Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
"Il-mirakli jseħħu tassew" - Bjorn Formosa   |  Il-Gvern se jistudja l-possibilità ta' ferrovija f'Malta   |  L-MEA mħassba dwar l-ingaġġ ta' 150 ħaddiem mal-Korporazzjoni tal-Ilma   |  Filmat: Mara titlef ħajjitha f'attakk terroristiku quddiem il-Parlament Ingliż

​In-nies għadhom jimpurtahom mill-fatti?

Josianne  Camilleri  -  23/11/16 02:53 PM

Xogħol il-ġurnalist hu li jinvestiga u li jwassal fatti ġodda u relevanti lill-pubbliku. Hekk għamlu l-ġurnalisti fil-kampanja presidenzjali tal-Istati Uniti.

Ħarġu fost l-oħrajn informazzjoni ġdida dwar id-dikjazzjonijiet tat-taxxa ta’ Donal Trump u dwar kummenti li għadda fuq in-nisa.

F’elezzjoni qabel din, dawn il-fatti kienu jwasslu biex jispiċċaw it-tamiet ta’ kandidat presidenzjali.

Imma mhux din id-darba, għax din id-darba il-fatti ma baqgħux importanti.

Din hi soċjetà post-fattwali?

Id-diskussjoni qed tkompli dwar il-kunċett ta’ “soċjetà post-fattwali.” Min jgħid li l-fatti m’għadhomx jeżistu u min jgħid li l-fatti jeżistu imma n-nies m’għadhomx jimpurtahom minnhom.

F’dan il-kuntest, il-ġurnaliżmu investigattiv isib ruħu fil-pożizzjoni ġdida fejn jagħmel inqas u inqas effett.

Sa ftit żmien ilu, biċċa xogħol ta’ ġurnaliżmu investigattiv kien ikollha r-reazzjoni ta’ rgħabja fost il-qarrejja u ta’ mistħija u apoloġija mill-persuna involuta.

Imma dan kollu inbidel malajr. Illum qed ninnutaw li stejjer li kienu jitqiesu importanti m’għandhomx l-effett li konna nistennew.

Tweġiba sempliċi dwar għalfejn qed jiġri hekk tkun: il-midja soċjali.

It-tort tal-midja soċjali?

Hemm limitu kemm in-nies jibqgħu jirrabjaw. Jekk tqalleb Facebook 20 darba kuljum, hemm ċans li tara b’mod regolari, xeni li sa ftit żmien ilu ma kontx toħlom li tarahom.

Tarbija bla ħajja fit-terrapien ta’ Aleppo; l-omm li qed iżżomm it-tifel ċkejken, maqtul f’attakk mill-ajru; it-tfajjel li jibża’ li jmut wara li bela’ duħħan tossiku.

Ma tistax tibqa’ rrabjat il-ħin kollu. Allura meta tisma’ l-aħbar ta’ skandlu politiku ieħor, ta’ persuna oħra famuża li qed tevadi t-taxxi, il-bank emozzjonali ikun tbattal.

Il-mistħija tal-iskandlu

Għadu jistħi u jirreżenja min ikun involut fi skandlu? Hemm industrija sħiħa ta’ konsulenti li jaħdmu biex jgħattu dak li jkun għamel il-klijent tagħhom. Jgħaddi ftit żmien u n-nies tinsa kollox.

Jista’ l-ġurnalist imur kontra l-kurrent?

In-nies tosserva l-affarijiet u l-ġurnalist għandu responsabbiltà jinvestigahom u jitkellem dwarhom. Imma llum inqas ġurnalisti qed jimxu mas-sens komun jew jippruvaw jimxu kontra l-kurrent, jagħmlu l-mistoqsijiet diffiċli jew jisfidaw dak li qed jaċċetta kulħadd.

Il-kultura llum twarrab lil min jagħti rakkont differenti tar-realtà.

L-isfida għall-ġurnalist hi li jagħti vuċi lil min qiegħed fil-periferija, qed jara d-dinja b’mod differenti u qed jinfluwenza lin-nies. Il-ġurnalist għandu jistaqsi, jinterroga u juri r-realtà kollha, dejjem bil-għan li l-poplu jiddeċiedi abbażi tar-raġuni.

Dan l-artiklu inkiteb fi tmiem il-Cleraun Media Conference on Investigative Journalism on the Digital Frontier li attendejt għaliha f’Dublin l-Irlanda.

Josianne Camilleri

Editur Newsbook.com.mt