Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

Wisq kumbinazzjonijiet...

Dr Alex Saliba  -  02/09/2017 18:05

Ftit hemm kliem biex tiddeskrivi t-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista għajr “kawlata” u “balbuljata” totali. Diżorganizzazzjoni organizzata illi tant laħqet livelli komiċi illi kultant nibda naħseb illi ċertu “żbalji” ma kienu żbalji xejn, iżda kien pjan orkestrat u organizzat sabiex xi wħud mill-klikek jirbħu xi ftit żmien.

Element ewlieni illi llum sar sinonimu ma’ kull kampanja tal-Partit Nazzjonalista, kemm f’ elezzjonijiet interni, u kif ukoll fuq bażi nazzjonali huwa l-element tal-biża’ illi l-Partit Nazzjonalista jħobb jinjetta f’kull ħaġa illi jagħmel. Mhux daqsekk diffiċli għalih sabiex isawwar dan l-element meta ma’ djulu għandu mdendla lill Daphne Caruana Galizia, serp velenuż illi wara li issa wasal saħansitra sabiex jigdem id sidu, id li minnha kiel għal snin twal. L-odju u l-mibegħda issa ma baqgħux jużawhom biss mal-avversarju politiku tagħhom iżda issa spiċċaw saħansitra jobżquh fuq xulxin.

Assistejna għall-paprati ta’ Kummissjoni illi waqt illi l-Kunsilliera Nazzjonalisti kienu qed jivvutaw spiċċat tagħti l-verdett tagħha fuq wieħed mill-kandidati, illi qed jaspira illi jmexxi l-istess Partit. Tgħiduli miżura drastika illi kellha tittieħed minħabba sitwazzjoni straordinarja illi nħolqot fl-aħħar jiem? Li ma nistax nifhem huwa fatt wieħed u sempliċi, mela biex japprova l-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, il-Partit Nazzjonalista jaħtar il-kummissjonijiet sabiex janalizzaw il-kandidati, imbagħad f’elezzjoni għall-ħatra tal-ogħla uffiċjal tal-Partit, dan baqa’ ċass u ma għamel l-ebda test ta’ due dilgence? Kumbinazzjoni? Ma naħsibx, iktar naħseb illi din kienet mossa ta’ paniku minn klikka illi rat f’wieħed mill-kandidati theddida serja għad-dominju tagħha fi ħdan l-istess Partit.

Ħafna tkellmu fuq in-nuqqas ta’ għażla fil-kwalità fi ħdan l-erba’ kandidati għat-tmexxija. Kienu bosta dawk illi nnutaw kif kienet persuna waħda biss mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista illi tħajret u sabet il-kuraġġ sabiex tikkontesta? Kumbinazzjoni oħra? Ma naħsibx lanqas, aktar nemmen illi elementi validi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista beżgħu jagħmlu l-pass għaliex kienu jispiċċaw imbiċċra minn erba’ elementi vjolenti fi ħdan l-istess Partit illi l-għan aħħari tagħhom huwa dak illi jżommu ‘l bogħod minn kwalunkwe bidla pożittiva fi ħdan l-istess partit, bidla pożittiva illi b’ mod awtomatiku tfisser illi ħafna minn dawk meqjusa bħala untouchables fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, kienu ser jitilfu s-siġġu fl-imperu tagħhom.

Kumbinazzjoni oħra huwa l-fatt illi minn tant persuni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kellhu jkun Louis Galea illi jmexxi l-Board tal-Etika illi ta l-verdett tiegħu fil-konfront tal-Kandidat Adrian Delia. Kumbinazzjoni illi l-istess Louis Galea, l-persuna illi hija sinonima mal-politika aggressiva tal-passat tal-Partit Nazzjonalista, l-istess persuna afdata bl-istrategija tal-kampanja maħmuġa tal-PN matul l-aħħar elezzjoni ġenerali kellha timmanuvra l-istess verdett illi abażi tiegħu l-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ordnat lill Kunsilliera sabiex ma jivvutawx lill Delia bħala mexxej tal-Partit Nazzjonalista? Ma naħsibx li kumbinazzjoni lanqas!

Kumbinazzjoni oħra huwa l-fatt illi wieħed mill-anqas kandidati illi kien favoriti sabiex jingħata imbuttatura spiċċa aġevolat mill-klikka tal-establishment fl-aħħar mumenti tat-tellieqa? Kumbinazzjoni illi Alex Perici Calascione huwa l-aktar kandidat illi kien kawt fi kliemu sabiex ma jattakka qatt lill-predeċessuri tiegħu, anzi kompla jdoqq l-istess diska ta’ Simon Busuttil u sħabu matul dawn l-aħħar jiem? Kumbinazzjoni illi dan l-istess kandidat huwa l-aktar għażla safe għall-uċuħ tal-passat illi rashom tinsab taħt il-mannara jekk jitla’ l-kandidat illi matul dawn l-aħħar xhar għamlu minn kollox sabiex iħassruh minn wiċċ id-dinja?

Imbagħad il-balbuljata tkompli titħawwar meta naslu għall-għażla illi bosta Nazzjonalisti qed jilagħbu ġidhom fuqha bħala l-unika tama illi fadallu l-Partit Nazzjonalista sabiex jibqa’ jeżisti... Adrian Delia. Kandidat illi t-tema tal-kampanja tiegħu kienet dik ta’ “metodi ġodda” għall-Partit Nazzjonalista iżda fl-istess nifs baqa’ juża r-retorika tal-politika tat-tribujiet fejn jirreferi għall-Laburisti bħala l-għadu tan-Nazzjonalisti u saħansitra ftaħar quddiem ċorma ħbieb fl-istamperija illi jrid jagħmel il-Partit Nazzjonalista partit għan-Nazzjonalisti biss. Kandidat illi meta kien jara erbgħa min-nies quddiemu, tisħonlu rasu u jaqbad jgħajjat u jwerżaq f’dillirju ta’ ewforija, ewforija illi bl-aktar mod ċar mhux kapaċi jikkontrolla. Kandidat fqir fl-ideat illi l-unika għajta illi kellu kienet dik biss illi jsalva ġildu fil-konfront tal-allegazzjonijiet illi kien qed jiġi affaċċjat bihom ta’ kuljum.

Jifdal imbagħad il-predilett Għawdxi Chris Said, kandidat illi jabbraċċja bl-aktar mod apert ir-retorika bla sugu u bla viżjoni ta’ Simon Busuttil. Kandidat illi fuq dibattitu illi tela’ ftit tal-jiem ilu bejn l-erba’ kandidati saħansitra spiċċa jgħid illi l-Partit Nazzjonalista għadu relevanti għaliex bħalissa kullħadd qed jitkellem dwaru. Ġiss ħej...kulħadd fit-tajjeb qed isemmi l-isem tal-Partit Nazzjonalista bħalissa, l-aktar minħabba l-id moħbija ta’ Said illi kompliet tkeskes lis-serp velenuż sabiex ikompli jiġdem u jħammeġ l-avversarji tiegħu f’din it-tellieqa.

B’dawn il-kumbinazzjonijiet kollha u bin-nuqqas ta’ għażla denja, il-futur tal-Partit Nazzjonalista jibqa’ wieħed imċajpar u inċert. Illum m’għadhomx biss għad-diskussjoni l-probabilitajiet minimi li l-Partit Nazzjonalista jista’ xi darba jiġi stmat b’serjetà bħala Gvern alternattiv, iżda wkoll tibqa’ inċerta l-eżistenza tal-istess Partit illi bosta qed jantiċipaw illi jispiċċa jinqasam f’miljun biċċa. Hija ħasra illi pajjiż demokratiku bħal tagħna spiċċa b’Oppożizzjoni daqstant fqira u mingħajr l-ebda sens ta’ direzzjoni!


Dr Alex Saliba

Attivist Laburista li kien il-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti