Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

Minn ħaga għall-oħra

Simone Vella Lenicker  -  08/09/2017 21:25

Kont qiegħda nifli r-rivista ‘Flimkien’ ta’ dan ix-xahar, u ġibidli l-attenzjoni artiklu bl-isem “The disease of being busy”, fi ftit kliem “Il-marda ta’ dawk li l-ħin kollu għandhom x’jagħmlu”. L-artiklu huwa addattat minn kitba ta’ Omid Safi, Professur Amerikan li jispeċjalizza fl-istudji dwar l-Iżlam.

Safi jirrakkonta li ltaqa’ ma’ ħabiba u staqsiha kif inhi, u r-risposta kienet “Għandi ħafna x’nagħmel … qed niġri minn ħaġa għal oħra!” Ftit ħin wara, ltaqa’ ma’ ħabib, staqsieh l-istess ħaġa, u dan irrisponda “Għandi ħafna x’nagħmel … għandi wisq affarijiet x’nagħmel!” Kif spiċċajna hekk? Għaliex inħallu lilna nfusna li nispiċċaw f’din is-sitwazzjoni, fejn il-ħajja tagħna hija definita minn kemm għandna affarijiet x’nagħmlu?

X’sar mill-istil ta’ ħajja fejn konna ngħaddu l-ħin man-nies li nħobbu u nitkellmu b’mod intimu u kalm dwar dak li għaddejin minnu fil-fond tal-qalb tagħna? Kif spiċċajna fi stat li jkollna iktar u iktar x’nagħmlu, u inqas u inqas ħin għar-rilassament, inqas ħin biex ngħaddu fil-komunità, inqas ħin biex, sempliċement, ngħixu?

L-awtur ikompli jikkummenta li dan l-istat ta’ ġiri minn ħaġa għall-oħra għandu effetti negattivi fuq is-saħħa u l-kwalità ta’ ħajja tagħna. Anki meta nkunu mal-familja jew mal-ħbieb, il-ħin kollu moħħna f’xi ħaġa oħra, x’ser nagħmlu għada, jew siegħa oħra. Minflok ma nirrilassaw, moħħna jkun okkupat b’affarijiet li għad iridu jiġru.

It-teknoloġija, li tant hija importanti fil-ħajja moderna tal-lum, u li qiegħda hemm biex tgħinna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, ukoll tagħmilna skjavi tagħha. Kemm il-darba tkun qed tiekol barra u tara koppja fuq mejda, t-tnejn li huma mehdijin fil-mobile tagħhom minflok f’xulxin? Kemm il-darba nikkomunikaw ma’ xulxin permezz tal-mobile, anki bejn nies li qegħdin fl-istess dar, fl-istess ħin? U xi ngħidu għal dik il-lista ta’ emails li ma tonqos qatt?

Dawn huma kollha sitwazzjonijiet li jien stess nammetti li naqa’ fihom. Kultant nistħajjel il-ġurnata bħala lista ta’ affarijiet li rrid nagħmel, u jekk nasal fl-aħħar tal-ġurnata u ma nkunx għamilt l-affarijiet kollha li kelli nagħmel, nibda nara kif ser innaqqas mill-ħin liberu tal-ġurnata ta’ wara sabiex inlaħħaq ma’ dak li ma nkunx sibt ħin għalih.

Iżda fil-verità, hemm bżonn li nħallu ħin għal kollox, inkluż il-ħin għar-rilassament weħidna, mal-familja jew mal-ħbieb. Hemm bżonn li nsibu ħin fil-ġurnata fejn nirriflettu fuq dak li nkunu għaddejin minnu. Meta xi ħadd jistaqsina “kif int?”, kapaċi nwieġbu dwar kif inħossuna, minflok ma nirrispondu bl-lista ta’ affarijiet li rridu nagħmlu? Sensittivi biżżejjed għal dak li għaddejin minnu tant li nistgħu nirrispondu verament dwar il-ferħ jew in-niket li qed inħossu, dwar dak li sejjer tajjeb u dak li sejjer inqas tajjeb?

Safi jagħlaq l-artiklu bi proposta li biha nistgħu ngħinu biex dak li jkun jieqaf ftit u jaħseb. Jissuġġerixxi li meta niltaqgħu ma’ xi ħadd, u nsaqsuh “Kif int?”, u dan jirrispondi u jgħid “Għandi wisq x’nagħmel!”, forsi nistgħu nirrispondu billi ngħidu, “Naf, kulħadd l-istess, kulħadd mehdi minn ħaġa għall-oħra. Imma jien xtaqt insaqsik dwar dak li hemm f’qalbek. Kif int?

Il-kwalità tal-ħajja tagħna tiddependi ukoll fuq il-mod kif inqattgħu l-ħin tagħna, u dan irid jinkludi ħin fejn ma nagħmlu xejn ħlief ngħixu.