Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

​L-Arċipelagu tal-Gula

Josianne  Camilleri  -  06/09/16 04:30 PM

In-negozju, il-bini, it-trobbija tal-ħut, minnhom infushom ma fihom xejn ħazin. Anzi…hija ħaġa naturali u normali li min hu nvolut fin-negozju jagħmel ħiltu biex 'idawwar lira'. Iżda meta din l-enerġija mmirata lejn in-negozju u qliegħ ta' flus tibda timmanifesta ruħha anki fejn mhux suppost, hemmhekk ikollna problema serja.

Għandna għalfejn ninkwetaw mhux ftit meta l-gula tibda turi wiċċha anki fl-awtoritajiet li suppost irażżnuha, u li qegħdin hemm biex isibu bilanċ bejn il-bżonnijet diversi tal-pajjiż u tas-soċjetà - dawk ekonomiċi, dawk soċjali, u dawk ambjentali fost l-oħrajn, imma fuq kollox dawk etiċi u morali.

Pajjiżna għandu valur kbir, imma dan il-valur huwa ta' kulħadd. Meta jkollok min, bla skruplu, jagħżel li jisfrutta parti mill-ġid komuni sabiex jistagħna hu biss, u ma jqisx id-danni li jsiru lill-kumplament tan-nies, ikun qed jipperikola l-livell tal-għixien ta' ħafna nies.

Bħala eżempju car u mmedjat insemmu każ riċenti fejn familji Maltin ma setgħux imorru jgħumu fil-bajjiet tagħna, għax ċerta operaturi fil-qasam tal-fish farming ħadmu b'mod irregolari sabiex iżidu l-marġini tal-profitt tagħhom.

X'jibqa’ fik meta taqra li l-fundatur tal-għaqda ambjentali marittima Sea Shepherd, il-Kaptan Paul Watson, qal li ”apparentament f’Malta hemm nies li lesti jieħdu l-flus mingħand tal-fish farms u jħarsu n-naħa l-oħra.”?

Qed naraw ukoll splużjoni ta' bini bla rażan li qed jgħatti dejjem iktar mill-art tagħna, u li issa se jibda jittella' wkoll ’il fuq ħafna, ħalli anki s-sema safi u d-dawl tax-xemx jitgħattew u ma jitgawdewx minn kulħadd.

Saħansitra hemm każ ieħor ta' allegazzjonijiet serji li l-flus influwenzaw il-ħrug tal-viżi għal raġunjiet mediċi, b'nies bi bżonnijet ta' saħħa jitħallew barra, għax ħadulhom posthom dawk li ħallsu.

Fit-titlu, ma ħadtx żball tat-tipa, iżda qed nagħmel referenza indiretta għal ktieb storiku ta’ Alexander Solzhenitsyn tas-snin sebgħin, The Gulag Archipelago. Fil-gżejjer tagħna bħalissa, jiġifieri fl-arċipelago Malti, qed tirrenja il-gula, il-ħniżrija. Kuljum tisma’ xi storja jew oħra ta' kif il-kilba għall-flus qed tmexxi kull ma jiġri, f'livelli li zġur ma huma la aċċettabbli, u wisq inqas sostenibbli.

Pajjiżna għandu bżonn ekonomija b'saħħitha, imma nadifa, f'kull sens. Solzhenitsyn kien ikkritika l-fatt li l-ekonomija Sovjetika ta' dakinhar, speċjalment l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-binjiet pubblici, kienet immexxija mil-produttività tal-kampijiet tax-xogħol sfurzat, il-famużi Gulag. 

Illum qed naraw li f'pajjiżna l-ekonomija qed titmexxa mill-gula ta' xi wħud, u dan ifisser li qed nilagħbu man-nar. Resqin b'rata mgħaġġla biex verament nistgħu nissejħu l-Arċipelagu tal-Gula.


Josianne Camilleri

Editur-Newsbook.com.mt

Ritratt: Ian Noel Pace