Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Tirriżenja ċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir.   |  Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li n-nies irrabjati, iżda ma jeskludi xejn dwar Manoel Island   |  Taljan ta’ 31 sena residenti Katanaja ġie arrestat wara li nqabad b’10 kilogrammi ta’ ħaxixa tal-kannabis   |  100 kilogramma deheb misruqa minn mużew f’Berlin   |  

Ħadd ma għandu dritt joħnoq in-naħqa ta' ħadd

Josianne  Camilleri  -  09/02/17 04:45 PM

Fid-dinja tal-lum, fejn kulħadd qed jgħid tiegħu, fuq kollox, u kullimkien, ninsabu mdawrin b'kakofonija sħiħa ta' messaġġi u aħbarijiet li ħafna drabi ma jirnexxilniex inlaħħqu magħhom, kemm aħna bħala ġurnalisti, u wisq inqas il-pubbliku.

Però, kultant ikun hemm storja, jew messaġġ, li sforz is-saħħa tal-kontenut tiegħu, jew minħabba r-reputazzjoni ta' min ikun qalu jew kitbu, jirnexxielu jitla’ ‘il fuq mill-oħrajn u jiġbed l-attenzjoni. Dik saret ir-realtà tal-ambjent ġurnalistiku tal-lum, u minn jum għall-ieħor, anzi minn ħin għall-ieħor, il-messaġġ li jkun qed jiddomina narawh jiġi mwarrab minn messaġġ iktar riċenti li jkun irnexxilu jolqot iktar l-immaġinazzjoni u l-interess tal-pubbliku.

Dan il-fenomenu rajnieh iseħħ f'dawn l-aħħar ġranet meta l-attenzjoni tal-poplu Malti vjaġġat mill-Ġermanja għar-Rabat f'leħħa ta' berqa, u daret minn fuq il-burdell għal fuq il-pastizzi. Tant iddominaw dawn iż-żewġ stejjer, li stejjer oħrajn li kienu qed jiġu rrapurtati, sfaw vittma u ntradmu, bħal per eżempju il-każijiet tal-impjiegi fil-Ministeru tal-Intern (AWAS), u l-każ ta korruzzjoni ta’ Jimmy Magro.

Imma dik hija r-realtà ta' kif jaħdem l-ambjent ġurnalistiku, u kull storja trid tiġġieled għal postha fuq il-merti tal-interess u s-serjetà tagħha. Is-suq tal-istejjer huwa liberalizzat bħas-suq ħieles li nitgħallmu dwaru fl-ekonomija.

Imma fil-bidu ta' din il-gimgħa seħħet xi ħaġa li permezz tagħha qed naraw li s-suq ħieles tax-xogħol ġurnalistiku qed jiġi mhedded. Bħala ġurnalisti ilna ħafna ngħidu li l-libell kriminali għandu jitneħħa, imma issa bħal donnu nħolqot kategorija ġdida - il-libell kummerċjali. Li ġara kien li Ministru tal-Gvern, li ħassu nġurjat b'dak li nkiteb fuqu minn ġurnalista partikolari, fetaħ libell. Sa hemm, għamel sewwa, għax għandu kull dritt li jekk intqalet xi ħaġa dwaru li hu qed jgħid li ma hix minnha, għandu jkollu l-okkażjoni biex jippreżenta l-verżjoni tiegħu.

Imma l-Ministru ma waqafx hemm. Huwa invoka artiklu tal-liġi kummerċjali, li sa fejn nafu aħna qatt ma ġie invokat fil-kuntest ta' libell, li permezz tiegħu talab li jkun hemm sekwestru fuq il-kontijiet bankarji tal-ġurnalista, bil-massimu tal-ammont li huwa jista’ jirbaħ fil-każ li l-libell jinqata’ favur tiegħu. Mhux talli dan, imma fetaħ erba’ każijiet, u għalhekk is-sekwestru sar fuq erba’ darbiet dan l-ammont massimu, jiġifieri għall-ammont ta' €47,460, somma sostanzjali ferm.

Issa tajjeb niftakru kemm idum ma jinqata’ libell, u biżżejjed insemmu l-każ ta' libell li nqata’ riċentement, dak tal-istorja li kienet ġiet ippublikata iktar minn tmien snin ilu dwar miżapproprjazzjoni ta' fondi tal-MFA mill-President ta' dakinhar, l-Avukat Joe Mifsud.

Wara tmien snin, inqatet il-kawża tal-libell, u l-ġurnalisti li kitbu l-istorja ġew illiberati minn kull akkuża. Immaġina kieku dawn il-ġurnalisti kienu qed iġorru l-piż ta' sekwestru bħal dan għal tmien snin sħaħ, għalxejn!

Huwa għalhekk li dan il-każ, lil hinn mill-merti tal-każ partikolari li dwaru qed isir il-libell, qed joħloq preċedent perikoluż ħafna għal-libertà tal-espressjoni f'pajjiżna. Il-komunità ġurnalistika Maltija kollha tinsab inkwetata u qed tħoss li dan il-preċedent qiegħed irażżan u jxekkel lil min irid jipprattika u jsegwi ġurnaliżmu effettiv u ta’ responsabbilita', u li jaqdi dmiru lejn il-pubbliku billi jikxef każijiet ta' aġir ħażin minn persuni fl-awtorità. 

In-naħqa tal-espressjoni għandha tkun ħielsa, tkun ta' min tkun, u ħadd, ikun min ikun, ma għandu d-dritt li joħnoqha.

Josianne Camilleri

Editur

Newsbook.com.mt