Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

L-isport, il-korruzzjoni u l-ġid komuni

David  Stellini  -  19/04/2018 18:33

Ilbieraħ il-Parlament Malti ddibatta l-korruzzjoni fl-ogħla livelli ta’ dan il-gvern Malti fuq insistenza tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Ftit jiem qabel konna qed niddiskutu liġi li ddaħħal pieni ikbar għall-korruzzjoni fil-qasam sportiv. Hija liġi li tgawdi minn qbil bejn iż-żewġ naħat tal-kamra.

Ngħid għalija, l-isport għallimni numru ta’ valuri u li għadni ngħożżhom sal-lum. Fil-fatt nista’ ngħid li għadni sportiv sal-lum minħabba dawn il-valuri, minbarra l-benefiċċji għas-saħħa.

Meta kont is-sekonarja, kelli xi erbatax il-sena, għadni niftakar ċarissimu lill-għalliem tal-PE tagħna jgħallimna l-atletika u l-eżerċiżji tan-nifs li għadni nagħmilhom sal-lum. Għadni niftakru ċar, daqs il-kristall, jgħidilna wara numru ta’ sprints li nistgħu inkunu nafu kemm aħna fit mhux biss mill-ħin li nieħdu biex inlestu sprint imma anki mill-ħin li ddum qalbna biex terġa’ tibda tħabbat b’rata normali. Dan jiġifieri l-ħin wara l-isprint biex il-heart beat terġa’ tiġi normali. Dan jissejjaħ ir-recovery heart rate mat-tobba u riċerkaturi biex jaraw kemm il-qalb hija tajba imma anki wkoll biex jaraw il-fitness level tal-isportiv. 

Kultant tisma’ xi ħaġa f’ħajtek li tibqa’ miegħek. Ir-recovery heart rate hija waħda minnhom fil-każ tiegħi! Kemm iddum biex tirkupra, jgħodd ħafna. L-għalliem kien jgħidilna wkoll li tipparteċipa huwa importanti iktar milli tirbaħ. U jiena ngħid għalija hekk kont nagħmel, nilgħab biex nipparteċipa. Dakinhar kont nilgħab maż-żgħar tas-Sannat Lions u konna nirbħu ħafna però qatt ma waqgħet id-dinja meta tlifna. L-importanti kien ikun li ma ndumux ma nitgħallmu mill-iżbalji tagħna u ma ndumux ma nirkupraw biex nirbħu darb’oħra. Li ma ddumx biex tirkupra wara li tiżbalja jgħodd ħafna. Kienu jgħallmuna li qatt ma għandek jiddispjaċik li ħadt sehem, tirbaħ u ma tirbaħx, għax l-esperjenza tgħallem!

Għalhekk jien tlajt f’ambjent fejn telfa qatt, qatt m’hi telfa. Jiena tlajt f’ambejnt fejn l-għalliema tagħna kienu jgħidulna ‘l-aqwa li tipparteċipa’. Din baqgħet miegħi għax jien dak biss hu l-importanti għalija li nipparteċipa, u nagħti kontribut siewi. Għalija personali telfa qatt m’hija telfa. It-telfa hija esperjenza li minnha nitgħallem. It-telfa hija lezzjoni tal-ħajja. Tgħallimt li meta nitlef fil-ħajja, l-importanti hu li nerġa’ nqum. L-importanti iktar minn hekk li naf psikoloġikament nerġa’ nqum fuq saqajja. X’jiġifieri dan? 

Jiġifieri li kultant il-ħajja tagħtina daqqa ta’ ponn u tħallina mitlufin minn sensina mal-art, però l-iktar importanti hu li nkunu nafu nerġgħu nqumu kemm jista’ jkun malajr u nitgħallmu kif nevitaw daqqa oħra. 

Dak hu l-isports. L-isports bħall-politika fih ir-rebħ u t-telf. It-telfa mhija xejn ħlief lezzjoni tal-ħajja. Huwa l-isforz fiżiku li kontinwament, f’moħħna, nimbuttaw il-limiti tagħna. L-isports huwa sfida kontinwa kontra l-moħħ tagħna li l-ħin kollu jinisisti magħna li aħna għandna ħafna limitazzjonijiet. The sky is the limit kien jgħidli l-papà. L-isports jgħallimna niskopru lillna nfusna speċjament l-isport individwali bħall-ġiri u għawm ta’ distanza twila. U allura l-isports jgħallimna nikkontrollaw moħħna. Jgħallimna nikbru fil-karattru. Dawn huma kollha affarijiet li tgħallimt mill-iskola, minn missieri u mill-klabb tal-futball tas-Sannat Lions. 

Nitkellmu ħafna dwar il-bżonn li naqtgħu l-korruzzjoni. Naħseb li hija xi ħaġa faċli ħafna li tinqata’ l-korrużżjoni f’pajjiżna però tieħu ż-żmien. Tieħu ż-żmien għas-sempliċi raġuni li tirrikjedi sforz anki edukattiv. Jekk aħna nedukaw lit-tfal tagħna dwar il-ħsara li tħalli warajha l-korruzzjoni naħseb li naslu. Il-prinċipji tal-governanza tajba jibdew jiġu mgħallmin lit-tfal, parti mill-kurrikulum tagħhom. Per eżempju tajjeb li t-tfal tagħna jkunu jafu kemm jiswa l-ġid komuni. X’inhu l-ġid komuni? Meta jagħti l-każ li l-interess personali jkasbar il-ġid komuni. Jiena naħseb li hawn għalliema li jidħlu f’dawn l-kwistjonijiet, però nistgħu nagħtuh aktar importanza lil dan is-suġġett?

Jiena niftakar il-kampanja ta’ indafa fuq it-televiżjoni tagħna biex ma narmux karti mal-art ta’ Xummiemu, kif ukoll fl-iskejjel tagħna. Naħseb li kienet kampanja ta’ suċċess u daqshekk ieħor tista’ tkun ta’ suċċess l-enfasi fuq il-prinċipju tal-ġid komuni fil-kassijiet tagħna. 

Dan jiġifieri l-isports, minnu nnifsu, jgħina insiru bnedmin u ċittadini aħjar u allura l-isports huwa edukattiv u bżonnjuż. Però daqshekk ieħor huwa bżonnjuż li s-sistema edukattiva tagħna tispjega b’mod ċar lit-tfal tagħna għalfejn għandna bżonn iktar rispett lejn il-valur tal-ġid komuni.




David Stellini huwa l-kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar l-affarijiet Ewropej u l-Brexit. Huwa wkoll il-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.