Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Għeżież Adrian u Chris

Nicholas Baldacchino  -  08/09/2017 16:50

Għeżież Adrian u Chris,

Issa li l-kampanja tagħkom għal kap tal-Partit Nazzjonalista dieħla fl-aħħar fażi tagħha u donnha qed issir aktar qalila, xtaqt naqsam ftit ħsibijiet magħkom. Jien qatt kont involut fil-politika bl-ebda mod. Insegwiha biss mill-bogħod, anzi ħafna drabi mill-bogħod ħafna. Nixtieq biss li bħala bniedem li nzertajt twelidt u ngħix f’dal pajjiż nara t-tmexxija ta’ waħda mill-aktar istituzzjonijiet importanti tagħna tkun waħda denja u li tixirqilna.

Ma niftakar qatt li f’għażla ta’ mexxej ta’ partit politiku f’pajjiżna saru daqshekk dibattiti fil-miftuħ u bi proċess daqshekk twil. Hija xi ħaġa ġdida u jidher li pożittiva li l-proċess tal-għażla twessa’ u l-kelma finali se tkun f’idejn it-tesserati tal-partit. B’hekk id-diskussjoni dwarkhom kibret u bla dubju ħraxet xi ftit. F’pajjiżna mhux imdorrijin li naraw ideat kontrastanti, u persuni diversi mill-istess partit, jiġu diskussi daqshekk fil-beraħ.

Lilek għażiż Adrian, għalkemm it-tnejn noqgħodu s-Siġġiewi u ftit li xejn ‘il bogħod minn xulxin, ma jidhirlix li qatt iltqajna wiċċ imb’wiċċ. Rajtek biss darba l-Qorti. Kont qed nistenna f’Awla biex nagħti x-xhieda tiegħi u qabli kien qed jinstema’ każ li inti wkoll kellek titla’ tixhed fih. Dak li kont għedt kien impressjonani immens. Fix-xhieda tiegħek int irrakkontajt kif kont għaddej bil-karrozza mit-triq li minn Ħaż-Żebbuġ tagħti għas-Siġġiewi u rajt karrozza ipparkjata u fiha ilmaħt raġel isawwat lil tifel ta’ xi tnax-il sena li irriżulta li kien ibnu. Int pront waqaft biex trażżan lil dak ir-raġel u mort għamilt rapport l-għassa tal-Pulizija.

Kont bqajt impressjonat bl-għemil tiegħek – li kont lest li “tindaħal” fejn għal ħafna jidhrilhom li m’għandekx tindaħal u kif kont lest li ssib ruħek f’sitwazzjoni fejn it-tifel eventwalment ċaħad li kien qed jiġi msawwat minn missieru u dan spiċċa liberat!  Dan nimmaġina li int kont taf li jista’ jiġri hekk, aktar u aktar bħala avukat, imma xorta deherlek li għandek tieħu pass biex tissalvagwardja lil tifel mill-qilla ta’ missieru.

Lilek għażiż Chris, ġejt f’kuntatt miegħek fil-qrib meta int kont Segretarju Parlamentari għall-Kunsilli Lokali u jien kont Segretarju Eżekuttiv ta’ Kunsill Lokali. Niftakar l-entużjażmu u l-imħabba tiegħek lejn il-Kunsilli Lokali għax fuq kollox inti bdejt il-karriera politika tiegħek bħala Sindku u għalhekk kont taf mill-qrib il-bżonnijiet u l-bidliet li kien hemm bżonn isiru fil-Kunsilli Lokali.

Niftakar il-laqgħat li kont tagħmel għas-Sindki, il-kunsilliera u s-Segretarji Eżekuttivi u kif kont tgawdi stima mhux biss minn dawk li ġejjin mill-istess partit politiku tiegħek imma wkoll minn dawk li ġejjin mill-partit oppost. Niftakar ukoll li meta kelli bżonn niġi  nkellemek fuq biċċa xogħol partikolari int ilqajtni u smajtni.

Barra minn dawn t’hawn fuq, li naf fuqkom hu biss mill-mezzi ta’ kommunikazzjoni imma jidhirli li t-tnejn intom persuni validi, kapaċi, u għandkom x’toffru ħafna mhux biss lill-partit tagħkom imma lill-pajjiż b’mod ġenerali.

L-appell tiegħi hu li fil-jiem li fadal qabel issir l-għażla tkompli turu l-viżjoni tagħkom, il-ħsibijiet u l-kapaċitajiet tagħkom. Imma mingħajr l-ebda konfrontazzjoni. Ftakru dejjem li intom mhux biss mill-istess partit, imma mill-istess pajjiż. Ftakru li dak li tiżirgħu illum bid-diskorsi u l-għemil tagħkom se jibqa’ jiġri warajkom tul il-karriera tagħkom kollha. Żommu fuq quddiem nett f’moħħkom il-prinċipji umani tal-lealta’ u r-rispett lejn l-avversarju tiegħek, tal-kliem xieraq u mirqum, tax-xewqat nodfa u mingħajr agenda moħbija.

Kunu lesti li wara li jgħaddi kollox taħdmu flimkien għall-ġid tal-pajjiż. Hekk għamlu politiċi kbar qabilkom. U hekk tistgħu tagħmlu intom. Għax il-politika hija tassew arti li kapaċi tibdel dak li jidher impossibli f’possibli!

Insellmilkom.

Nikol


Nikol Baldacchino huwa ekseditur tal-ġurnal Il-Ġens kif ukoll membru attiv ħafna fil-Moviment Kariżmatiku.