Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

L​-ambjent huwa tagħna lkoll

17/05/17 10:58 AM

L-Arċisqof fil-festa ta’ San Publiju 2017:

“U jiena nistaqsi lill-poplu Malti, l-istess mistoqsija li biha bdejt: dak il-patt li nħalef fuq ix-xtut tagħna, li kultant jitniġġsu - ħa ngħidha - minħabba l-egoiżmu tagħna u n-nuqqas ta’ responsabbiltà tagħna, dawk ix-xtut li qed inħammġuhom, dawk ix-xtut li suppost jagħtu xogħol fl-industrija tat-turiżmu u qed neqirduhom għall-miljuni tal-ftit … X’boxxla għandna? X’destinazzjoni rridu nieħdu? Il-profitt akkost ta’ kollox? Il-qerda tal-ambjent akkost ta’ kollox biex ikun hemm ftit pampaluni jkomplu jibnu u jixxaħxħu bil-miljuni?

-----

L-ambjent hu suġġett li jolqot lil kulħadd. Illum il-poplu Malti tgħallem kemm il-protezzjoni tal-ambjent hija importanti hafna għaliex minnu tiddependi l-kwalità ta’ ħajja u s-saħħa tagħna u ta’ dawk li ġejjin warajna.

Il-konġestjoni tat-traffiku, il-bini bla rażan u bla kontroll kull fejn tħares, il-bejgħ lill-barranin ta’ spazji miftuħa li għandhom ġmiel naturali, il-proġetti kbar ta’ bini għoli esaġerat, il-qerda bl-addoċċ tal-ħlejjaq, l-impatt fuq saħħitna mill-kimika wżata għall-bexx tal-prodotti li nieklu kuljum, in-nuqqas ta’ apprezzament ta’ bini b’valur storiku u soċjali, id-degradazzjoni tal-karatteristiċi arkitettoniċi tal-ibliet u l-irħula tagħna, il-problemi tat-tniġġis u l-iskart, l-iżvilupp bl-addoċċ tal-kosta, bini f’żoni li huma barra miż-żona tal-iżvilupp, dawn kollha saru ta’ tħassib serju għall-poplu Malti u Għawdxi.

Dnub

Il-qerda darba għal dejjem tal-wirt naturali imprezzabbli huwa dnub!

Mhux ta’ b’xejn li mill-istħarriġ tal-opinjoni pubblika jirriżulta li, wara l-problema tal-korruzzjoni, l-ambjent u t-traffiku huma fost l-ikbar problemi li qed jaffaċċja pajjiżna bħalissa. Il-poplu Malti xeba’ jara tnaqqir tal-ispazji miftuħa, policies laxki dwar l-ambjent u istituzzjonijiet li ma jagħmlux xogħolhom sewwa u mingħajr indħil biex jiġi mħares l-ambjent. 

Il-Papa Franġisku, fl-Enċiklika tiegħu dwar l-għożża tal-ambjent, jitkellem ċar u dirett dwar ir-responsabbiltà tal-politiċi biex jiggwidaw l-iżvilupp b’mod sostenibbli u għaqli f’qafas ta’ strateġija li tfittex l-interess ta’ kulħadd u mhux biss ta’ ftit negozjanti, żviluppaturi u spekulaturi tal-propjetà li moħħhom biss biex jimlew bwiethom bil-flus, sabiex il-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri jgħixu f’ambjent xieraq, li huwa d-dar komuni tagħna.

Wieħed jistenna li, fil-kuntest ta’ pajjiż żgħir bħal tagħna b’densità għolja ta’ popolazzjoni, l-ispazju jitqies bħala riżorsa importanti li teħtieġ li tkun immaniġġjata b’għaqal u b’rispett, ħalli pajjiżna jkun jista’ jiżgura żvilupp sostenibbli li jmantnih għal ħafna snin.

Bla dubju ta’ xejn l-immaniġġjar tal-ambjent u tar-riżorsi li jġorr miegħu, żgur li joħloq kunflitti ta’ interess bejn min irid jaħtaf kemm jiflaħ ħalli jkompli jistagħna, min irid ibill subgħajh biex ma jkunx inqas minn ħaddieħor, u min iħoss li ċerti riżorsi għandhom jitgawdew minn kulħadd. Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent fi ħdan il-Knisja f’pajjiżna tkellmet diversi drabi dwar il-ħtieġa ta’ direzzjoni ċara dwar l-ambjent, sabiex fejn jidħlu l-kwistjonijiet ambjentali, pajjiżna jkollu l-kuraġġ u d-determinazzjoni li jiffaċċja dawn il-kunflitti ta’ interess bis-serjetà u bi spirtu ġenwin sabiex jiżguraw il-ġid komuni.

Flus kemm trid imma ħajja inferjuri

Ta’ spiss nisimgħu stqarrijiet ġeneriċi li bi proġetti kbar “l-ekonomija qed tikber”, li se jġibu magħhom ġid ekonomiku u impjiegi ġodda. Dan l-argument mhux biżżejjed biex wieħed jispjega jew jiġġustifika ż-żieda bla rażan fil-bini li fl-aħħar mill-aħħar jista’ jibqa’ vojt jew ikun ta’ ħsara għall-ġid komuni. X’jiswa jekk ikollok flus b’kemm tesa’ ġildek (jiġifieri avvanz ekonomiku) u mbagħad tispiċċa tgħix kwalità ta’ ħajja inferjuri billi tibla’ arja mniġġsa jew tixrob ilma mniġġes jew tikber il-probabbiltà li tmut b’kankru minħabba t-tniġġis ambjentali? Min hu f’sensih qatt ma jista’ jaċċetta li dan hu żvilupp. Sfortunatament din il-viżjoni għadha ma xettlitx għeruqha biżżejjed la fil-maġġoranza tal-politiċi tagħna, u wisq anqas fis-soċjetà inġenerali.

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent matul dawn l-aħħar snin fakkret  diversi drabi lill-membri parlamentari kollha li d-dmirijiet lejn il-pajjiż m’għandhomx jitqiesu bħala obbligazzjonijiet lejn xi gruppi partikulari li moħħhom biss biex jistagħnew malajr huma, akkost li jiġi sfruttat l-ambjent naturali jew li jiżdied il-bini f’ambjent urban li jnaqqas flok itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.  Ikun żball jekk nibqgħu nippromwovu stili ta’ ħajja jew inkella nippermettu żviluppi li jipperikolaw il-wirt komuni sabiex ma nurtawx l-interessi personali ta’ xi individwi jew ta’ xi gruppi partikolari.

Fi kliem il-Papa Franġisku, il-ġid komuni, li jinkludi wkoll l-ambjent, “huwa ħafna iktar mill-għadd tal-interessi individwali kollha f’daqqa. Ir-raġunar  tagħna dwar ‘x’inhu l-aħjar għalija’ jrid  jgħaddi għal ‘x’inhu l-aħjar għal kulħadd’ sabiex b’hekk il-kilba u r-rebgħa tal-ftit ma jkomplux jisirqu u jfarrku l-ambjent li huwa d-dar komuni tagħna”.

Rev. Prof. Emanuel Agius