Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Żdiedu t-talbiet għall-għajnuna psikjatrika waqt l-elezzjoni   |  "Kultura fejn il-kelmiet 'qaddej' u 'messaġġier' ma jinftehmux" - L-Arċisqof   |  ​"L-ommijiet ta' persuni pubbliċi jbatu fil-moħbi"   |  L-Istati Uniti twissi lis-Sirja dwar attakk kimiku ieħor "qed jinħema"

Se nibqgħu nxerrdu l-mibegħda meta ma naqblux ma’ xi ħadd?

Josianne  Camilleri  -  21/12/16 02:58 PM

Minkejja li d-diska ta’ John Lennon Imagine baqgħet popolari, il-ħolma tiegħu s’issa baqgħet biss ħolma.

Lennon kellu ħolma waħda li d-dinja jirnexxilha tingħaqad u tgħix flimkien.

Forsi l-ħolma tiegħu tidher kbira u kumplessa għax hija mifruxa ma’ medda art kbira u ma’ biljuni ta’ nies.

Imma l-ħolma tinġabar f’waħda lokali hekk kif hija l-istess waħda tal-President ta’ Malta, li Malta tingħaqad flimkien u tkun ta’ eżempju ta’ għaqda.

Fid-diskors ta’ Jum ir-Repubblika, il-President appellat biex Malta tkun il-kenn għad-drittijiet umani u ma tittollera ebda manifestazzjoni ta’ mibegħda.

Marie Louise Coleiro Preca qalet li etikament u moralment hija inaċettabli li l-midja soċjali qed tintuża biex tinżera’ l-mibegħda, hekk kif iddeskrivietha bħala vjolenza psikoloġika.

B’referenza wkoll għall-battibekki politiċi, il-President ta’ Malta qalet li l-partiġjaniżmu u l-populiżmu qiegħed ibaxxi l-istima tal-politika u qed isarraf biss f’firda fil-poplu u biex ikun ta’ theddida fuq l-għaqda, ir-rispett u d-diversità.

Biss id-diskors tal-President se jibqa’ ħolma?

  • Il-ħolma tista’ ssir reali jekk nibqgħu nxerrdu l-mibegħda meta ma naqblux ma’ xi ħadd biex nagħlqulu ħalqu?
  • Il-ħolma tista’ ssir reali jekk nużaw il-karigi pubbliċi tagħna għal gwaddan personali tagħna?
  • Il-ħolma tista’ ssir reali jekk il-partiti politiċi jibqgħu jxerrdu l-partiġjanizzmu u l-populiżmu biex flimkien jibqgħu jirrennjaw fuq il-poplu?
  • Il-ħolma tista’ ssir reali jekk flok nagħżlu li ngħixu flimkien nagħżlu li noħolqu gruppi u nwarrbu lil min mhux bħalna jew ma naqblux miegħu?
  • Il-ħolma tista’ ssir reali jekk ma nħossux tassew il-polz ta’ min qed ibati u nidħlu fiż-żarbun tiegħu biex ngħinuh?
  • Il-ħolma tista’ ssir reali jekk għad hawn min qiegħed jgħix fil-faqar u fil-biża’?
  • Il-ħolma tista’ ssir reali jekk nibqgħu ma nagħtux kas lill-ġenerazzjonijiet li jmiss u ma niħdux ħsieb l-ambjent?

Fid-diskors tagħha, li kien imfaħħar minn bosta persuni, il-President irreferiet għal diversi pjagi li qed ngħixu f’Malta.

Irreferiet ukoll għall-aħħar każ tal-immigranti mill-Mali li qed jistennew biex jitkeċċew minn Malta.

Il-ħolma tista’ ssir reali jekk ma nafux nuru apprezzament lejn min għin lill-ekonomija Maltija tikber?

Il-ħolma tista’ ssir reali jekk ma nafux inħossu għat-tbatija li qed jgħaddi ħaddieħor?

Għal dawn il-ħafna mistoqsijiet il-President tat ir-risposta u ġabbrithom fi ftit sentenzi.

Dan hekk kif qalet li jekk Malta trid tkun mudell eżemplari ta’ demokrazija u ġustizzja soċjali rridu nagħżlu li:

  • Jekk se ninżlu fit-toroq, nimxu favur ir-rikonċiljazzjoni, it-tama, is-solidarjetà u l-kollettività;
  • Jekk se nipprotestaw, se nipprotestaw kontra x-xenofobija, ir-rażżizmu, l-esklużjoni soċjali u l-isfrutament tal-ħaddiema,
  • Jekk se niċċelebra se nifirħu b’aktar drittijiet ċivili, liġijiet anqas diskriminatorj u li jipproteġġu l-ħajja tal-bniedem.

Ftit tal-jiem ilu t-terroristi attakkaw Berlin u ħallew diversi nies vittmi. F’Malta minkejja li ma għandniex terroristi jattakkawna, qed inkunu terroristi tagħna nfusna meta nattakkaw id-drittijiet ta’ xulxin. Forsi xi darba l-melodija serena ta’ Imagine ssir reali u ngħixuha f’Malta sakemm maż-żmien il-ħolma tinfirex lil hinn minn xtutna.

Josianne Camilleri

Editur - Newsbook.com.mt