Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-Ħabiba tal-Prim Ministru u ħbieb oħra

Norman Vella  -  26/03/2018 10:44

Nhar is-Sibt il-Prim Ministru għoġbu jagħtina l-aħbar li flimkien ma’ martu qed irabbi ġerwa taċ-Chow Chow. Fuq Instagram faqqalna ġmiel ta’ ritratt tal-familja u nfurmana li l-kelba għandha erba’ xhur u li semmewha Ħabiba. Mill-ammont ta’ shares u ta’ qlub fil-kummenti li kien hemm taħt ir-ritratt, qed nassumi li l-Ħabiba tal-Prim Ministru f’tebqa t’għajn saret l-iktar Chow Chow popolari fl-arċipelagu Malti.

Biex jibqa’ fuq is-suġġett tal-ħbieb, l-għada l-Ħadd il-Prim Ministru qalilna wkoll li flimkien mal-ikbar ħabib tiegħu Keith Schembri u n-nisa tagħhom, xi sentejn u nofs ilu kienu mistiedna għat-tieġ ta’ Ali Sadr Hasheminejad, cioè iċ-Chairman u s-sid tal-Bank Pilatus li bħalissa jinsab maqful f’ċella Amerikana, akkużat fost oħrajn b’ħasil ta’ flus u frodi bankarja.

Dan it-tieġ kien sar fl-Italja, preċiżamet fil-belt rinomata għall-imħabba, Venezja. Minkejja l-ħafna xogħol li huma mgħobbijin bih il-Prim Ministru u idu l-leminija li tiddiletta bil-kumpaniji fil-Panama, irnexxielhom jitilqu kollox minn idejhom u jħallu pajjiżna biex ikunu preżenti għal dan it-tieġ.

Min bħali għandu ftit memorja, żgur jiftakar lil Muscat Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li jippreferi jmur jiekol burger biċ-chips milli jmur għal xi ċena formali bħal ma kienet dik statali li temmet u ċċelebrat il-Presidenza ta’ Eddie Fenech Adami. Għal dik l-ikla, Muscat ma kellu bżonn jaqbad ebda ajruplan kif kellu jagħmel għat-tieġ ta’ Pilatus. Imma ngħiduha kif inhi, Fenech Adami qatt ma kien ħabib kbir ta’ Muscat!

M’inix f’pożizzjoni ngħidilkom jekk fit-tieġ li marru għalih fil-belt tal-kanali u l-gondoli servewx biss burgers u chips u allura Muscat ma seta’ qatt jitilfu, għax ovvjament ma nafx. Minn dan it-tieġ ma rajna ebda ritratt fuq Instagram, Twitter jew Facebook tal-Prim Ministru. Forsi għax Hasheminejad mhux gustuż u fotoġeniku daqs il-Ħabiba taċ-Chow Chow? Min jaf!

Nafu żgur li kemm ilna nisimgħu dwar il-Pilatus u l-allegazzjoni (miċħuda) li d-dokumenti li juru li Egrant hija ta’ Michelle Muscat kienu jinsabu f’dan il-Bank, Muscat qatt ma ħass il-bżonn jgħidilna li mar għal dan it-tieġ Venezjan u jispjegalna x’livell ta’ ħbiberija hemm jew kien hemm bejnu, martu u ċ-Chief of Staff tiegħu ma’ dar-raġel mill-Iran.

Il-Prim Ministru tagħna jemmen li l-poplu Malti fuq il-Ħabiba ta’ erba’ saqajn u ruxxmata suf li marret tgħix miegħu f’Burmarrad għandu dritt ikun jaf u mhux fuq ħbieb oħra ta’ żewġ saqajn u ruxxmata bwiet.

Norman Vella huwa kandidat tal-PN għall-Parlament Ewropew u għall-elezzjoni ġenerali.