Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

Luttu politiku? - Prof. Baldacchino janalizza l-qagħda fil-PN

Prof. John Baldacchino  -  05/09/2017 10:46

Hemm tmiem għal kollox. U bħalma idea tgawdi l-quċċata ta’ popolarità u kunsens għal diversi snin, huwa kważi inevitabbli li xi darba din l-idea se tinbidel, jew se tmut, u flokha jiġu ideat u metodi differenti ... mhux neċessarjament ġodda, imma differenti.  

Kif ngħidu meta nikkwotaw lil Galileo, b’mod serju jew ċajtier: “Eppur si muove!” Fl-aħħar mill-aħħar kollox jimxi, u kontra kull domma jew ħsieb li forsi kien għażiż għal uħud, kulħadd kellu jaċċetta li d-dinja mhux biss iddur max-xemx imma ma ssibhiex fiċ-ċentru tal-univers.

Lil hinn minn Koperniku, Bruno, jew Galilew, dak li qed jiġri fid-Dar Ċentrali tal-Pietà, mhux biss huwa materja politika interessanti għal kull min jinteressa ruħu fil-politika, imma naħseb li hija żvolta fl-istorja politika ta’ Malta.

Qabel inkompli, nerġa’ ntenni dak li ktibt fil-blogg tiegħi fit-Times of Malta: mill-perspettiva politika tiegħi, m’għandi l-ebda preferenza fil-kandidati, sew meta kienu erbgħa u issa li huma tnejn. Mill-perspettiva xellugija li nħaddan (li mhix perspettiva li ġejja mill-PL), nara lil Delia bħala politiku li għalkemm qed joffri strateġija li hija b’saħħitha ħafna fil-konfront tal-PL, f’kuntest strateġiku qed juri l-istess tendenzi kwalunkwisti li ż-żewġ partiti ewlenin qed isofru minnhom (u hawn naf li ħafna ma jaqblux miegħi fuq iż-żewġ naħat).

Min-naħa l-oħra nara fi Chris Said persuna li kisbet l-ammirazzjoni tiegħi meta ddefenda l-integrità politika tiegħu billi warrab u rritorna biss meta l-innoċenza tiegħu kienet konfermata. Madankollu jien nara f’Said, stil u politika konservattiva, li anke jekk tgawdi l-kunsens ta’ ħafna fil-PN, ma narax fiha xi potenzjal ta’ suċċess f’dik li hija strateġija elettorali. Ma nistax nifhem kif il-politika ta’ Said tista’ tattira aktar voti għall-PN.

Ġaladarba ma nemminx fil-globi tal-kristall u wisq anqas naf naqra t-Tarot, mhux se nazzarda nagħmel xi tbassir. Imma li nixtieq ngħid hu li ħafna minn dawk li llum qed jikkritikaw lil Delia, lil hinn mill-allegazzjonijiet li saru fuq in-negozju tiegħu, qed jesprimu elementi li jfakkruni fil-luttu politiku li ħafna jħossu meta jaraw it-twemmin politiku tagħhom jitlef il-vitalità li kellu qabel.

Ħadd ma miet. Imma fil-kamp ta’ Said qed nara ansjetà kbira dwar il-fatt li ċertu tip ta’ politika li kienet prevalenti fil-PN minn sa minn żmien Fenech Adami, qed tiġi fit-tmiem. U dan ngħidu mhux b’disprezz jew b’xi sens ironiku, imma b’osservazzjoni oġġettiva.

Jidher ċar li fost dawk li huma anzjużi dwar l-iżvolta ta’ Delia fil-possibilità li huwa jsir il-Kap il-ġdid tal-PN, ħafna qed jaraw dak li wħud qed isejħu t-tmiem tar-“ruħ tal-Partit Nazzjonalista”. Issa jista’ jkun li Delia ma jirbaħx it-tellieqa. Imma dan huwa fattur li kien diġà qed jidher ħafna qabel din l-elezzjoni għall-Kap, fosthom ilmenti minn Nazzjonalisti prominenti li kienu fil-Kabinett ta’ Lawrence Gonzi.

Naħseb dan huwa punt kardinali fl-evoluzzjoni tal-Partit Nazzjonalista u fl-istat li huwa llum. Għalkemm issib li hemm min għandu problema kbira b’Delia u n-negozju tiegħu, din mhix l-istorja kollha u l-argument tagħhom dwar politika nadifa, għalkemm validu, fih innifsu u mingħajr kuntest iktar wiesa’, mhuwiex biżżejjed.

Lil hinn mil-każwistrija ta’ x’inhi “r-ruħ tal-PN”, żgur li hemm sens f’dawk li qed jibżgħu li Delia huwa t-tmiem ta’ żmien u stil li ħafna jorbtu mal-wirt politiku ta’ Fenech Adami. U wieħed irid jgħid li Fenech Adami jirrappreżenta sew il-fergħat liberali u sekulari, imma wkoll fergħat konservattivi u qrib ħafna tal-Knisja Kattolika. Is-suċċess tiegħu kien f’kif irnexxielu jżomm dawn l-elementi flimkien – elementi li jirrappreżentaw lill-poplu Malti kollu u mhux biss lin-Nazzjonalisti.

Hawn insibu paralelli f’dak li kien it-twemmin tal-Partit ta’ Mintoff: twemmin pjuttost marbut ma’ ideat ta’ soċjaliżmu Malti li għalkemm kontroversjali u b’ton antiklerikali, żamm karatteristiċi marbutin mad-duttrina soċjali tal-istess Knisja Kattolika. Mintoff ma kienx Marxista u nafu li huwa qatt ma ħalla elementi xellugin jidħlu fil-Partit Laburista. Dan għax Mintoff dejjem kien konxju tan-natura kulturali tal-poplu Malti u strateġikament żamm fil-Partit elementi li kienu pjuttost marbutin mat-tip ta’ Laburiżmu li għalkemm uża retorika xellugija qatt ma ħalla fergħat xellugin jitkattru fi ħdanu.

Issa bħalma kulħadd jiftakar, mat-tluq ta’ Mintoff mill-MLP ħafna raw it-tmiem ta’ żmien u ħassew sens ta’ luttu politiku, anke meta ħafna wkoll raw fil-Perit Mintoff aġir ta’ tradiment meta l-gvern ta’ Sant waqa’ u kien hemm elezzjonijiet bikrija li reġgħu tellgħu lill-PN fil-gvern.

Mintoff miet ħafna wara li l-MLP ta’ Sant evolva fil-PL ta’ Muscat, imma l-luttu politiku tal-Mintoffjani kien ilu li seħħ, u ħafna qabel il-Perit ħalla din id-dinja. Dan għax il-luttu politiku mhux marbut mal-persuna politika, imma mal-ideat tal-persuna. Eżempju li għandu ħafna paralelli mal-kultura politika Maltija huwa l-Peroniżmu, bid-differenza li meta miet Peron, il-Peroniżmu baqa’ jgħix, filwaqt li meta miet Mintoff, il-Mintoffjaniżmu kien ilu li ndifen.

Lura fil-kamp tal-PN, hawn qed nara żvolta f’dak li għadd ta’ partitarji Nazzjonalisti, għalkemm ma nsewx lil Eddie Fenech Adami, huma lesti li jmorru lil hinn mill-politika tiegħu. Sintendi, Adrian Delia jgħid li huwa l-eredi tal-politika ta’ Eddie bħalma jgħid Chris Said. Imma bħalma nafu mill-eżempju ta’ Joseph Muscat, li reġa’ fetaħ il-bibien għall-Perit u rrikonċilja lill-PL mal-Mintoffjani, il-politika tal-PL ma kinitx aktar Mintoffjana, tant li ħafna nazzjonalisti li ma tantx kienu jħobbu lill-Perit xorta vvutaw bi ħġarhom lill-PL ta’ Muscat.

B’mod paralell, dawk li f’Gonzi u Busuttil, u issa f’Said, iridu kontinwità ma’ dak li kien jirrappreżenta Eddie Fenech Adami, mhumiex qed jaraw din il-kontinwità f’Delia. U dan bir-raġun.

Min-naħa l-oħra min mhux qed jara dan il-fenomenu, jidher li ma jridx jammetti li wieħed mill-fatturi li qed jolqtu lill-PN hija s-sekularizzazzjoni u l-bidla fir-relazzjoni tal-Maltin mal-Knisja. Dan deher ċar fir-referendum tad-divorzju, fil-liġijiet tad-drittijiet ċivili speċjalment dawk li jolqtu l-komunità LGBTIQ, u iktar riċenti fil-mod kif l-Oppożizzjoni kienet ambigwa fil-konfront taż-żwieġ indaqs.

B’hekk wieħed ma jistax ma jistaqsix jekk, jitla’ min jitla’ bħala Kap, dan huwiex verament luttu li se jkompli jaffettwa lill-PN. U dan qed ngħidu għaliex anke jekk dawk li qed jibżgħu li l-Partit se jitlef ruħu u jridu lil Said, dawn ma jistgħux jinjuraw il-fenomenu li Delia qed jikkonferma fil-popolarità li kiseb fost il-partitarji Nazzjonalisti.

Ħalli ngħiduha kif inhi: il-qasma bejn iż-żewġ kandidati m’għandhiex preċedent f’dik li hija distanza ta’ stil, strateġija, u nazzarda nżid, pożizzjoni ideoloġika. Fenech Adami u De Marco ma kinux daqstant differenti f’dak li kienu jirrappreżentaw politikament. Imma Said u Delia huma differenti u dan jidher ċar f’dak li qed jgħidu u kif qed jaġixxu l-kampijiet rispettivi tagħhom.

Iktar minn “tellieqa bejn il-ħbieb” din hija tellieqa bejn dawk li qed jaħsbu li l-PN se jitlef ruħu u dawk li jridu PN differenti minn kif sirna nafuh minn mindu Fenech Adami sar kap.