Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

​Mill-klassi ta’ Adrian Delia...

Dr Alex Saliba  -  11/09/2017 09:41

“Irrid nagħti lezzjoni ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet lill Partit Laburista” qalilna Adrian Delia dil-ġimgħa f’waħda minn dawk il-mumenti ta’ dilirju illi ta’ spiss saru jaħkmuh kull darba li jkollu erba’ minn nies quddiemu jċapcpulu. Għaldaqstant illum iddeċidejt illi naqbad siġġu u npoġġi għal ftit mumenti fil-bankijiet ta’ klassi tan-nuna ta’ Adrian biex nifhem eżatt x’ tip ta’ lezzjonijiet jixtieq jagħti lill Partit Laburista.

L-ewwel lezzjoni – Kif tgħaqqad Partit

L-ewwel lezzjoni illi jista’ jagħtina Adrian Delia hija dik dwar kif tista’ tgħaqqad partit. Rajna matul dawn l-aħħar ġimgħat Partit Nazzjonalista mfarrak u għarkuptejh, tifrik u konfużjoni illi kompla jirrenja hekk kif Delia ddeċieda illi jirfes l-għatba tad-Dar Ċentrali. Mexxej għaqli ta’ partit illi għadu kemm ħiereġ minn żewġ telfiet elettorali kolassali l-ewwel prijorità illi jkollu għandha tkun dik illi jara kif jinvolvi lil kulħadd u jgħaqqad lil kulħadd warajh, xi ħaga illi Delia u niesu qed jagħmlu il-kuntrarju tagħha. Rajna matul dawn l-aħħar jiem illi Delia mdawwar b’ folol ostili li saħansitra fi kliem l-eks kandidat nazzjonalista l-Avukat Joseph Ellis infexxew jobżqu quddiem u fuq il-karozza tal-mexxej caretaker tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Smajna lill Delia u lil nies jiftaħru illi jixtiequ jtajjru lill dak u lill-ieħor mill-Partit Nazzjonalista, persuni illi bit-tajjeb u l-ħażin tagħhom xorta matul is-snin taw kontribut u xogħol volontarju lill-Partit Nazzjonalista. Rajna lill Delia jippoża u jieħu r-ritratti mal-eks mara tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzoppardi, persuna illi qed tgħin b’ mod apert lill-kompetitur tiegħu Chris Said. Atteġjament vendikattiv u malinn illi żgur illi mhuwiex wieħed denju ta’ mexxej illi qed jaspira illi jgħaqqad lill Partit Nazzjonalista warajh.

Jidher bl-aktar mod ċar illi Adrian Delia għandu skop wieħed, dak illi jibdel l-establishment l-antik tal-Partit Nazzjonalista ma’ establishment “ġdid”, establishment illi jħossu komdu jiddawar ruħu bih, establishment illi huwa magħmul minn elementi illi xejn ma jagħmlu ġieħ lill Partit Nazzjonalista, anka kif ikkonfermat mill-president tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN Karol Aquilina illi fuq facebook indika illi dan huwa kompost minn mażuni u nies b’ kondotta maħmuġa illi kienu ġew imwarrba mill-Partit Nazzjonalista snin twal ilu.

It-tieni lezzjoni – Kif titlef rasek meta jkollok erba’ minn nies quddiemek iċapċpulek

Karatteristika oħra illi ma hemmx bżonn illi tpoġġi fil-klassi tan-nuna ta’ Delia biex tinduna biha hija dik illi dan huwa persuna istintiva illi jispiċċa jitlef rasu meta jkollu erba’ minn nies quddiemu. Rajna xeni ta’ dilirju ftit tal-jiem ilu meta Delia kien qed jindirizza miġemgħa ta’ Nazzjonalisti quddiemu. Beda jwerżaq u jgħidilna illi l-għadu tiegħu huwa l-Partit Laburista u li l-prijorità tiegħu hija dik illi jagħmel il-Partit Nazzjonalista partit tan-Nazzjonalisti.

Ftit mumenti wara illi għamel dawn id-dikjarazzjonijiet qalilna li qed jiskuża ruħu u li qal dan biss għaliex inħakem mill-ewforija tal-mument. Żġur illi atteġjament bħal dan mhux denju ta’ persuna illi għada pitgħada qed jaspira mhux biss illi jmexxi partit iżda illi jmexxi pajjiż. Ma laħqux għaddew 5 ijiem minn dan l-inċident meta ma erġajniex assistejna għal attakk ta’ ewforija ieħor fejn waqt rally żgħir illi orġanizza lejliet l-elezzjoni tal-Kunsilliera Nazzjonalisti Delia reġa’ tilef rasu mill-ġdid u ntefa’ jgħajjat u jwerżaq filwaqt illi qgħad ikanta l-innu tal-Partit Nazzjonalista. Mill-ġdid attitudni illi żġur illi mhux ser tgħin lill Partit Nazzjonalista sabiex jippożizzjona ruħu bħala Gvern serju u alternattiv għall-pajjiżna.

It-tielet lezzjoni – Trasparenza u Kontabilità

Matul dawn l-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista pprova jiproġetta lilu nnifsu bħala l-Partit tal-onestà u l-integrità. Rajna u smajna botta waħda wara l-oħra minn Chris Said fejn qalilna illi huwa l-unika kandidat ta’ integrità illi jista’ jmexxi l-Partit Nazzjonalista’. Rajna wkoll lil Said illi bl-aktar mod apert sfida lill Delia sabiex jippublika l-istess tal-assi u d-djun tiegħu, sfida illi Delia sal-lum baqa’ qatt ma laqagħha u qalilna biss illi lest jagħmel dan biss wara illi jiġi elett bħala mexxej tal-Partit Nazzjonalista.

Jien mhux ser noqgħod nirrepeti l-allegazzjonijiet illi għamlet kontrih Daphne Caruan Galizia għaliex ftit jimpurtani mill-ġurnaliżmu tan-nofs sold tagħha, iżda xorta waħda jibqa’ l-fatt illi l-attivisti tal-Partit Nazzjonalista wara tant stejjer u allegazzjonijiet illi ġew irrapurtati għandhom dritt illi tal-anqas ikunu jafu x’inhi l-vera sitwazzjoni finanzjarja ta’ Delia. U jien għalhekk nistaqsi, wara illi ħalef għal ma nafx kemm il-darba illi m’ għandu xejn fuq il-kuxjenza u illi dejjem aġixxa biss abbażi ta’ istruzzjonijiet illi kienu jagħtuh il-klijenti tiegħu, x’ qed iżomm lil Delia milli jippublika l-assi u d-djun tiegħu? Għalfejn it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista mhux ser jingħataw l-opportunità illi jagħmlu l-għażla tagħhom abbażi ta’ rendikont trasparenti illi jista’ jneħħi kull dubju illi l-blogger Nazzjonalista u diversi sezzjonijiet tal-midja qajmu fuq l-istess Delia?

Ir-raba’ u l-aħħar lezzjoni – Metodi Ġodda?

Adrian Delia bena l-kampanja tiegħu fuq l-għajta ta’ “Metodi Ġodda”, ideat ġodda u viżjoni ġdida illi l-Partit Nazzjonalista ilu tant għatxan għaliha. Sal-islogan naqblu, naqblu illi biex il-PN isir Oppożizzjoni sura ta’ nies għandu bżonn illi jimplimenta metodi u stil ta’ politika ġdida illi ma tkunx waħda mibnija fuq l-odju, l-għira u l-vendikazzjonijiet. Iżda Delia matul dawn l-aħħar xhur beda jurina x’ tip ta’ metodi ġodda ser jibda jimplimenta? Żgur illi le!

Smajna lil Delia jirrepeti l-istess retorika ta’ negattività ta’ Simon Busuttil, qalilna saħansitra li pajjiżna taħt Gvern Laburista mhux pajjiż normali u li dan huwa Gvern mifni bil-korruzzjoni. Għaliex Delia dejjem idoqq id-diska illi jaqbillu. Waqt l-elezzjoni tal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista qalilna illi l-istorja tal-Egrant kienet ħrafa illi vvintat Daphne Caruana Galizia, għaliex dak iż-żmien Delia kellu bżonn jagħmel kutrumbajsa papali biex jitfa t-tort tat-telfa illi ġarrab il-Partit tiegħu fuq Daphne Caruana Galizia illi kienet qed tattakah minn filgħodu sa filgħaxija. Issa illi għadda mill-ewwel rawnd għandu bżonn jerġa’ jdoqq id-diska ta’ Simon Busuttil u jerġa’ jdewwaq il-manna illi tinżel għasel mal-partitarji, dik illi kollox ħażin, dik illi dan huwa gvern korrott u li Delia ser ikun il-gladjatur Nazzjonalista illi ser jiddefendi lill-għażiża Malta tagħna mis-sriep u x-xjaten tal-Partit Laburista.

Huwa għalhekk illi nibqa’ nsostni illi Delia huwa “more of the same”, riċetta antika għal aktar konfużjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Partit illi b’ Delia fit-tmun jidher illi ftit fadallu tama illi xi darba jirpilja u jsir Oppożizzjoni denja għal pajjiżna. Għaldaqstant nissuġerixxi lill Delia illi minflok jipprova jagħti l-lezzjonijiet hu lill-Partit Laburista jintefa’ ftit bilqiegħda fil-bankijiet tan-nuna u jibda josserva daqsxejn għalfejn ma’ kull jum illi qed jgħaddi l-moviment Laburista immexxi minn Joseph Muscat kompla dejjem jikber u jissaħħaħ filwaqt illi l-Partit tiegħu kompla dejjem isir wieħed aktar irrelevanti u bla sugu!

Dott Alex Saliba