Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

L-ambjent mibni

Simone Vella Lenicker  -  24/08/2017 15:03

Għaxar snin ilu, il-Kamra tal-Periti kienet ippublikat position paper bit-titlu “The Urban Challenge – Our Quality of Life and the Built Environment”, li fih kienet spjegat il-viżjoni tagħha dwar l-ambjent urban u l-impatt li dan iħalli fuq il-kwalitá ta’ ħajja tagħna. 

Il-Kamra kienet saħqet il-bżonn ta’ viżjoni serja u fit-tul, fejn issir riċerka dwar dak li jissejjaħ il-carrying capacity tal-pajjiż, jiġifieri kemm il-pajjiż jiflaħ f’termini ta’ żvilupp, infrastruttura, popolazzjoni, u kejl ieħor. Imbagħad abbażi ta’ din ir-riċerka, wieħed ikun jistà jfassal viżjoni għall-pajjiż. Minkejja li fl-2015 ġie ppublikat il-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, dak li nsibuh bħala l-iSPED, dan l-istudju fil-fond ma sarx. 

Għandna bżonn li jkollna viżjoni li tieħu konjizzjoni tar-riżorsi ta’ spazju li għandu l-pajjiż, kif ukoll materji oħra bħat-tibdil fil-klima, l-immaniġġjar tar-riżorsi, it-tniġġiż, l-infrastruttura u l-ambjent naturali, li dan ta’ l-aħħar huwa l-ikbar vittma tal-kilba li għandna biex nibnu iktar u b’mod iktar intensiv. Ma nistgħux nippermettu li nkomplu nippjanaw b’mod ad hoc, skond ix-xewqat ta’ individwi li jipproponu xi proġett. L-ippjanar għandu jagħti direzzjoni, u mhux isegwi dak li jixtieq l-iżviluppatur.

Fl-Enċiklika tiegħu “Laudato Sì”, il-Papa Franġisku jagħmel appell biex isir djalogu dwar il-mod ta’ kif qegħdin nagħġnu l-futur tal-pjaneta tagħna. Huwa jtenni l-bżonn li ssir konverżazzjoni li tinkludi lil kulħadd, għaliex l-isfida ambjentali li għaddejjin minna għandha l-għeruq tagħha fl-attività tal-bniedem, u tikkonċerna u taffetwa lil kull persuna. 

Din id-dikjarazzjoni hija tassew f’waqtha għal pajjiżna. Hemm bżonn li nifhmu iktar fil-fond l-impatti li l-istat tal-ambjent mibni tagħna qiegħed ikollu fuq il-komunitajiet tagħna, u kif dan qiegħed ukoll iħalli impatt f’termini ta’ ġustizzja soċjali. Irridu nagħrfu li l-mod kif nintervjenu fuq l-ambjent naturali u dak mibni qiegħed iħalli effetti fit-tul fuq il-kwalità ta’ ħajja tagħna, u b’mod partikolari fuq dawk li huma l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. 

L-attività tal-kostruzzjoni tħalli impatt fuq il-pubbliku, u għalhekk huwa importanti li kull min jaħdem f’dan is-settur iħares lil hinn mill-bżonnijiet tiegħu biss u jfittex li jħares ukoll l-interess pubbliku. Hemm bżonn li nfittxu li noħolqu spazji u bini li, iva, jaqdu l-funzjoni tagħhom, iżda wkoll ikunu viabbli, li jirriflettu l-karattru lokali, u li jtejbu l-ambjent ta’ madwarhom.