Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Assassinju DCG: L-Arċisqof b'messaġġ qawwi għall-ġurnalisti, għall-politiċi u għall-Maltin   |  L-avukat ta' DCG imħasseb bl-aġir tagħha ftit jiem qabel inqatlet   |  "Kont naf li qed tfittxuni, għalhekk żammejt pistola fuqi" - l-akkużat   |  Seba’ flyovers mingħajr traffic lights fil-junction tal-Marsa   |  

Tiegħi tiegħi…u tiegħek tiegħi wkoll

Kummissjoni Ambjent  -  07/08/2017 14:09

Żmien is-Sajf, żmien ta’ mistrieħ. Imma taf li hemm min, biex jistrieħ hu, qed iċaħħad lilek mid-dritt tiegħek li tagħmel bħalu! Trid ftit eżempji?

Jekk trid tgawdi l-kosta Maltija u tinżel tgħum fil-baħar sabiħ tagħna, oqgħod attent fejn tmur għax hemm meded ta’ art pubblika li ġew ikkapparrati mis-sidien ta’ boathouses illegali li l-propjetà (fittizja) tagħhom testendi wkoll sal-baħar li jkun hemm quddiemhom! U mhux l-ewwel darba li ġew fl-idejn biex jiddefendu dan id-dritt fittizju tagħhom.

Tiftakar meta fil-knejjes kienu jirriżervaw il-postijiet billi jpoġġu xi maktur fuq il-bank jew is-siġġu? Għalkemm fil-knejjes jidher li nqatgħet, din il-prattika għadha komuni fil-bajjiet (bid-deckchairs u l-umbrelel) u fil-campsite ta’ Kemmuna (b’kampijiet armati fl-aqwa postijiet jistennew vojta sakemm jiġi sidhom bil-kumdità kollha meta jfettillu).

Jekk qtajt qalbek milli tistrieħ fl-ambjent naturali u ddeċidejt li toqgħod tixxaħxaħ fis-swimming pool, tinsiex li l-ilma ta’ dak il-pool…u anke l-ilma li qed tixrob mill-flixkun, probabilment ġej minn xi borehole illegali. Min ipprovdihulek (kemm jekk hi persuna armata għal rasha u kemm jekk hi xi kumpanija li tissuplixxi l-ilma minerali) qed jisraq riżorsa naturali nazzjonali (li allura int għandek dritt fuqha) u mbagħad bil-wiċċ sfiq kollu qed ibigħhielek (meta hu ma jkunx ħallas ċenteżmu għaliha)!

Jekk trid li timtedd ftit biex tistrieħ, għandek problema wkoll: bl-istorbju ta’ parties u sparar qawwi ta’ xi festi li jkompli għaddej sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu. U jekk tiddeċiedi li tbiddel ir-rutina u tistrieħ wara nofsinhar xorta m’intix garantit li se toqgħod kwiet … għax iddur fejn iddur sa tinzerta viċin xi sit ta’ kostruzzjoni. U ma tagħmilx differenza jekk toqgħodx f’sit turistiku jew le, għax minn hawn jew minn hemm dejjem tingħata xi raġuni ‘valida’ li tispjega għaliex tkomplew ix-xogħlijiet!

Madanakollu, għad fadal tama li l-affarijiet jistgħu jitranġaw. Il-proposta li 24 sit ikunu dikjarati bħala ‘dominju pubbliku’ hi pass għaqli fid-direzzjoni t-tajba. B’hekk se nkunu qed niżguraw li dak li hu tal-publiku jkun protett minn min m’għandux skrupli u jrid igawdi hu biss.

Prosit ukoll tal-azzjoni li ttieħdet kontra operaturi abbużivi fil-bajjiet… speċjalment tal-follow up kontra min ipprova jkun arroganti għax ħaseb li hu ’l fuq mil-liġi. Dan wera li huwa l-infurzar tal-liġi li jipproteġi tassew id-drittijiet taċ-ċittadin komuni. Għax tajjeb li, fl-isforzi ta’ pajjiżna sabiex niżguraw id-drittijiet, ma ninsewx liċ-ċittadin komuni: dak li josserva l-liġijiet u li m’għandux qaddisin li jgħaddulu kelma ħa jġibha żewġ!