Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Vann jidħol f'folla nies f'Barċellona; diversi midruba

L-ikbar rebħa

14/04/17 09:17 AM

It-tlett ijiem magħrufa bħala t-Tridu tal-Għid huma l-aktar jiem qaddisa għalina l-Insara. Tul dawn il-jiem infakkru l-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-mewt tal-Mulej.  Infakkru t-twaqqif tal-Ewkaristija u tas-saċerdozju. Ngħixu d-drama tal-ġlieda bejn l-imħabba u l-mibegħda, il-ħajja kontra l-mewt, il-grazzja kontra d-dnub.  

Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira jsibu mbagħad il-milja tagħhom fl-Għid, li bir-raġun kollu ngħidulu ‘l-Kbir’ għax huwa l-Għid tar-rebħa.

Iżda dawn it-tlett ijiem mhumiex sempliċi tifkira ta’ ġrajjiet ta’ mijiet ta’ snin ilu. Dawn it-tlett ijiem huma l-proklamazzjoni ta’ programm ta’ azzjoni favur stil ta’ ħajja; juru l-mod ta’ kif għandna ngħixu fis-soċjetà u norganizzawha;  juruna kif ngħixu l-umanità tagħna.

Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet għandhom implikazzjonijiet enormi għal mod kif ngħixu r-relazzjonijiet u l-ħajja personali tagħna. Aktar minn hekk juruna x’tip ta’ għażliet politiċi u ekonomiċi għandna nagħmlu jekk nemmnu fil-mudell ta’ soċjetà li Kristu wriena fl-Aħħar Ċena.  

Meta aħna l-insara nqisu dawn iċ-ċelebrazzjonijiet bħala sempliċi tifkira tal-passat, inkunu qed nittradixxu dak li ġara fiċ-Ċenaklu u fuq il-Golgota.  Jekk nagħmlu hekk inkunu qed infaqqru dawn il-festi għax nirrenduhom fi ġrajjiet ta’ tifkira storika b’elementi tradizzjonali biss. Meta din it-tentazzjoni nirbħuha allura t-Tridu tal-Għid isir żmien ta’ eżami kollettiv tal-kuxjenza, li permezz tiegħu l-komunita nisranija tara jekk il-valuri li jwasslulna dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, humiex inkarnati jew le fl-istrutturi tas-soċjetà Maltija u fl-għażliet li nagħmlu fil-ħajja personali tagħna.

Insemmi xi eżempji.

Fl-Aħħar Ċena l-Mulej ġab ruħu ta’ qaddej. Huwa pprietka bil-prattika l-kunċett tal-awtorità bħala servizz. Meta ħasel riġlejn l-appostli ħabbar bidla kbira fil-mod kif nipprattikaw is-setgħa. Dan jgħodd għal kull tip ta’ eżerċizzju ta’ awtorità u mhux biss għall-awtorità politika. Jgħodd għall-Knisja, għall-familji, għall-postijiet tax-xogħol, għas-soċjetà ċivili u l-bqija.

Il-Passjoni u l-mewt tal-Mulej huma eżempju ċar tad-diżastru li jseħħ kull meta tikber l-intolleranza ta’ kull tip, kull meta min ikollu s-setgħa jagħlaq għajnejh jew jaħsel idejh; kull meta ċ-ċittadin komuni ma jqumx kontra l-inġustizzja u l-korruzzjoni. Dawn il-ġranet jixluna jekk aħna passivi kontra l-forom differenti tal-ħażen jew, jekk, ħafna agħar, aħna ngawdu minnhom.  

It-Tridu tal-Għid jispiċċa biċ-ċelebrazzjoni tar-rebħa l-kbira. Il-Qawmien ta’ Kristu huwa l-akbar garanzija li l-ħażen fl-aħħar mill-aħħar huwa tellief; li l-arroganza tal-poter mhix is-soluzzjoni; li s-silenzju jew passività kontra l-inġustizzja jpoġġuk fuq in-naħa tat-telliefa. Il-Qawmien jurina li l-mudell ta’ ħajja individwali u l-istil ta’ tmexxija li ppropona Kristu huma l-aqwa mudell u stil, għax huma mudell u stil rebbieħ.

L-Għid it-tajjeb. 

 

Josianne Camilleri

Editur - Newsbook.com.mt