Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Traġedja jew grazzja?

Marica  Mizzi  -  31/08/2017 17:35

Kemm hu sabiħ li nħarsu lejn il-ġurnata li jkollna quddiemna b’mod pożittiv. Issib min jgħidlek – “imma mhux minni jiddependi hux! Jien kif noħroġ mid-dar tajjeb inkun, imbagħad niltaqa’ man-nies u jbiddluli l-burdata tiegħi minn waħda tajba għal waħda ħażina”.

U jien nistaqsi – imma kif inħalli lil min jikkondizzjonani kif inħossni? Kif nista’ nittolera li jien ħriġt mid-dar veru nħossni tajjeb, u jekk nidħol ix-xogħol u nara l-gdiedem, flok jirnexxieli nġib lil ħaddieħor bħali arani ndendel mill-ewwel il-geddum u niġi bħalhom?

U r-riflessjoni tiegħi tal-lum tfakkarni f’dawk il-ġrajjiet li ngħaddi minnhom ta’ kuljum. Hija dik il-lenti li nħares minnha narax dak li qed ngħaddi minnu hux pożittiv jew negattiv. Għandi kontroll fuq dan?

Bħalissa qed naħseb fuq dik imsejħa traġedja, kif ġiet irrapurtata fuq il-mezzi tax-xandir, meta waqa’ s-saqaf tal-knisja ta’ Ġieżu r-Rabat. Hija traġedja li dan is-saqaf waqa’ fis-satra tal-lejl meta ħadd ma ngiref? Seta’ dan is-saqaf ċeda waqt li kienet għaddejja quddiesa u dan is-saqaf kien jordom mhux biss lis-saċerdot imma wkoll lil dawk il-fidili kollha li kienu qed jipparteċipaw? U hija traġedja li l-għola awtoritajiet tal-pajjiż żaruha u kollha wegħdu l-għajnuna tagħhom, flimkien ma’ poplu ġeneruż li qed jibgħat id-donazzjonijiet?           

Laqatni ħafna l-kumment tal-pittur li pitter is-saqaf – li għalkemm iddispjaċih li x-xogħol tal-arti tiegħu sar trab, imma b’vuċi pożittiva qal li jekk jerġa’ jkun mitlub jagħmilha, jaf tiġih ħafna isbaħ milli kienet.

U dan kollu bla dubju fih ħafna pożittiv - żgur li din il-knisja saret ħafna iktar magħrufa u ħafna ħadu interess ifittxu fuqha.

Ħafna drabi jridu jgħaddu x-xhur jekk mhux is-snin biex nirrealizzaw li dik is-sitwazzjoni li darba għaddejna minnha, iebsa kemm kienet iebsa, stajna ħarisna lejha b’dawl differenti. Il-proverbju tant sabiħ ingliż jgħid, ‘every cloud has a silver lining’ – kull sitwazzjoni diffiċli jew tat-tbatija għandha xi forma ta’ komfort jew aspett ta’ tama anki jekk din ma tkunx viżibbli mill-ewwel.

Huma ħafna r-raġunijiet għalfejn għandi nkun pożittiva, u meta nibda nifhem ir-raġuni, awtomatikament nibda nadatta iktar għal din l-attitudni f’ħajti. Se nsemmi ftit punti importanti dwar dak li jġib il-pożittiv. L-ewwel ħaġa importanti hija l-kuntentizza, u din tirrifletti ħafna f’persuni pożittivi. Hija kwistjoni ta’ attitudni, meta tibdilha għal waħda pożittiva, tħossok kuntent. Il-kuntentizza ma tiġix minn dawk ta’ madwarek jew l-ambjent li tgħix fih, imma minn ġo fik, il-kumplament, jikkumplimenta – huwa l-mod ta’ kif se nħares lejn il-ħajja.

Kun motivat u b’hekk anki jirnexxilek il-ħolm tiegħek isir reali. Li tkun motivat f’dak li tagħmel hija kwalità, timbuttak il-quddiem u tinkorraġik taqbeż l-ostakli. U li tkun pożittiv iżidlek il-motivazzjoni biex tkun suċċess f’dak li tagħmel

Ħares lejk innifsek b’mod pożittiv u ħu gost b’dawk il-kummenti pożittivi li tirċievi.

Injora persuni negattivi, u anki x’jaħsbu dwarek, importanti kif tħossok int. Ħossok tajjeb u tħossok iktar enerġetiku u b’saħħtek iktar minn dawk il-persuni negattivi.

Finalment dawwar lilek innifsek b’persuni pożittivi - dawn iġibu l-ferħ u enerġija tajba.

Il-ħajja hija misteru sabiħ li tgħixu u mhix xi problema x’issolvi. 


Marica Mizzi hija l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Caritas.

 

Ritratt: Ian Noel Pace