Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Ħadd m’għandu bżonn jistenna lill-PN biex ikun ‘fil-Gvern’

Norman Vella  -  04/09/2017 11:05

Erba’ snin ilu, qabel u wara l-ewwel rebħa elettorali ta’ Joseph Muscat, kelli għażla x’nagħmel: inkun ‘fil-Gvern’ jew nagħmel dak li nħoss li huwa tajjeb?

Għalija u għal ħafna oħrajn kien evidenti minn żmien twil qabel dik l-elezzjoni, li jekk tkun lest tinterpreta l-iskript li jagħtik Muscat, meta jkun fil-glorja ta’ Kastilja kien se jieħu ħsiebek.

Kien ovvju wkoll li jekk tiddeċiedi li tagħti dahrek lill-karrotta, kellek tistenna lura biss id-daqqiet tal-frosta fil-forma ta’ vendikazzjonijiet u attakki medjatiċi.

Il-maġġoranza enormi miksuba f’dik l-elezzjoni għamlet il-karrotta ta’ Muscat iktar attraenti, għax ħadd, lanqas dawk l-iktar pożittivi, ma setgħu jimmaġinaw li dal-Gvern kien se jservi inqas minn għaxar snin, ħmistax jew iktar. Biex tgħaxxaqha, il-frosta saret tweġġa’ iktar minn qatt qabel, għax issa kellha fiha s-saħħa tal-id tal-Gvern.

X’għażilt jien, jafu kulħadd.

Bħali kien hemm ħafna oħrajn li minkejja li ma nvolvewx ruħhom direttament fil-politika ħlief għal xi status fuq Facebook jew preżenza fi protesta u mass meeting, iddeċidew li lil Muscat jieqfulu. Però dawn ilkoll jafu li jekk iridu jibdew jieklu minn idejn Muscat, aktarx se jsibu l-bieb tal-kċina ta’ Kastilja miftuħ beraħ, bħal ma sabu bosta eluf qabilhom.

Għandhomx aptit ftit soppa, biċċa laħam jew ġelat, dawn m’għandhomx bżonn jistennew lill-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern, biex jimlew il-ħawsla. Jekk iridu jkunu ‘fil-Gvern’ malajr, kull m’għandhom jagħmlu huwa li minflok ilsienhom jużawh biex jikkundannaw il-korruzzjoni, l-abbuż tal-poter u l-eċċessi, jitgħallmu jigdmuh jew jibdew jużawh biex jilagħqu.

Jien u dawn il-ħafna eluf m’għandniex bżonn lill-Partit Nazzjonalista sempliċiment biex inkunu ‘fil-Gvern’. Għal dak stajna u għadna nistgħu ninqdew qabel u aħjar għand Muscat u sħabu.

Lill-Partit Nazzjonalista għandna bżonnu biex jagħtina Oppożizzjoni b’saħħitha li ma tibżax tgħid il-verità, ikun xi jkun il-prezz. Għandna bżonnu biex jagħti lil pajjiżna proġett politiku viżjonarju u ambizzjuż li jħares lil hinn mill-bżonnijiet tal-lum. Għandna bżonnu biex inserrħu moħħna li m’aħniex stranġieri f’pajjiżna u li hawn forza politika kbira tirrappreżentana, li ma qatgħetx qalbha li meta jasal il-mument tagħtina l-Gvern li tassew jixirqilna.


Norman Vella huwa kandidat tal-PN għall-Parlament Ewropew u għall-elezzjoni ġenerali.