Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Ejjew ma nibżgħux, imma nibżgħu għal xulxin” – L-Arċisqof   |  "Irrid li l-libelli li fetaħ Chris Cardona kontra ommi ma jaqgħux" - Iben DCG   |  Il-GWU tgħid li d-dimostrazzjoni tal-Ħadd kompliet tifred   |  Żagħżugħa tinżamm arrestata fuq suspett li qatlet lil binha tarbija

Aħna ulied Alla … imma dawk le

Kummissjoni Ambjent  -  28/09/2017 11:54

Dawn qatt ma jgħaddilhom minn moħħhom li jħallu l-art li jkunu qed jokkupaw, imma jibqgħu fejn huma, u tant jissetiljaw malajr li huwa diffiċli ħafna issuqhom ’il barra anke bil-forza. Huma kienu u jibqgħu l-parassiti tipiċi li bħal mikrobu velenuż jibqa’ jinfirex malli jsib iċ-ċans biex jagħmel dan. U l-effett tal-preżenza tagħhom hi bħal dik tal-mikrobi: maż-żmien jeqirdu lin-nies ta’ madwarhom minn kull fejn ikunu.”

Min jaqra dawn il-kliem għandu mnejn jaħseb li nkitbu dan l-aħħar – bħala parti minn xi diskors kontra l-imigranti. Forsi hawn min saħansitra jadottah u jagħmlu tiegħu. Imma fil-verità dan il-kliem (indirizzat lejn il-Lhud) deher għall-ewwel darba fl-1925 fil-ktieb Mein Kampf miktub minn Adolf Hitler. Dan il-kliem u ħsibijiet ispirati minnhom, minbarra li tefgħu lid-dinja fil-miżerja tat-Tieni Gwerra Dinjija, wasslu għall-olokawst li ra il-persekuzzjoni u l-qerda ta’ ’l fuq minn 12-il miljun persuna ta’ nazzjonalitajiet u twemmin differenti, persuni b’diżabilità, omosesswali u madwar 6 miljun Lhudi.

Din l-istraġi ma seħħitx mil-lum għal għada … imma bil-mod il-mod. In-Nazzisti waslu fejn waslu billi xerrdu l-mibgħeda lejn sezzjonijiet tas-soċjetà Ġermaniża, farrkuha fi gruppi żgħar u ġelldu grupp kontra ieħor – strateġija mfissra sew f’din il-poeżija ta’ Martin Niemöller:

L-ewwel ġew għall-Lhud u jien ma tkellimtx għax ma kontx Lhudi.

Imbagħad ġew għall-Komunisti u jien ma tkellimtx għax ma kontx Komunista.

Imbagħad ġew għat-trejdjunjonisti u ma tkellimtx għax ma kontx trejdjunjonista.

Imbagħad ġew għalija u ma kien għad fadal ħadd li seta’ jitkellem għalija.

Madanakollu, għad hawn min jippreferi jemmen li dawn ir-reati kontra l-umanità qatt ma ġraw – bħal ma għad hemm min għadu jiċħad it-Tibdil fil-Klima minkejja l-provi kollha li hemm! Jekk ma nħallux lill-Istorja tgħallima, nispiċċaw nirrepetu l-istess żbalji. Il-mibgħeda hi bħal kankru li jikber u jinfirex bil-mod il-mod sakemm fl-aħħar ma tkunx tista’ twaqqfu u joqtlok!

F’pajjiżna wkoll qed naraw wisq eżempji ta’ intolleranza. Sfortunatament, qabel ma naraw f’xulxin xbihat t’Alla, naraw Laburist jew Nazzjonalist, orjentament sesswali, kulur tal-ġilda jew twemmin. Hi tal-biki li hawn min lest li jiddefendi stampa ta’ Ġesù fuq poster publiċitarju u mbagħad ma jirnexxilux jara lil Kristu f’min hu fil-bżonn għax iħalli d-dettalji joskurawlu l-vista!

Il-Papa Franġisku, fl-Enċiklika Laudato Si`, iwissina li …

Ma jistax ikun awtentiku sentiment ta’ għaqda intima mal-ħlejjaq l-oħra tan-natura, jekk fl-istess ħin fil-qalb tagħna m’hemmx ħlewwa, kompassjoni u tħassib għall-bnedmin. Hi ċara l-inkoerenza ta’ min jissielet kontra t-traffikar tal-annimali f’riskju ta’ estinzjoni, imma jibqa’ għalkollox indifferenti quddiem it-traffikar tal-persuni, ma jinteressahx mill-foqra, jew hu determinat li jeqred bniedem ieħor li ma jinżillux. … Kollox marbut ħaġa mal-oħra. Għalhekk għandna bżonn ta’ tħassib għall-ambjent, id f’id ma’ mħabba sinċiera għall-bnedmin u impenn kostanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-problemi tas-soċjetà. ” (par.91)