Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

L-għalliema jeqirdu wisq?

Desmond  Zammit Marmarà  -  14/05/2018 12:34

Matul  is-sena  kollha  rari  jgħaddi  xahar  li  ma  ssibx  ħafna  aħbarijiet  dwar  il-qasam  tal-edukazzjoni.  Din  hi  xi  ħaġa  naturali  għaliex  il-qasam  tal-edukazzjoni  flimkien  ma’  dawk  tas-saħħa  u  s-sigurtà tal-pajjiż  huma  l-iktar  li  jolqtu  mill-qrib  liċ-ċittadin.  Sfortunatament,  meta titkellem fuq  l-edukazzjoni,  malajr  tinduna  li  numru  sostanzjali  ta’  nies  ma  tantx  iħarsu  sabiħ  lejn  l-għalliema.

Diversi huma l-kummenti fuq  l-għalliema:  “imfissdin  wisq”;  “tagħmel  x’tagħmel,  dejjem  jeqirdu”;  “nies  konservattivi,  reżistenti  għat-tibdil”;  eċċ.  U  meta  jsiru  kummenti  bħal  dawn,  tara  l-mezzi  ta’  komunikazzjoni  mifqugħa  bit-tweġibiet  tal-għalliema:  “ħadd  ma  jaf  kemm  huwa  diffiċli  li  tkun  għalliem/a”;  “ħadd  ma  jikkonsulta  magħna”,  tibdiliet  imposti”;  “jitolbu  l-impossibbli  minna”;  eċċ.

Jien  għandi  l-vantaġġ  li  ħdimt  ħafna  snin  sew  bħala  għalliem  u  anke  f’xogħol  ieħor  u  għalhekk  nista’  nkun  oġġettiv  aktar  fl-analiżi  tiegħi  tas-sitwazzjoni. 

L-ewwel nett,  nibda  billi  ngħid  li  veru  li  x-xogħol  ta’  għalliem  huwa  fost  l-iktar  xogħlijiet  stressanti  li  jeżistu.  Trid  tkun  moħħok  hemm  il-ħin  kollu,  ġieli  lanqas  fil-brejk  ma  tilħaq  tieħu  kikkra  kafè  u  tiekol  xi  ħaġa  għax  jiġu  l-istudenti  b’xi  problema urġenti u jkollok titlaq kollox. Għandek ukoll responsabbiltà kbira għax fil-klassi, jiġri x’jiġri, dejjem int responsabbli  bħala  l-għalliem/a  ta’  dik  il-klassi.  Hemm  anke  l-aspett  morali  għax  nuqqas  t’impenn  jew  tagħlim  defiċjenti  min-naħa  tiegħek  jista’  jirrovina  l-futur  tal-istudenti  fdati  f’idejk.

Min-naħa  l-oħra  l-għalliema  jridu  jifhmu  darba  għal  dejjem  li  mhux  huma  biss  jagħmlu  xogħol  stressanti  jew  iebes.  Staqsu  lill-pulizija,  staqsu  lill-gwardjani  tal-ħabs,  staqsu  lil  min  jaħdem  fil-ġebel!   Ċerti  għalliema  jridu  wkoll  ikunu  aktar  flessibbli  u  mhux  għaliex  ikunu  draw  sistema,  allura  jippretendu  li  din  biss  hija  tajba  u  li  kull  tibdil  huwa  ħażin.  Xi  ħaġa  li  ninnota  hija  li  kull  meta  ssir  xi  bidla  fil-qasam  tal-edukazzjoni,  kważi  dejjem  ikun  hemm  numru  ta’  għalliema  li  jgergru  u  hekk, il-bidla  li  tkun  ħafna  drabi  meħtieġa  għall-progress  edukattiv  tiddgħajjef  mill-ewwel  minħabba  din  ir-reżistenza  minn  min  ikun  inkarigat  li  jimplimentaha  fil-klassi.

Min-naħa  l-oħra,  ma  nista’  naċċetta  qatt  ċerta  attitudni  minn  xi  burokratiċi  li  jittrattaw  lill-għalliema  qishom  xi  lavranti  tagħhom.  Kulħadd  jaċċetta  l-fatt  li  l-għalliema  huma  professjonisti  imma  l-verita` hija li  ġieli  ma  jingħatawx  ir-rispett  u  d-dinjita`  li  jixirqulhom.  Xi  ħaġa  oħra  li  ddejjaqni  ħafna  hija  li  donnu  llum  saret  komuni  ħafna  li  ngħidu  lill-għalliema  kif  għandhom  jgħallmu.  Niftakar  każ  ftit  tas-snin  ilu  fejn  persuna  b’kariga  għolja  daħlet  fi  klassi  u  qalet  lil  għalliem  ta’  ċertu  esperjenza  x’għandu  jikteb  u  ma  jiktibx  meta  jkun  qed  jagħmel  l-ispjegazzjoni  lill-klassi  kollha. 

Ngħid  jien,  x’inhu  l-iskop  li  tagħmel  numru  ta’  snin  titħarreġ  għal  għalliem  biex  imbagħad  meta  tkun  fil-klassi  qed  tgħallem,  jiġi  xi  ħadd  jgħidlek  kif  tgħallem  u  ma  tgħallimx,  anke  fl-inqas  dettalji?  -  Naturalment,  hawn  mhux  qed  ninkludi  lil  min  ikun  għadu  jibda  jgħallem  u  għalhekk  ikollu  bżonn  il-gwida  fl-ewwel  snin  tiegħu  f’din  il-professjoni.

Hemm  bżonn  li  ċerti  burokratiċi  jifhmu  l-limitu  tal-poter  tagħhom  u  li  l-għalliema  għandhom  jitħallew  jgħallmu!  -  Redikola  li  jkolli  ngħidha  imma  hemm  bżonn  li  ngħidha  allavolja  hija  regola  ċara  daqs  il-kristall.  Min-naħa  tagħhom,  l-għalliema  jridu  japprezzaw  li  l-maġġoranza  kbira  tal-burokratiċi  huma  nies  dedikati  ferm  u  li  ġenwinament  jixtiequ  l-ġid  lill-għalliema  u  dawk  kollha  li  jaħdmu  fil-qasam  tal-edukazzjoni.

Naħseb  li  hawn  Malta  għandna  għalfejn  inkunu  kburin  bis-sistema  tal-edukazzjoni  tagħna  li  hija  ta’  livell  għoli  ħafna.  Imma  għad  irridu  naħdmu  aktar  biex  l-għalliema  verament  ikunu  ttrattati  ta’  professjonisti.  Min-naħa  tagħhom,  l-għalliema  jridu  jiftakru  dejjem  li  llum  iridu  jkunu  “all-rounders”,  jiġifieri  addattabbli,  flessibbli,  u  miftuħin  għal  ideat,  sistemi  u  metodoloġiji  ġodda.