Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

Ir-radikalità tal-maħfra

Prof. John Baldacchino  -  14/09/2017 10:38

Taħt id-dell ħlejju tal-Kristu ta’ Bojayá, il-Papa Franġisku qal hekk:

“Pastora Mira, ma stajtx tgħidha aqwa minn hekk: int trid tpoġġi l-uġigħ tiegħek, u dak ta’ eluf ta’ vittmi, quddiem Ġesù Msallab, sabiex dan l-uġigħ jingħaqad ma’ tiegħu u sabiex dan jinbidel f’barka u f’kapaċità ta’ maħfra sabiex tkisser il-katina tal-vjolenza li saltnet fil-Kolombja.”

Il-Papa kompla jgħid: “U għandek raġun: il-vjolenza toħloq il-vjolenza, il-mibegħda toħloq aktar mibegħda, u l-mewt aktar mewt. Irridu nkissru din il-katina li tidher inevitabbli, u li dan jista’ jsir possibbli biss bil-maħfra u r-rikonċiljazzjoni konkreta. U int, għażiża Pastora, u ħafna oħrajn bħalek, urejtuna li dan huwa possibbli.”   

Il-Papa kien ispirat mix-xhieda ta’ mħabba li offriet mara kuraġġjuża u mimlija maħfra: Pastora Mira García, li x-xhieda tagħha huwa att ta’ fidi fl-imħabba bejn il-bnedmin; li kliemha jinsisti fuq dak li qal Gesù Kristu meta qalilna biex inħobbu lill-għedewwa tagħna.

Meta kellha sitt snin biss, missier Pastora Mira safa’ maqtul mill-paramilitari u l-gwerriljieri. Wara ħafna snin dewwiet raġel li sabet li kien il-qattiel ta’ missierha. Kif qalet fix-xhieda li tat waqt ċerimonja ta’ rikonċiljazzjoni li tmexxiet mill-Papa Franġisku, meta ltaqgħet mal-qattiel ta’ missierha dan kien xiħ u dgħajjef.

Imma l-istorja ma waqfitx hemm. Il-paramilitari qatlulha wkoll l-ewwel raġel tagħha. Kienet ilha miżżewġa ftit xhur. U bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, wara għadd ta’ snin qatlulha lil bintha, Sandra Paola. Pastora damet seba’ snin sakemm sabet il-katavru ta’ bintha. Imma l-ispirall tal-vjolenza, għal Pastora, ma waqafx, għax fl-2005, il-paramilitari qatlu lil binha ż-żgħir, Jorge Aníbal.

Tliet ijiem wara l-funeral ta’ Jorge, Pastora dewwiet żagħżugħ li sabet midrub fit-triq. Lil dan iż-żagħżugħ dewwietu fis-sodda ta’ binha. Meta ħaditu d-dar, mir-ritratti ta’ binha, iż-żagħżugħ midrub induna lil dak li hu flimkien ma’ sħabu kienu ittorturaw u qatlu, kien iben dik il-mara li kienet qed iddewwieħ.

Ma ninsewx li fl-istorja tagħha, il-Kolombja għaddiet minn mewġa ta’ vjolenza għall-oħra. Vjolenza li ġiet mill-ġunti militari tal-passat, imma wkoll vjolenza li kibret u nfirxet mill-paramilitari li sejħu lilhom infushom ġellieda għall-poplu. Dawn l-istess paramilitari waqgħu fi spirall vjolenti li kompla jassar lill-poplu, bl-istess mod feroċi li jassru, werwu u assassinaw lill-innoċenti il-ġunti militari tal-passat.

Fit-8 ta’ Settembru li għadda, f’Parque Las Malocas, il-Papa Franġisku sema’ x-xhieda ta’ Pastora u ta’ persuni oħrajn li tkellmu dwar l-esperjenza tagħhom f’din il-gwerra ċivili. Dawn ix-xhieda tkellmu dwar storja ta’ mibgħeda li tiżra aktar mibgħeda. Bħal Pastora Mira tkellmu oħrajn dwar l-esperjenza tagħhom. Kien hemm vittmi li riedu jaħfru lill-qattiela. Kien hemm ukoll persuni li kienu huma stess qattiela u ex-membri tal-paramilitari, imma li waqfu, nidmu, talbu maħfra u llum qed jaħdmu għall-vittmi, il-familji tagħhom, u għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar.

Iż-żjara tal-Papa f’Kolombja qanqlet lil ħafna gwerriljieri biex jitolbu maħfra u jieqfu mill-vjolenza. Wieħed mill-mexxejja tal-gwerrilieri talab maħfra pubblika. F’ittra miftuħa lill-Papa, Rodrigo Londono, eks-mexxej tal-FARC, qal hekk lill-Papa: “Dak li int dejjem tgħid dwar il-ħniena infinita ta’ Alla iġiegħlni nitlob maħrfa għal tant dmugħ u uġigħ li kkawżajna “l-poplu tal-Kolombja”.

Il-Papa kien kommoss, u fil-kuntest tad-devozzjoni tiegħu lejn il-Kristu mfarrak ta’ Bojayá, is-sens ta’ maħfra u uġigħ kien palpabbli. L-istorja tal-Kristu ta’ Bojayá fiha nfisha hija waħda li tqanqlek. L-istatwa tal-Kristu Msallab ta’ Bojayá m’għandhiex driegħ u lanqas riġlejn. Il-kurċifiss tilef saqajh u jdejh f’attakk mill-FARC li seħħ fit-tieni ta’ Mejju 2002, u li ħalla mitt ruħ mejta. Minn dak l-attakk, l-istatwa tal-Kristu midrub u mfarrak saret simbolu tal-poplu midrub u mfarrak tal-Kolombja.

Il-Papa kompla jgħid: “Il-verità ma tistax, fil-fatt, twassal għall-vendetta, imma pjuttost għar-rikonċiljazzjoni u l-maħfra. Verità hi li tirrakkonta lill-familji mfarrka mill-uġiegħ dak li ġara lil dawk il-qraba tagħhom li għebu. Verità hi li tistqarr x’ġara liż-żgħażagħ li sfaw rreklutati fil-vjolenza. Verità hi li tagħraf l-uġigħ tan-nisa vittmi ta’ vjolenza u abbuż.”

Issa aħna meta naraw dan kollu, forsi jmissna niftakru li vjolenza bħal din qatt ma rajna, lanqas fl-eqqel tal-kriżijiet li kellna fl-istorja moderna ta’ pajjiżna.

Imma meta naraw dan, u speċjalment nisimgħu x-xhieda ta’ nies kuraġġjużi bħal Pastora Mira García, forsi għandna nieqfu u nirriflettu dwar il-mibegħda li ħafna drabi nuru lejn xulxin. Mibegħda li tiġi minn tribaliżmu politiku bla sens li ħakimna b’deni li kultant ibeżża’ lil dawk li jinkwetaw dwar il-firda fil-pajjiż. Mibegħda li tiġi anke bejn partitarji li suppost jemmnu fl-istess prinċipji, imma li minħabba xi raġuni jew oħra lesti li jweġġgħu lil xulxin, jikkalunjaw lil xulxin u jagħmlu minn kollox biex jirbħu l-argument tagħhom. Din hija Mibegħda li ħafna drabi ssir f’isem is-sewwa u l-verità, meta nafu li l-unika verità hija l-mibgħeda fiha nfisha.

U ma ninsewx il-mibgħeda lejn l-ieħor u l-oħra li ma jidhrux bħalna. Mibgħeda lejn dawk li għal xi wħud mhumiex dehen ir-rispett tagħhom għax dawn mhumiex Insara. Mibgħeda li ssib kull skuża biex ngħidu li xi ħadd għandu jitlaq minn pajjiżna għax “mhux postu hawn”, bħallikieku li temigra f’pajjiż ieħor hija krimini.

Meta nara u nisma’ dan kollu, niddubita jekk il-festi tal-qaddisin li tant niċċelebraw bi briju u storbju humiex paraventu għal din il-mibegħda. Niddubita jekk nifhmux verament x’qal Kristu meta qalilna biex inħobbu lil xulxin; jew meta nistqarru fil-Kredu li Kristu safa’ msallab għax id-dinja ma għarfitx is-sens ta’ ġustizzja u verità li tiġi mill-imħabba li ma għandhiex limiti. Niddubita jekk qattx nistgħu verament nifhmu l-imħabba u l-fidi ta’ bnedmin bħal  Pastora, li b’imħabba radikali huma jkissru il-vjolenza. Ma nafx kemm nistgħu nifhmu għaliex Pastora waslet biex tħobb, taħfer u saħansitra iddewwi lil dawk li qatlulha lil missierha, żewġha, u uliedha.

San Pawl kien radikali meta qal li din l-imħabba hija bluha u skandlu għal dawk li ma jifhmux lill-Kristu Msallab. Illum m’għandix dubju li San Pawl mhux se jirreferi għal-Lhud jew ir-Rumani kif għamel fi żmienu, imma għal dawk il-ħafna Insara li f’isem Kristu u dak li jgħidu li hija l-verità u s-sewwa, mhumiex lesti li jifhmu r-radikalità tal-liberazzjoni li biha l-imħabba u l-maħfra ikissru l-ktajjen tal-jasar u l-vjolenza.