Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​L-Uġigħ Kroniku

Sina  Bugeja  -  20/04/2018 13:12

L-Erbgħa, 18 ta’ April 2018 il-Malta Health Network għamlet konferenza fejn ġew diskussi r-riżultati li ħarġu minn riċerka li għada kemm saret fuq l-esperjenza tal-Maltin fuq l-uġigħ kroniku. Kienet tinħass il-ħtieġa li ssir din ir-riċerka għaliex, għalkemm kulħadd jaf li il-Maltin ukoll ibgħatu minn uġigħ kroniku, ma kellniex figuri biex inqabblu ma’ dak li sabet ir-riċerka ġewwa l-pajjiżi varji tal-Ewropa. Ma konniex nafu jekk hawnx iktar jew inqas tbatija jew jekk is-sitwazzjoni hijiex l-istess.

Din ir-riċerka hija mportanti għaliex l-uġigħ kroniku għandu effetti diretti fuq il-kwalità tal-ħajja tal-individwu li jesperjenzha u anke dawk ta’ madwaru.  Ir-riċerkaturi ġabru nformazzjoni minn għand 1,100 ruħ – kollha adulti ta’ ‘l fuq minn 18 il-sena. Instab li l-kawża prinċipali (66%) tal-uġigħ kroniku ġejja minn uġigħ fl-għadam ul-muskoli li jgħinu l-ġisem jieqaf, iżomm il-forma u l-istabilita tiegħu – per eżempju d-dahar, l-irkoppa jew l-għadmiet tal-ġenbejn. Insibu kundixxjonijiet bħall-artrite, xjatka, uġigħ fil-ġogi fost oħrajn li jgħatu dan l-uġigħ.

Għall-mistoqsija jekk jesperjenzawx limitazzjonijiet f’attivitajiet partikulari li huma ta’ ċertu strapazz bħall-ġiri jew irfieħ ta’oġġetti tqal, kien hemm 41.7% li qalu li iva, l-uġigħ jilimithom, fil-waqt li 21.9% qalu li jillimithom ħafna, u 36.4% qalu li ma jkunux limitati.

Instab ukoll li wieħed minn kull ħamsa isib li l-uġigħ għandu impatt negattiv fuq l-attivitajiet soċjali tagħhom u b’hekk tkun effetwata ħajjithom.

Interessanti naraw li 46% minn dawk li ħadu sehem u li għandhom uġigħ kroniku ma jieħdu ebda kura. Il-kura tista tikkonsisti f’mediċini, terapija fiżika u jew taħlita tat-tnejn.Fiżjoterapija tingħata skond x’ikun l-bżonn tal-pazjent. Minn dawk li qed jieħdu l-kura, kważi 41% huma sodisfatti u 10% huma sodisfatti ħafna. Kważi 4% m’huma sodisfatti xejn, fil-waqt li kważi 45% mhux daqshekk.

Instab ukoll li l-ewwel kuntatt li jagħmlu dawn l-individwi meta jħossu l-bżonn għall-kura huwa mat-tabib tal-familja tagħhom. Dan kompla jikkonferma li il-passaġġ lejn is-servizzi tas-saħħa varji ħafna drabi jibda minn għand it-tabib tal-familja u għalhekk il-pożizzjoni ċentrali ta’ dawn il-professjonisti kompliet tiġi kkonfermata. Jidher ukoll li irid ikompli jsir aktar investiment fit-tobba tal-familja sabiex wara li ssir dijanjosi tinbeda l-kura jekk dan ikun il-kas.

Pazjenta li qed tgħix b’uġigħ kroniku u persuna li qed jieħu ħsieb persuna b’uġigħ kroniku qasmu l-esperjenzi tagħhom ma l-udjenza preżenti fil-konferenza. Deher ċar li din mhix sitwazzjoni ħafifa għal ħadd u l-kuntatt dirett u spiss mal-profesjonisti speċjalizzati li qed joffru l-kura għandu mportanza qawwija. L-effett tal-uġigħ fuq l-aspett psikoloġiku ħareġ ċar ukoll u allura l-għajnuna psikoloġika għandha l-importanza tagħha ukoll. Il-kura sħiħa tikkonsisti kemm f’kura fiżika kif ukoll kura psikoloġika.

Il-konferenza wasslet għal numru ta’ konklużjonijiet fosthom il-bżonn li naraw u nittrattaw l-uġigħ mhux biss bħala sintomu ta’ xi marda jew oħra, imma jeħtieġ jiġi ndirizzat direttament bħala effett negattiv fuq il-kwalita tal-ħajja tal-individwu ikkonċernat. Dan, sabiex dejjem nassiguraw l-aħjar kwalita tal-ħajja. Kien konkluż ukoll li għad baqa ħafna bżonn ta’ edukazzjoni fuq is-suġġett, kemm għall-pazjenti u  qrabthom imma ukoll għall-professjonisti varji sabiex kulħadd jifhem li l-uġigħ kroniku mhux xi perċezzjoni fil-moħħ, kif hawn xi wħud li jaħsbu.


Sina Bugeja hija Kap Eżekuttiv - Proġetti Speċjali fil-Ministeru tas-Saħħa