Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Ritratti: Jinstab raġel mejjet f'appartament fl-Imsida   |  Droga u politiċi: Jittawwal iż-żmien tal-inkjesta   |  Identifikata l-koppja barranija li allegatament ġibdet ritratti lit-tfal   |  Attakk Terroristiku Londra: Identifikat l-aggressur   |  

​Biki tal-kukkudrilli?

Josianne  Camilleri  -  10/03/17 04:04 PM

Illum il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) saħqet li t-Tieqa tad-Dwejra, li ntilfet darba għal dejjem, għandha sservi biex ċittadini u politiċi jieħdu azzjoni u jħarsu l-patrimonju nazzjonali qabel ikun tard wisq.

It-Tieqa tad-Dwejra mhix l-ewwel u l-aħħar patrimonju nazzjonali li se jintilef jekk nibqgħu għaddejjin bir-ritmu li qbadna.

Ninħbew wara l-iskuża li t-Tieqa nħolqot bin-natura u li kien il-proċess naturali li ħadha lura. Imma fl-istess ħin nibkuha għax nistgħu nitilfu l-qligħ mit-turisti li jżuruna biex imorru jarawha.

Deċiżjonijiet politiċi li jeqirdu l-ambjent

Fl-istess waqt x’qegħdin nagħmlu fuq patrimonju ieħor, li bil-barka tal-Gvern hemm ċans li nitilfu għal dejjem? Pereżempju l-art fiż-Żonqor, il-permessi galore għal bini fuq art ODZ u l-bejgħ bi prezz baxx tal-art tal-ITS f’San Ġiljan.

Dawn id-deċiżjonijiet żgur mhux iddettati min-natura imma wħud minnhom bla dubju huma riżultat ta’ ftehimiet ta’ qabel l-elezzjoni.

Jekk id-deċiżjonijiet politiċi li ttieħdu wasslu biex jinqered l-ambjent, għaliex issa dan il-biki tal-kukkudrilli dwar dak li qed isejħu “proċess naturali li ħadd ma kellu kontroll fuqu?”

Bżonn 4 Ministri għal konferenza dwar il-waqgħa tat-Tieqa?

Allura wieħed jistaqsi: Kien hemm bżonn konferenza minn erba’ Ministri biex jgħidulna dan? Jew ħadu l-opportunità biex jidhru quddiem il-kameras u jsemmgħu leħinhom?  

Jekk kienu konvinti li se tiġġarraf minn żmien għall-ieħor, għaliex iddikjaraw li l-Ministeri tagħhom u l-entitajiet responsabbli fi ħdanhom ilhom snin jaħdmu biex jippreservawha?

Jekk ir-rapporti kkummissjonati fis-snin li għaddew kienu qed jipprevedu li t-Tieqa se taqa’, qgħadna ċiċċi beqqi nistennew ‘it-traġedja’?

Proġett kbir li titwaħħal kamera tas-sigurtà biex tgħasses it-Tieqa? Ma kellhiex tiġi installata f’perjodu ta’ sitt xhur? 

“Il-kameras ma lħaqniex waħħalniehom, imma xorta kienet se taqa’” qal il-Ministru. Qal ukoll li “wara kulħadd bravu”.

Ħarġu multi fil-verità?

Ħadd mill-erba’ Ministri ma kien jaf iwieġeb kemm-il multa ngħatat lill-persuni li telgħu fuq it-Tieqa. Ħarġu multi fil-verità? Ma tistax ma togħkrokx għajnek li dan il-wirt ftit li xejn ittieħed bis-serjetà.

Insemmu dak li nkiteb fil-management plans li damu jitħejjew sitt snin, l-iSteering Committee, l-ordnijiet ta’ konservazzjoni u r-rangers. Allura dawn kienu ħela ta’ flus u enerġija? 

Qatt ġew ikkunsidrati inizjattivi biex tiġi protetta l-kosta u x-xtajta u metodi oħra fil-baħar li jħarsu dan il-wirt naturali?

Nitbissmu għax tlifna wirt?

Spikkat it-tbissima fuq fomm tlieta mill-Ministri qabel bdiet il-konferenza. Ma tantx taw impressjoni li huma mdejqin. Imma fl-istess waqt, il-Ministru Anton Refalo jgħid li qisu tilef parti minn ġismu, filwaqt li l-Ministru Owen Bonniċi jqabbel it-Tieqa ma’ xi ħadd li konna nafu li se nitilfuh, imma bqajna bit-tama.

Nitbissmu għax tlifna wirt bħat-Tieqa tad-Dwejra? Kif qalet il-Kummissjoni Ambjent, dak li ġara fid-Dwejra għandu jservi ta’ riflessjoni fuq l-attitudni tal-bniedem lejn il-patrimonju naturali, storiku u arkitettoniku tal-pajjiż.

Nittamaw li dan l-atteġġjament lejn it-Tieqa tad-Dwejra ma jiġix rifless f’wirt storiku ieħor, bħal restoranti u lukandi minflok siti storiċi fiċ-Ċittadella!


Josianne Camilleri

Editur - Newsbook.com.mt