Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Maltin “ta’ veru”

Prof. John Baldacchino  -  21/09/2017 23:15

Skont il-mexxej ġdid tal-PN, jien u dawk li ma jappoġġjawx lill-partit tiegħu, la aħna Kattoliċi, la Latini, u m’aħniex Maltin “ta’ veru”.

Li m'iniex Latin huwa fatt. Kunjomi Taljan, imma minn naħa t’ommi u wkoll nanniet taż-żewġ naħat hemm taħlita ta’ Borgijiet (kunjom Għarbi), Mikallefijiet (kunjom Lhudi), Scerrijiet (probabbli Spanjol) u jekk tmur lura, se ssib diversità ta’ ġenerazzjonijiet ġejjin minn kull naħa tal-Mediterran – bħalma ssib f’kull familja f’dawn il-gżejjer.

Li minix Kattolku (dejjem skont Delia), ma nafx x’naqbad ngħid ħlief li nikkwota dak li għedt fl-ewwel blogg li ppubblikajt f’dan is-sit. Dakinhar għedt: “Użata bħala terminu ta’ distinzjoni, id-determinazzjoni ta’ “Kattoliku” issir ironika — u dan għax kif ħafna diġà jafu, il-kelma kattoliku hija wżata f’sens sekulari bħala medda universali ta’ nies b’opinjonijiet u tradizzjonijiet differenti.”

F’dak il-blogg għedt ukoll li “ġieli tisma’ wħud li bħal donnhom iridu jisiltu lill-dawk li huma jqisu bħala Kattolici (“veri”) minn oħrajn li għalkemm dejjem kienu parti integra mill-knisja Kattolika, bħal donnhom ħadu xi stat tat-tieni klassi. Ma rridx nesaġera, imma dan sirt nisimgħu iktar.” U sfortunatament Delia kkonferma dan kollu.

Issa li jien minix Malti “ta’ veru” ma tinżillix, u mhux biss iddejjaqni imma tirrabjani, għaliex hawn se nerġgħu naqgħu fil-baxx ta’ partiġġjaniżmu bla sens li jogħġob biss lil dawk li għadhom jaħsbu li xi ħadd għandu monopolju ta’ x’inhu Malti. Dak li qal Delia jimplika li kull min ma appoġġjax lill-PN f’ċerta żminijiet diffiċli fl-istorja — u hawn ta’ min jassumi li Dr Delia wkoll jaf l-istorja ta’ Malta fi żminijiet oħra diffiċli bħal fis-Sittinijiet u qabel — allura dawn mhumiex denji li nsejħulhom Maltin.

Ma nafx x’jaf Delia dwar l-istorja ta’ Malta, imma hu jaf sew li fl-istess żminijiet li Malta ħadet l-Indipendenza (li suppost kien qed jiċċelebra fil-mass meeting tiegħu) ħafna Maltin ma tantx kienu qed igawdu l-istess libertà li hu kien qed isemmi. Nieħu minn missieri, li kien Malti u Kattoliku, hu u ħafna oħrajn ma kienux ħielsa li jesprimu l-politika tagħhom għax kienu Laburisti. Issa jekk dawn, skond Delia, ma kienux Maltin għax ma qablux ma’ Borg Olivier, jien ma nafx. Li naf żgur hu li missieri, għalkemm ma’ Mintoff, dejjem għallimni nirrispetta lil kulħadd. Li niftakar hu wkoll (u ma ninsieha qatt) li missieri dejjem qalli li Borg Olivier kien ġentlom anke jekk kien jarah bħala politiku dgħajjef.

Imma ejja ma naqgħux fin-nassa ta’ “l-istorja tiegħi fiha aktar tbatija minn tiegħek”.

Għalkemm kien jidher ċar sa mill-bidu li l-politika ta’ Dr Delia mhux biss hija konservattiva, imma wkoll għandha toni reazzjonarji, ngħid il-verità stennejt oratorija aħjar mingħandu. Stennejt ukoll li kien se jkun ippreparat biżżejjed sabiex joffri xi ħaġa differenti minn dak li xbajna nisimgħu mingħand politikanti li jippruvaw jiskurjaw gowls u jgħajjtu għall-kotra quddiemhom.

Għalkemm id-diskors ta’ Delia kien wieħed indirizzat lill-parruċċjani tiegħu, nafu wkoll li f’Jum l-Indipendenza wieħed kien jistenna li Delia kien se jieħu statura nazzjonali, u minkejja n-nuqqas ta’ qbil storiku bejn il-Laburisti u n-Nazzjonalisti dwar l-Indipendenza, kont nistenna li huwa jieħu l-inizzjattiva u jindirizza lill-poplu Malti, u mhux lin-nies tiegħu biss.

Veru li kien ferħan b’rixu, u kellu biex, għax rebaħ rebħa li probabbli lanqas hu ma kien qed jistenna; imma din ir-rebħa tiegħu hija biss il-bidu tal-karriera tiegħu u kienet biss rebħa fil-partit tiegħu. Kienet ukoll rebħa li wħud minn Nazzjonalisti mhumiex qed jitqarrsu jsejħulha “rebħa Pirrika” — bħal dik ir-rebħa msemmija għall-ġeneral Pirru li rebaħ il-gwerra akkost ta’ qerda totali.

Issa kont qed nistenna li mhux biss Delia jipprova juri li din mhi rebħa Pirrika xejn, imma li l-politika tiegħu hija “ġdida” (kif wiegħed hu) sew għall-Partit tiegħu imma fuq kollox għall-Maltin kollha.

Jien ma nistax nifhem kif b’diskors bħal dak, Delia qed jistenna li dawk in-Nazzjonalisti li vvutaw lil Joseph Muscat u dawk il-vutanti li Delia irid jattira lejn il-PN, se jsibu rwieħhom komdi fil-politika tiegħu. Dan mhux biss kien jiżgarra mat-ton belliġerenti tiegħu, imma wkoll fil-kontradizzjonijiet manji li qal fid-diskors tiegħu.

Jekk f’nifs tgħid li Malta tilfet il-valuri, u jekk tilmenta li hawn il-firda, kif se tiġġustifika l-għajta li int ma tibżax minn Muscat u li mhux lest li taħdem mal-Gvern dwar l-ambjent? Jekk temmen fl-għaqda nazzjonali għaliex tilqa’ nvit mill-Prim Ministru b’ton li twiegħed lill-kotra li se se tmur bil-kmiem imxammra, lest għall-ġlied?

Dr Delia nesa meta Dr Gonzi stieden lil Joseph Miscat id-Dar Centrali hekk kif Muscat sar mexxej tal-PL. Nesa wkoll l-atteġġjament kordjali bejn Muscat u Gonzi. Donnu jrid jinsa wkoll li Gonzi u Muscat qatt m’għajru lil xulxin ad hominem anke meta ma qablux bl-aktar mod aħrax.

Issa jien ma nafx politika ġdida titlobx li turi snienek lil dawk “kontrik”, qisek kelb tal-ġlied f’xi sqaq. Imma safejn naf jien politika ġdida għal Malta u l-Matin kollha hija politika dijaloġika. Dan ifisser li l-Maltin għandhom jingħarfu kollha kemm huma bħala Maltin — sew jekk huma Semitiċi, Musulmani, Insara ta’ kull denominazzjoni, Buddisti, Lhud, ateji — u mhux il-“Kattoliċi u l-Latini” biss. (Biex ma nsemmux lil Maltin Nazzjonalisti li mhumiex Latini u Kattolċi. Dawk kunjomhom Ingliż jew Semitiku, dawk liberali, dawk ateji?

Kif għedt f’dan il-blogg ftit ġimgħat ilu, fil-PN hemm min jara din it-tranżizzjoni għat-tmexxija ġdida bħala luttu politiku u dan deher ċar fir-reazzjoni ta’ ħafna Nazzjonalisti lejn ir-rebħa ta’ Delia.

Issa kif Delia qed jaġixxi, il-luttu se jikber u naħseb li anke jekk Delia qed jipprova jidher li huwa Nazzjonalist iktar minn kull Nazzjonalist ieħor, mhux biss qed jitlef kull xrara ta’ kunfidenza li xi wħud li ma vvutawulux qed jipprovaw ixettlu, imma dan diġa aljena lil dawk li mhumiex Nazzjonalisti li qed jaraw naħa tal-atteġġjament oskurantista u reazzjonarju tiegħu.

Huwa faċli tuża l-għodod ta’ assolutiżmu primordjali: bħal dak tal-patrija, ir-reliġjon, l-hekk imsejħa “valuri” (li jfissru kollox u ma jfissru xejn) jew xi mit ta’ identità nazzjonali (li f’Malta ħafna drabi tfisser li tkun abjad u Kattolku). Imma għalkemm dan huwa faċli, dawn l-hekk imsejħa valuri malajr jogħsfru hekk kif tibda’ taħdem fil-prattika tal-politika u iktar u iktar f’dik li hija il-prassi agonistika tad-demokrazija.

Jekk Dr Delia jrid jagħmel ħoss tajjeb — għax ħoss kulħadd jaf jagħmlu — allura għandu jirrifletti naqra u jara x’inhu jgħid. Dan għax ma tantx niżel tajjeb ħlief ma’ dawk li jridu jreġġgħu l-arloġġ lura u qed jaħsbu li partit militanti u intransiġenti huwa riċetta tar-rebħa. Dawn se jgħarralhom bl-ikrah għax Malta inbidlet b’mod radikali.

Li xi ħadd bħall-mexxej ġdid tal-PN irid jgħidilna li l-Maltin “ta’ vera” huma grupp wieħed ta’ nies, hija mhux biss traġedja politika, imma ħasra; għax ħafna dejjem jistennew ton ġdid meta jkun hemm bidla.

Minflok, mingħand Delia smajna diska imżarżra li tfakkarna fiż-żminijiet koroh fl-istorja ta’ pajjiżna li, milli jidher, minn dawn iż-żminijiet, l-istess Dr Delia ma tgħallem xejn.


Prof. John Baldacchino huwa Professur u Direttur tal-Arts Institute, fl-Università ta’ Wisconsin f’Madison. Huwa speċjalista fl-arti, il-filosofija u l-edukazzjoni.