Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

In-Normalità ta’ Delia

Dr Alex Saliba  -  19/09/2017 10:40

Inbidlu l-uċuħ iżda d-diska baqgħat waħda identika, diska pedantika, negattiva, distruttiva u mingħajr l-ebda viżjoni. Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ mill-ewwel kummenti ta’ Adrian Delia bħala mexxej tal-Partit Nazzjonalista.

Jidher illi Delia ftit għad fadallu għażla għajr dik illi jdoqq l-istess diska ta’ Simon Busuttil, diska negattiva u distruttiva li tinżel għasel mal-partitarji tiegħu. Spiċċat qabel twieldet il-wegħda ta’ metodi ġodda, qas laħqu għaddew jumejn illi ma spiċċax spalla ma spalla ma’ Simon Busuttil quddiem il-bieb tal-qorti, ikompli jħaffer trinka oħra mal-ħafna trinek illi ħalla warajh il-predeċessur.

Kif jgħid il-Malti, l-ġurnata minn filgħodu turik, u Delia beda jdewwaqna l-politika li ser ikun qed jimplimenta fix-xhur u s-snin illi ġejjin. Qalilna li ser ikompli jħarrax il-ġlieda ta’ negattività kontra l-Gvern Laburista, ġlieda li l-Partit Nazzjonalista swietu żewġ telfiet elettorali kolassali. Kompla jbeżża’ li pajjiżna mhuwiex partit normali, u jien lil Delia nsaqsih x’inhi n-normalità għalik? Normalità tfisser illi titfa’ lil pajjiżna fl-istess kriżi illi jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista? Normalità għal Delia tfisser il-mod “normali” illi bih tmexxiet l-elezzjoni illi minnha huwa ħareġ rebbieħ? Normalità tfisser it-tgħajjir u l-mibgħeda illi n-Nazzjonalisti wrew lejn xulxin f’daqsxejn ta’ tellieqa interna? Mur immaġina biss l-odju u l-mibgħeda illi għandhom lejn dak illi fi kliem l-istess Delia huwa l-veru “għadu” tal-Partit Nazzjonalista! Ċiss hey x’normalità dik!

Qalilna fl-ewwel ftit siegħat tiegħu bħala mexxej tal-Partit Nazzjonalista illi huwa kontra r-regolarizazzjoni tal-prostituzzjoni f’pajjiżna, għax Delia jemmen illi l-isfruttament tan-nisa wara l-purtieri għandu jibqa’ għaddej ħalli n-normalita’ tibqa’ tirrenja f’dan il-pajjiż tar-“reliġio e patria.”

Qalilna Delia illi l-liġi tal-IVF għandha tibqa’ kif inhi għaliex Delia rnexxielu jagħmel ħames t’itfal taħt il-Partit Nazzjonalista u ma jimpurtahx illi tant koppji Maltin u Għawdxin qed jaffaċjaw nofs miljun problema sabiex jirnexxielhom huma wkoll ikollhom l-ulied bħalu. Għaliex in-normalità għal Delia hija dik illi ndawwru wiċċna u nibqgħu ngħixu fi żmien il-ħaġar u nħallu l-avvanz tax-xjenza għal minn jiflaħ iħallas u jmur jagħmel it-trattamenti tiegħu barra l-pajjiż.

Qalilna Delia illi jrid in-normalità fejn tidħol il-ġlieda kontra d-droga għaliex Delia jemmen illi dil-ġlieda rbaħniha bil-metodi tal-passat. Għax Delia jemmen fin-normalità illi jekk jinqabad żgħażugħ bi ftit smoke fil-but dan għandna nwaddbuh f’qiegħ ta’ ċella u nħammġulu l-kondotta għal għomru kollu. Għax hekk titlob in-normalità!

In-normalità ta’ Delia tfisser illi ma tipparteċipax f’eżerċizzju nazzjonali illi ser ikun qed iħejji t-triq sabiex pajjiżna jkollu livelli għola ta’ sostenibilità fil-qasam ambjentali. Għax in-normalità ta’ Delia hija l-politika tat-tribujiet, il-politika illi tobżoq fuq l-id tal-ħbiberija illi joħroġlok il-partit oppost, hekk tidher macho skond in-normalità f’moħħ Delia.

In-normalità ta’ Delia hija l-politika ta’ min jibża jiddeċiedi, in-normalità ta’ Delia hija l-politika tal-gallarija, politika illi ħalliet lil pajjiżna mgħerraq għal snin twal f’ limbu ta’ paraliżi li twaħħax. Jien ma rridx illi pajjiżi jkun in-normalità ta’ Delia, irrid pajjiż illi joħlom, jaspira u li fl-aħħar mill-aħħar ikompli jirnexxielu jkun eżempju għal pajjiżi oħra. Din hija l-politika li llum derriena ngħixu fiha Joseph Muscat.

Matul dawn l-aħħar erba snin u nofs pajjiżna avvanza u għamel suċċess għaliex ma baqax il-pajjiż normali ta’ Delia, pajjiżna kisser l-istatus quo tal-politika tal-għanqbut u aspira li jkun l-aqwa, u rnexxielu jsir l-aqwa! Immaġinaw il-politika tan-normalità ta’ Delia kemm kien jirnexxielha ssalva l-Enemalta u tagħmel minn pajjiżna laqwa miraklu ekonomiku fl-Unjoni Ewropea. Immaġinaw il-politika tan-normalità ta’ Delia kemm kien jirnexxielha tagħti dinjità lill minoritajiet f’pajjiżna. Immaġinaw il-politika tan-normalità ta’ Delia kemm kien jirnexxielha taqta’ l-out of stock, il-pazjenti fil-kurituri u l-waiting lists għall-operazzjonijiet!

Il-politika tan-normalità nħalluha lill minn huwa mifni fil-medjokrità, inħalluha lill min l-unika diska illi jaf idoqq hija dik tan-negattività u l-għira lejn minn f’għajnejh huwa persuna ta’ razza inferjuri għaliex iħaddan twemmin differenti minn tiegħu. Il-politika tan-normalità nħalluha lil minn biex jipprova jiġbor ġieħu man-nies ta’ madwaru jintefa’ jiddelirja u jwerżaq biex juri lil kulħadd kemm huwa macho u superjuri.

Il-politika tal-għajjat nħalluha lil minn m’għandu xejn x’joffri lil dan il-pajjiż, pajjiż illi għeleb l-isfidi tan-normalità tal-passat u llum qed jarma lilu nnifsu għall-futur. Pajjiż illi l-akbar sfida tiegħu llum ġejjin mis-suċċessi illi qed jikseb u mhux mill-problemi illi l-attitudni tan-normalità tal-passat kienet derrietu jara bħala battalji invinċibbli.

Ngħalaq billi nawgura lil Delia sabiex ma jkomplix jinġarr mal-kurrent tan-normalità illi spiċċa ġab lill-Partit Nazzjonalista’ f’istat ta’ irrelevanza illi jtarrax. Nawgura lill Delia illi minflok ikompli jgħaddas rasu fir-ramel bħal ma għamel ta’ qablu jgħaraf jisfida l-istatus quo u jerġa’ jagħmel mill-Partit Nazzjonalista tal-anqas, Oppożizzjoni sura ta’ nies! 



Dr Alex Saliba huwa attivist Laburista li kien il-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti.