Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
“Il-Gvern għandu jgħinna mhux ifixkilna” - OASI   |   "Se nirriżenja biex nibgħat messaġġ" - Simon Busuttil   |   Student Malti janalizza implants b'inqas riskji għas-saħħa   |  L-Italja twissi li tagħlaq il-portijiet għal bastimenti bl-immigranti

Inti ma toqmosx meta ta’ fuqek ikun egoist?

Josianne  Camilleri  -  05/10/16 12:08 PM

Min ma joqmosx malli jsir jaf li xi ħadd imlaħħaq akkwista xi ħaġa għax kien egoist? Min ma jinħaraqx li min suppost qiegħed hemm biex jieħu ħsieb l-interess tal-kotra, qiegħed minflok iħaxxen butu?

Kulħadd naħseb jinkedd meta jara kuntratt impitter għal xi ħadd fis-settur pubbliku b’pakkett finanzjarju li jġiblek għajnejk wara widnejk.

Għalhekk kull elezzjoni nipprovaw għall-aħjar, għax il-Gvern elett għandu responsabbiltà jħares il-ġid komuni. Dan l-istess Gvern ikun mistenni jwarrab lil min ikun egoist u lil min iħalli l-poter jitlagħlu għal rasu. Għax fl-aħħar mill-aħħar il-Gvern f’demokrazija jiġi elett min-nies għan-nies.

Forsi kollox jagħmel sens fil-prinċipju. X’jiġri fil-kuntest ta’ Malta? Fl-Indipendenza l-Arċisqof għamel omelija qawwija li fiha elenka erba’ valuri li għandhom ikunu l-kriterju għall-governanza tajba: l-unità, it-tjubija, il-verità u s-sbuħija.

Dawk li jinteressahom li jkunu rappreżentati minn politiċi retti u tal-affari tagħhom probabbli jgħidulek “mhux ovvja li jrid ikollok dawn l-erba’ valuri biex ikollok governanza tajba?”

Wara din l-omelija stennejt analiżi matura ta’ dawn il-valuri importanti. Fuq kollox għax it-temi li jqanqal l-Arċisqof jirriflettu l-qalba tal-ħidma tal-Knisja: ir-responsabbiltà li ssir ġustizzja fl-interess tal-ġenerazzjonijiet futuri.

L-unità: il-mod kif qed jitmexxa l-pajjiż qed tgħaqqad jew qed tifred iktar bejn aħna u huma?

It-tjubija: Din tieqaf wara li jintfew il-cameras li juru lill-Prim Ministru idaħħal persuna f’Kastilja wara li din ipprotestat għax ħadd mhu jagħti każ l-istorbju bla rażan f’Paceville?

Il-verità: Il-Ministru u l-Panama Papers…la toħroġ il-verità min se jbati?

Is-sbuħija: Min jiggverna jimpurtah li ma jħallix il-kilba tal-ftit li huma bla skrupli, teqred għal kollox il-ftit nifs li fadlilna?

U dawn il-prinċipji li l-Arċisqof semma, wieħed jistenna li se jara kif qed jitpoġġew fil-prattika. Wieħed jieqaf jiċċekja li kollox miexi kif suppost, iħares madwaru u jara jekk il-politiċi eżattament humiex isegwu dawn il-valuri jew jekk hux qed jiġu jaqgħu u jqumu.

Imma meta l-ħsieb ovvju li dawn huma valuri essenzjali għal governanza tajba, jieqfu jkunu ovvji, jibda l-inkwiet.

Meta ngħixu ħajjitna bil-ħsieb ta’ live and let live, insiru soċjetà fejn kollox jgħaddi, fejn ngħidu li dak li għamel il-politiku għamlu għax ta’ qablu forsi għamel l-istess u issa ħadd m’għandu jindaħal, nattakkaw l-Arċisqof għax tkellem b’responsabbiltà, u dak li jkun ikompli jispara għal saqajh u jikkuntenta bil-medjokrità.

It-tama hi li l-analiżi ssir fil-kwiet mingħajr ma wieħed bilfors jgħaġġel biex jikteb attakk partiġġjan. Meta l-poplu jinfexx jattakka lil xulxin, hemm ċans li jaljena rasu jwaddab il-ħama u jkun dan li jpaxxi lil min irid jgħaffeġ filwaqt li ma jkollu lil ħadd għassa tiegħu biex jaċċerta li hemm governanza tajba.  


Josianne Camilleri

Editur

Newsbook.com.mt