iktar minn qatt qabel.


John Baldacchino huwa Professur u Direttur tal-Arts Institute, fl-Università ta’ Wisconsin f’Madison. Huwa speċjalista fl-arti, il-filosofija u l-edukazzjoni.