Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

​Ix-xahar tal-Ħolqien

Marica  Mizzi  -  07/09/2017 10:13

Dan ix-xahar qed jitfakkar ix-xahar tal-Ħolqien fil-ħsieb Nisrani, fil-fatt nhar is-Sibt li għadda l-Arċisqof proprju fl-omelija tiegħu li għamel fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann tkellem dwar is-sabiħ tal-ħolqien li aħna mdawrin bih, kemm tajjeb li napprezzaw dan is-sabiħ li għandna u naraw x’kontribut nistgħu nagħtu aħna u mhux biss ingergru u nonfħu imma nxammru l-kmiem u naraw kif se nibdew nibżgħu għalih.

Proprju illum ir-riflessjoni tiegħi xtaqt nagħmilha dwar dan il-Ħolqien, dwar il-ġmiel li toffri n-natura tagħna. Ħafna drabi min jaf kemm-il darba, nkunu għadna ġejjin minn xi vaganza ’l bogħod minn xtutna u appena naslu lura tismagħna ngergru li f’Malta m’għandna xejn. Imma huwa minnu dan jew m’aħniex kapaċi nfittxu dan il-ġmiel li mdawrin bih u kif ngħidu bl-Ingliz nieħdu for granted jekk mhux ukoll bi traskuraġni u b’egoiżmu naraw kif se neqirdu dan l-ambjent ta’ madwarna.

Kemm jien konxju li kull nifs li nieħu jiddependi minn dak li nagħmel jien? Għax iktar faċli li nwaħħal fl-awtoritajiet, fil-kunsill lokali, f’min suppost li qed iżomm nadif, imma jien x’kontribut qed nagħti?

Kemm tieħu gost tidħol fi djar Maltin u ssibhom xummiema bl-indafa u safrattant għadek issib min jekk ikun barra ma jaħsibhiex darbtejn jarmi mal-art, fil-baħar u anki jħalli l-ħmieġ warajh fuq il-bajjiet jew fix-xitwa fil-kampanji sbieħ tagħna.

B’dawn l-affarijiet iż-żgħar irridu nibdew biex kull nifs li nieħu jibda jsir iktar pur. Kemm jien konxju li bl-egoiżmu tiegħi qed nispiċċa noħnoq lili nnifsi?

U kemm jien konxju wkoll tal-ġmiel li għandha din il-gżira tagħna. Meta tiltaqa’ ma’ għaqdiet li jaħdmu favur l-ambjent u jeħduk fix-xagħri u jispjegawlek dwar il-ħolqien kollu li ssib f’dawn il-postijiet tibda tapprezza ferm iktar ir-rikkezza li toffri din l-art.

Tiskanta, tara turisti li jtellgħu ritratti fuq il-midja soċjali waqt li kienu qed iqattgħu ftit żmien fi gżiritna u tibda tgħid imma possibbli dan il-post partikulari qiegħed f’Malta? Kemm għad għandi x’niskopri f’dan il-pajjiż li qed ngħixu fih, kemm postijiet ferm sbieħ li toffri n-natura li nisperaw li ma jiġux mittifsa.

U nieħu l-opportunità biex nikkongratula lill-għaqdiet li jaħdmu favur l-ambjent, tax-xogħol kollu li jagħmlu, il-maġġoranza tagħhom jagħmluh b’mod volontarju. Dan ix-xahar se jagħtina opportunità kbira li ninteressaw rwieħna u anki nattendu dawn iż-żjajar li qed jiġu organizzati.

Nispiċċa l-ħsieb tiegħi billi nawgura li nieħdu ħsieb l-ambjent u dal-ġmiel ta’ madwarna. Il-ftit ta’ kulħadd, anki jekk sempliċiment inkun konxju li fejn inkun inħalli nadif warajha, jew niġbor dak li bi traskuraġni ħalla ħaddieħor se jsarraf biex inħallu lil min ġej warajna ambjent sabiħ u messaġġ li napprezzaw dak li mdawrin bih bil-ħoqien kollu li jiġbor.