Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Illejla jien se nkun hemm; Jerome miegħi fl-ispirtu. Se ċċemplilna?

Martina  Fenech  -  30/03/2018 19:02

Bħal dan iż-żmien sena, Jerome u jien konna qed nippjanaw u naħdmu bla heda għall-programm ta’ Xarabank f’Jum il-Ġimgħa l-Kbira, iddedikat għal Puttinu Cares, il-fondazzjoni li għenet kemm lili u kemm lil Jerome matul iż-żmien diffiċli f’ħajjitna.

Minn meta ltqajna fil-maratona annwali ta’ Puttinu fl-2014, jien u Jerome bdejna naħdmu flimkien għal dan l-għan nobblik, sakemm nibtet l-imħabba bejnietna.

Jerome dalwaqt ikun qed jiċċelebra s-sitt xahar tiegħu l-ġenna. Fiżikament mhux qiegħed magħna biex jgħin illejla, imma spiritwalment ċertissima li qiegħed fostna.

Ftit sigħat oħra jibda l-programm Xarabank, b’risq Puttinu. Il-familja ta’ Puttinu se tkun hemm lesta biex tilqa’ t-telefonata tiegħek. Tisma’ lil min tisma’ kullħadd jgħidlek li Puttinu hu l-anġlu tagħna li ġejna bżonnu. Puttinu hu l-anġlu li l-pazjenti jsibuh hemm lest biex jerfagħhom u jtaffilhom mill-piż, però inti li se tagħti d-donazzjoni int l-anġlu ta’ Puttinu, għaliex tagħti l-kuraġġ u l-abiltà lil Puttinu sabiex ikun jista’ jkompli jgħin lill-pazjenti ħutna Maltin u Għawdxin li jkollom isiefru għall-kura.  

Illejla f’dan il-jum ta’ sagrifiċċji u riflessjoni, aħseb f’Puttinu, biex inkomplu dak li bdew l-eluf li fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu bil-mixja tagħhom mill-Mellieħa sal-Isla b’għan wieħed, dak li jgħinu lil Puttinu Cares, sabiex Puttinu jkun jista’ jkompli jgħin lil dawk il-persuni kollha li qegħdin isiefru ‘l barra minn xtutna sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-kura meħtieġa.

Kull xahar qed jitilgħu madwar 70 u 90 pazjent lejn l-Ingilterra. Li ma jkunx għal Puttinu, dawn il-pazjenti u l-qraba tagħhom isibuha iżjed diffiċli li jmorru jqattgħu ġimgħat, xhur jew snin l-Ingilterra għall-kura. L-appartamenti ta’ Sutton huma dejjem mimlijin, id-domanda qed tkompli tikber u għalhekk Puttinu għandu xewqa oħra, xewqa li jkollu blokka t’appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra sabiex ikun jista’ jakkomoda iżjed nies, u dawk il-pazjenti li jridu jivjaġġaw lejn iċ-ċentru ta’ Londra jkunu eqreb tal-isptar.

Jien illejla se nkun nirrispondi t-telefown. Jerome maġenbi fl-ispirtu. Se ċċemplilna?