Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-polz tal-poplu ‘kożmopolitan’ u l-ħolma ta’ €700 miljun

Dr Godfrey  Farrugia  -  13/05/2018 12:01

Kont għadni ħiereġ mill-bieb ta’ dar u min-naħa l-oħra tat-triq sejjaħli xwejjaħ.

‘Tabib isma' ħalli nkellmek’. Għaraftu. Kont midħla tiegħu sew ghalkemm kont ili ma narah xi ftit xhur mhux ħażin. Mad-daqqa t’għajn indunajt li kien mar lura, imma l-vuċi kienet għadha kif dejjem kienet, b’saħħitha. Qsamt it-triq minn bejn karrozzi misjuqa. Anzi sibt sewwieq minnhom li kien ġentili u waqafli.

Hekk kif ersaqt qrib, ix-xiħ ferħan għax lemaħni, ħadli b’idejja. ‘Kemm qed nieħu gost li rajtek’ qalli mbissem, filwaqt li fl-istess nifs stqarr: ‘X’se nagħmlu b’dan it-traffiku kollu? Sirt nibża' nimxi fit-triq.’ Ma kkummentajtx, imma ħarsti kienet biżżejjed li inkuraġġitu biex ikompli.

‘Ma tistax tagħmel passejn minħabba fihom u l-bankini minflok iwessgħuhom qed idejquhom biex jagħmlu wisgħa għall-parkeġġ.

Ħafna drabi koppja jkollha timxi wara xulxin u jekk tiltaqa' ma’ xi ħadd ġej mill-faċċata tiegħek jimbotta tarbija f’pushchair ikollok twarrab u tinżel il-bankina'. F’ħakka t’għajn dawwar id-diskors.

‘Għadni niftakrek tiġri bir-rota fit-triq tagħna, wieqaf mistrieħ fuq il-pedali taqdef għax ma kontx tlaħħaq toqgħod bilqiegħda fuq is-seat u tlaħħaq mal-pedali fl-istess ħin. Waħda mis-saqajn kont indaħħalha minn taħt il-ħadida r-rieqda tar-rota tant kemm kont għadek tfajjel’...’

Niftakrek ukoll bil-karretun tal-ballrace mixħut fuqu għaddej imkaxkar ċatt mal-art.’

‘Fejn ħarab dak iż-żmien?’ dlonk għidtlu jien... ‘Eh Ħaż-Żebbug ta’ tfulitek u ta’ żgħożiti ħarab u t-toroq ma għadhomx aktar tan-nies’ qal ix-xiħ ... Kelma ġġib lil oħra u malajr aġġornajna u ħallejna lil xulxin b’ħafna tifkiriet sbieħ.

Qsamt lura għan-naħa l-oħra tat-triq, ftaħt il-karozza u dħalt. Kważi poġġejt fuq it-tablet li kien mixħut fuq is-seat. Ġbartu. Ħarist lejh u billi l-karozza kienet għad-dell, iddeċidejt li nikteb kelmtejn qabel ma nsuq 'l hemm.

‘Kemm kellu raġun Ġanni.’ Kumbinazzjoni llum kont żort lil Tommy, persuna li jbati mid-distrofija muskulari u ħeġġiġtu biex jixtri siġġu tar-roti jaħdem bl-elettriku ħalli joħroġ miż-żewġ kmamar li kien tefa’ l-ankri fihom.

‘Mela x’ nagħmel!’ kien pront qalli. ‘Mur suqu fit-toroq li għandna. Issa li neħħejna l-ħofor ġejna kkastigati mod ieħor. It-traffiku sar saħta.' Ma stajtx immerih. Kuljum qed jiżdiedu 33 karozza ġdida.

Min-naħa l-oħra dak li kien tenna Ġanni hu minnu. L-iżgħar qies tal-bankini suppost hu 1.2metri. Qed jiġri li ċertu bankini li huma wżati bil-bosta qed inċekknuhom għal dan il-qies jew jinbnew ta’ dan il-qies, meta din mhix il-miżura li għandha tkun standard ta’ bankina, iżda l-iżghar kejl. L-istess qed jiġri bis-siġar li jħaddru. Vjali f’Malta tgħoddhom fuq idejk. L-aħħar użanza hi li fejn hemm kantuniera ħadra titneħħa wkoll.

Kos. Ta’ spiss jintqal fl-aħbarijiet li l-Gvern irid iġib lil Malta bħal Singapore u Dubaj ħalli pajjiżna jkun kożmopolitan. Dawn il-bliet imsemmija għandhom l-għajta u t-timbru ta’ ħajja ultra moderna u dan kollu għax għandhom it-torrijiet. Imma ejja ngħiduha kif inhi, ma naħsibx li qed jingħad kollox. Il-qofol f’dan l-iżvilupp urban hu li l-ippjanar ikun sostenibbli, u jinkludi wesgħat u spazji liberi li għandhom konnettività ma' diversi żoni pedonali u aċċess aħjar bir-roti, filwaqt li dan kollu jkun imsaħħaħ b’sistema ta’ trasport pubbliku li hi effettiva. Aħna l-Maltin bravi aktar. Tant, illi rridu nikkupjaw lil dawn il-bliet mingħajr tfassil ta’ pjan u bi sfreġju ghal wirt naturali.

Jien u Marlene, f’Awwissu li għadda konna ppreżentajna mozzjoni biex isir Pjan Nazzjonali. Hemm baqgħet, fuq l-ixkaffa tiġbor it-trab.

Mur fiehem lin-nies, li t-toroq li se jinbnew mill-ġdid u dawk li se jiġu mwessgħa bil-fond tas-€700m, se jkunu toroq tal-bieraħ, u mhux ta’ għada. Se jkunu tal-bieraħ għax m’hemmx tfassil ta’ pjan ħlief li jingħataw uċuħ b’asfalt. Dan hu tajjeb, iżda mhux biżżejjed. Nifhem li l-pjan għandu jinkludi aktar ħsieb għal mod kif jitwaqqfu l-bankini, jingħata spazju lill-karreġġjati tar-roti u anke jingħaddu servizzi aħjar u minn taħt il-bankini. Għalhekk sejjaħtilhom toroq tal-bieraħ. Mhumiex toroq ta’ għada, għax il-ħsieb wara l-proġett ma jinfurzax attitudni fuq il-poplu li hemm ħtiega li niċċaqalqu ferm aktar, barra li tagħmlilna l-ġid għax aħna poplu li hu eħxen milli mixtieq.

Li persuna tkun fuq saqajha, flimkien mal-fatt, li aktar mal-bżonnijiet ta’ kuljum, bħal tal-growser, ikunu fil-qrib biex tilħaqhom, ifisser li  anqas hemm ħtieġa li tintuża l-karozza.

Dawn huma kollha miżuri li jolqtu fil-laħam il-ħaj waqt it-tfassil ta’ kull żona urbana. Meta jitwettaq hekk titrawwem kuxjenza ferm aktar pożittiva favur il-wellbeing tal-persuna stess u l-interess pubbliku, b’ konsegwenza li l-konġestjoni tat-traffiku tkompli titnaqqas.

Għax ejja ngħiduha kif inhi. Kemm għandna kilometri ta’ karreġġjati tar-roti bħalissa? B’kemm il-kilometru se nżiduhom bil-proġett ta’ €700 miljun? Kemm se jsir immaniġġjar ta’ traffiku biex toroq u wesgħat jinqalbu f’żoni pedonali li jżidu l-aċċess u jgħinu biex bil-mixi tasal mingħajr xkiel u b’aktar kumdità?

It-toroq li se jitlestew  bis-saħħa ta’ €700 miljun se jkunu taħt l-għatba ta’ perjodu taż-żmien meta l-manifatturi tal-karozzi jkunu qalbu kważi għal kollox għall-produzzjoni ta’ vetturi tal-elettriku. Sas-sena 2030 l-Ewropa tkun qalbet għat-trasport li ma jużax petrol u diesel, iżda elettriku biss. Sa dak iż-żmien anke l-pompi tal-petrol li qed jiżdiedu bħalissa jkunu fil-maġġoranza  għalqu. Imma kif minn tarfhom naqbduhom ħwejjiġna?

Smajt tektika mal-ħġieġa tal-karozza. Kienet Marija, ġara tad-dar minn fejn kont ħriġt. ‘Tajru tifel’ smajtha tgħajjat minn wara l-ħġieġa tal-karozza li kienet magħluqa. ’Jimporta tiġi tarah? Jinsab waħdu’...u minnufih qbadt il-bagalja u ftaħt il-bieba biex noħroġ. 

Qed nitkellmu dwar saħħitna...mhux biss fiżika u mentali, iżda wkoll dik soċjali.