Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

L-iskart: problema li qiegħda tikber

Simone Vella Lenicker  -  06/09/2017 11:03

Ftit ġranet ilu, il-Malta Today irrapurtat li huwa stmat li fi żmien 18 sa 24 xahar ieħor mhux ser jibqgħalna post fejn jintrema l-iskart. Malta qiegħda tiġġenera madwar 600kg ta’ skart domestiku għal kull individwu fis-sena. Dan huwa ammont ferm iktar għoli mill-medja Ewropea ta’ 475kg għal kull persuna. F’pajjiżna, 8% biss mill-iskart qiegħed jiġi rriċiklat, u dan għandu jiġi kkumparat ma’ l-44% ta’ skart li jiġi rriċiklat fuq livell Ewropew. Fil-fatt, Malta hija kklassifikata fis-sitt post fost il-pajjiżi Ewropej li jiġġeneraw l-iktar skart per capita

Dawn iċ-ċifri huma allarmanti, kemm għaliex jindikaw li l-iskart ser ikun wieħed mill-ikbar problemi li pajjiżna ser jaffaċċja fix-xhur u s-snin li ġejjin, u kemm għaliex minkejja d-diversi kampanji edukattivi u ta’ informazzjoni li ġew imnedija matul is-snin, il-poplu Malti għadu ma għarafx x’inhi din il-problema, u kemm hu importanti s-sehem ta’ kull individwu sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ skart u sabiex jiġi rriċiklat ammont ikbar ta’ skart domestiku. 

Hemm bżonn urġenti ta’ strateġija nazzjonali dwar l-iskart li tindirizza din il-problema b’mod ħolistiku. Jidher li l-Gvern qiegħed jikkunsidra l-possibilità li l-iskart jiġi inċinerat, jew li jintużaw sistemi ta’ trattament bis-sħana (thermal treatment) sabiex tiġi ġġenerata l-enerġija minn dan l-iskart. Iżda minkejja li fl-2014 kien ġie mniedi studju minn esperti, studju li kellu jiswa madwar €1 miljun sabiex jiġu identifikati l-aħjar metodi għall-immaniġġjar tal-iskart, dan l-istudju għadu ma ġiex ippubblikat. 

Il-problema tal-iskart hija sintomu ta’ dak li jissejjaħ “a throwaway culture”, li forsi l-aħjar mod li niddiskrivuha hi ‘kultura ta’ ħala’. Kemm insibuha iktar faċli li narmu oġġett minflok ma naraw kif nistgħu nsewwuh, jew nerġgħu nużawh jew nirriċiklawh? U iktar minn hekk, kemm nagħtu każ li nnaqqsu l-ammont ta’ skart li tiġġenera l-familja tagħna? Meta nkunu qed nagħżlu prodott, nagħtu każ ta’ kemm dan ser jiġġenera skart wara li nkunu wżajnih? Nagħtu każ il-packaging tal-prodott jekk jistax jiġi rriċiklat? Kemm minna fil-fatt jisseparaw l-iskart tagħhom biex dan jiġi rriċiklat? 

Huwa importanti li din il-materja tiġi ndirizzata fuq livell nazzjonali mill-iktar fis possibli. Imma huwa daqstant importanti li kull wieħed u waħda minna jara, kemm fil-familja kif ukoll fuq il-post tax-xogħol, kif nistgħu nnaqqsu l-ammont ta’ skart iġġenerat, naraw kif nistgħu nsibu użu ġdid għal oġġetti li ħafna drabi naqbdu u narmuhom ‘il barra, u nżidu l-isforzi tagħna sabiex nisseparaw l-iskart domestiku. 

F’kelma waħda, hemm bżonn li nagħrfu, kulħadd fil-kuntest tal-ħajja tiegħu jew tagħha, kif nistgħu ntaffu din il-problema, u iktar minn hekk kif nistgħu nrawwmu fostna kultura inqas ħalja u li tibda tħares lejn l-iskart bħala riżorsa.