Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Għadu relevanti Jum il-Ħaddiem?

Andre' P.  DeBattista  -  01/05/2018 09:53

Jum il-Ħaddiem – imfakkar fl-ewwel ta’ Mejju – jaf il-bidu tiegħu fl-1886 meta għaqdiet li ħaddnu ideali soċjalisti u komunisti ngħaqdu biex ifakkru l-irvell ta’ Haymarket f’Chicago. Waqt protesta paċifika fejn il-ħaddiema kienu qed jitolbu għad-dritt li joħorġu fuq strajk, qamet ġlieda bejn l-attivisti u l-pulizija li kienu qed jippruvaw iwaqqfu l-protesta. Mietu 10 persuni u mijiet oħra sfaw midruba serjament.

Għal bosta snin, din il-ġurnata baqgħet tiġi mfakkra minn gruppi u partiti tax-xellug. Kienet opportunità biex wieħed jitlob għal tibdil fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, għal pagi aħjar u għal iktar drittijiet.

Fl-1955, il-Papa Piju XII iddikjara lil San Ġużepp bħala l-patrun tal-ħaddiema u waqqaf il-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem fl-ewwel ta’ Mejju. Il-figura ta’ San Ġużepp hija waħda ta’ persuna sempliċi – li qatt ma jlissen kelma – iżda li jaħdem bil-kwiet, bil-bżulija u bil-paċenzja għal ġid tal-familja tiegħu.

Illum, fid-dinja tal-Punent, naraw realtajiet differenti minn dawk tal-1886 u tal-1955. Hemm relazzjonijiet industrijali iktar armonjużi għalkemm il-pressjoni biex tinħoloq ekonomija iktar effiċjenti bla dubju tqajjem problemi oħra. San Ġużepp jaf jidher bħala figura remota li tistona f’dinja mgħaġġla u f’kuntest ekonomiku bbażat fuq servizzi u teknoloġija.

Hija naturali allura li wieħed jistaqsi jekk wasalx iż-żmien li ma nibqgħux infakkru dawn il-festi. Fl-opinjoni tiegħi, tkun ħasra jekk naċċettaw dawn l-argumenti mingħajr ma nifhmu xi realtajiet tad-dinja tax-xogħol.

Fil-Punent naraw tibdil kbir fis-settur tax-xogħol. Inħolqu problemi oħra ta’ natura kumplessa. Dawn l-isfidi jinkludu ż-żieda fil-prekarjat, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-inugwaljanzi fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, l-iżvantaġġi li jaffaċċjaw in-nisa li jiddeċiedu li jieqfu mix-xogħol għal perjodu biex jieħdu ħsieb il-familja, iż-żieda fil-fenomenu tal-underemployment u l-isfruttament tal-ħaddiema irregolari. Dawn ir-realtajiet joħolqu pressjonijiet finanzjarji u jaf ikollhom effett psikoloġiku negattiv.

F’pajjiżi oħra, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-pjaga ta’ tfal li jkunu mġiegħla jaħdmu, l-isfruttament tar-riżorsi għall-iżvantaġġ tal-istess ħaddiema u l-pagi miżeri jkomplu jagħmlu dan il-jum rilevanti.

Ir-realtà kiefra li ħafna jaraw madwarhom jafu jwasslu biex ipinġu d-dinja tax-xogħol bħala xi ħaġa negattiva li twassal biss għal tbatijiet.

Iżda x-xogħol – kull xogħol – għandu d-dinjità tiegħu u joffri lil kull individwu l-opportunità li jagħti sehem kemm għal ġid tal-familja tiegħu kif ukoll għas-soċjetà ta’ madwaru. Din l-istess dinjità ma tistax tiġi ssalvagwardjata jekk ma jkunx hemm rispett lejn kull tip ta’ xogħol.

Hawn tidħol il-figura ta’ San Ġużepp Ħaddiem. F’dinja ddominata mill-midja soċjali, qed jintesa l-valur li wieħed jaħdem bil-kwiet, bil-prudenza, u mingħajr ħafna ftaħir. Li wieħed jidher li jkun laħaq xi pożizzjoni saret iktar importanti mill-fatt li wieħed ikun diġà qed jagħti kontribut xieraq fiċ-ċkejken tiegħu.

Jum il-Ħaddiem ifakkarna ukoll f’dawn il-persuni li mingħajr ħafna daqq ta’ trombi jikkontribwixxu permezz tal-ħidma tagħhom għat-tkattir tal-ġid komuni. Jalla kull ħaddiem li jiċċelebra dan il-jum jagħraf l-importanza tiegħu u jsib xi mumenti għal ftit mistrieħ ukoll.

andre.deb@gmail.com