Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
"Il-Gvern se jagħti 7 biljun litru ilma fis-sena lill-bdiewa u lukandi" - Joseph Muscat   |  “Il-Gvern irid jagħmel profitt anke mill-mewt” – Simon Busuttil

​Lesta tkun ‘mudella’ kontra l-vjolenza domestika?

Josianne  Camilleri  -  30/10/16 12:14 PM

Mara li tkun vittma tal-vjolenza domestika u li tkun sabet il-kuraġġ biex tfittex l-għajnuna, tkun l-aqwa persuna biex tagħmel kuraġġ lil vittmi oħrajn biex huma wkoll ma jibqgħux siekta quddiem dawn l-atti inaċċettabli.

Il-vittmi tal-vjolenza domestika ġejjin minn kull faxxa tas-soċjetà. Kemm is-sinjuri u kemm il-fqar, dawk b’edukazzjoni għolja jew baxxa.

Kif segwejna din il-ġimgħa seħħ il-każ fejn ġie rappurtat li allegatament l-attivista politika Dr Yana Bland Mintoff, sfat vittma ta’ vjolenza domestika f’idejn is-sieħeb tagħha.

Qam furur minn xi wħud għax ġie mxandar isimha. Għajtu li isimha kellu jkun mistur, li l-privatezza tagħha għandha tiġi protetta.

Ma naqbilx li kellha tinżamm mistura. Qabel xejn għax Dr Mintoff hi persuna pubblika, ħarġet għall-elezzjoni ġenerali, hi wkoll konsulenta tal-President ta’ Malta.

Kieku inħeba isimha, kienet tintilef opportunità ovvja biex jasal il-messaġġ li kulħadd jista’ jisfa’ vittma tal-vjolenza domestika.

Ladarba l-każ ikun proċessat fil-qrati, Dr Mintoff li onlajn hi deskritta li taħdem favur il-ġustizza, l-ugwaljanza u l-paċi, għandha tkun minn ta’ quddiem timbotta biex titqajjem kuxjenza akbar kontra l-vjolenza domestika.

Nistenna li se tkun fuq quddiem biex timbotta għar-riformi li fadal isiru.

Nittama li dawk li jaħdmu favur il-vittmi jilqgħuha magħhom biex ikomplu jaħdmu flimkien favur il-vittmi.

Narahom jużaw is-saħħa tal-profil pubbliku tagħha u s-saħħa tal-midja biex jgħidu LE għall-vjolenza!

Dr Mintoff lesta tkun ‘mudella’ kontra l-vjolenza domestika?


Josianne Camilleri

Editur - Newsbook.com.mt