Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​Int tmur Quddiesa l-Ħadd?

Desmond  Zammit Marmarà  -  16/04/2018 10:35

L-istħarriġ  li  sar  dan  l-aħħar  juri  li  madwar  40%  tal-Maltin  imorru  l-quddies  nhar  ta’  Ħadd  u  madwar  74%  jmorru  l-quddies  għallinqas  darba  fix-xahar.  Jien  għalija  dan  hu  riżultat  inkwetanti  ħafna  għaliex  juri  li  l-mewġa  ta’  sekularizzazzjoni li ħakmet  ħafna  mill-Ewropa  dieħla  ġmielha  wkoll  f’Malta.

Tiġix  tgħidli  li  madwar  92%  tal-Maltin qalu  li  huma  Kattoliċi  għax  għalija  l-paroli  ma  jfisser  xejn!  Nitkellmu  fuq  il-fatti  għaliex  dawn  juru  li  numru  kbir  ta’  Maltin  ma  jmorrux  quddies  nhar  ta’  Ħadd  meta  huwa  obbligu  li  tmur.  U  jekk  lanqas  biss  tosserva  wieħed  mill-ikbar  doveri  li  għandu  Kattoliku,  kif  tista’  tgħid  bis-serjeta` li  int  Kattoliku? 

Veru  li  l-Kattoliku  ma  tagħrfux  biss  mill-quddies  tal-Ħadd  imma  fuq  kollox  minn  kif  jgħix  u  jagħti  xhieda  b’ħajtu  tat-tagħlim  Nisrani.  Madankollu,  xorta  jibqa’  l-fatt  li  min  ma  josservax  il-liġijiet  tar-reliġjon  tiegħu  ftit  tista’  ssejjaħlu  prattikant  serju  ta’  dak  it-twemmin. 

Trid  tiftakar  ukoll  li  mill-madwar  40%  li  jmorru  l-quddies  il-Ħadd  hemm  numru  żgħir  minnhom  li  jidher  ċar  li  jmorru  biss  għax  għalihom  hija  tradizzjoni  jew  minħabba  li  jħossu  ċerta  pressjoni  soċjali  biex  jattendu.  Min  jaf  kemm-il  darba  tmur  il-quddies  il-Ħadd  u  ssib  min  joqgħod  iparla  l-ħin  kollu;  min  lanqas  jirrispondi  kelma  tul  il-quddiesa  kollha;  familji  sħaħ  li  jidħlu  tard  u  nies  li  anke  jidħlu  meta  l-qassis  ikun  ħa  jibda  l-priedka;  oħrajn  li  jitilqu  malli  jibda  t-tqarbin;  nies  oħra  li  donnu  jaqbadhom  attakk  nervuż  waqt  il-quddiesa  tal-Ħadd,  irġiel  iċaqalqu  saqajhom  qishom  qed  jirtogħdu  u  nisa  li  l-ħin  kollu  jirranġaw  xagħrhom!

Tgħiduli:  “kemm  int  negattiv  illum!”.  -  Veru,  imma  hemm  bżonn  li  l-ewwel  nammettu  l-verita`  tas-sitwazzjoni  biex  imbagħad  nibdew  nieħdu  azzjoni  konkreta  dwarha.  Tkellem  tajjeb  ħafna  l-Vigarju  Ġenerali,  il-Monsinjur  Joe  Galea  Curmi,  meta  qal  li  l-quddiesa  tal-Ħadd  għandha  tkun  ċelebrazzjoni  ħajja  u  li  tfisser  ħafna  għan-nies.  Qal  tajjeb  ukoll  li  jridu  jiltaqgħu  ma  dawk  li  ma  jmorrux  quddies.  Għamel  sew  ukoll  l-Arċisqof  Charles  Scicluna  li  ddeċieda  li  jwaqqaf  kumitat  pastorali  bl-għajnuna  tal-esperti  biex  janalizzaw  ir-riżultati  tal-istħarriġ.

Qed  ngħid  hekk  għaliex  huwa  veru  wkoll  li  l-quddiesa  tal-Ħadd  hemm  bżonn  li  nagħmluha  aktar  rilevanti  għan-nies  u,  fuq  kollox,  interessanti.  Għalhekk,  priedki  twal  iżżejjed  hemm  bżonn  li  jinqatgħu  darba  għal  dejjem.  Irridu  nifhmu  li  hawn  min  verament  huwa  ta’  karattru  nervuż  u  quddiesa  li  ddum  siegħa  għax  il-qassis  ma  jieqafx  jgħid  tinnervjah  bil-kbir  u  llum  mar  jisma’  quddiesa  l-Ħadd  u  l-Ħadd  ta’  wara  jaf  jibqa’  d-dar.

Daqstant  ieħor  il-priedki  jridu  jkunu  marbuta  mal-ħajja  ta’  kuljum tan-nies u mal-problemi li jħabbtu  wiċċhom  magħhom  kull  ġimgħa.  Ġieli  mort  quddies  fejn  il-qassis  jitkellem  biss  fuq avvenimenti mill-Bibbja b’mod qisu dawn maqtugħa  totalment  mill-ħajja  tal-lum,  isemmi  episodji  u  jgħid  li  aħna  rridu  nitgħallmu  minnhom  imma  mingħajr  ma  jorbothom  konkretament  mal-ħajja  tagħna  tal-lum.

Fuq  kollox,  il-Knisja  Kattolika  f’Malta,  jekk  trid  tiġbed  aktar  nies  lejha,  trid  tistudja  sew  kif  se  twieġeb  għall-mewġa  ta’  sekularizzazzjoni  li  għandha  tassedjaha  llum.  Fi  żmien  meta  ċerti  nies  saru  jqisuk  inferjuri,  għadek  lura,  konservattiv  u  mhux  progressiv  jekk  tgħid  li  int  Kattoliku  prattikanti,  irridu  naraw  kif  nistgħu  nagħmlu  r-reliġjon  Kattolika  aktar  attraenti  għan-nies.  Dan  jgħodd  partikolarment  għall-ġenerazzjoni  żgħażugħa  għaliex  illum  għandek  proporzjon  ta’  żgħażagħ  Maltin  li  minn  eta` relattivament  żgħira  jibdew  jgħixu  ħajjithom  b’esklużjoni  totali  tar-reliġjon.

Irridu nuru  konkretament  li  r-reliġjon  Kattolika  tgħinek  tgħix  ħajtek b’mod aktar sabiħ, għas-servizz tal-oħrajn. Irridu  nneħħu  darba  għal  dejjem  dik  l-attitudni  tal-imgħoddi  fejn it-twemmin Kattoliku nirreduċuh biss għal x’tista’  tagħmel  u  ma  tagħmilx  u  mingħajr  empatija  ta’  xejn.  Irridu  nfehmu  li  ċerti  regoli  jinsabu  hemm  għaliex  jagħmlu  sens  anke  mill-aspett  soċjali  u  li  r-reliġjon  mhix  qiegħda  hemm  biex  tgħakkes  lin-nies,  dak  li  bl-Ingliż  ngħidulu  “killjoy”,  imma  biex  tħares  l-aħjar  interessi  tagħhom  u  tgħinhom  jgħixu  ħajjithom  bl-aħjar  mod  possibbli.  Il-veru Kattoliku huwa l-aktar bniedem liberu, l-aktar  bniedem  progressiv.

Nibdew, mela, mill-quddiesa tal-Ħadd billi din nagħmluha  esperjenza rilevanti, sabiħa, interessanti u  ħajja  għal  kulħadd. 

Desmond  Zammit  Marmara`  huwa  Kunsillier  tal-Partit  Laburista  f’Ħal  Balzan  u  edukatur  irtirat.