Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

L-evażjoni tat-taxxa tmermer il-ġid komuni

30/05/17 05:17 PM

L-E.T. Arċisqof  Mons. Charles Scicluna qal hekk f’waħda mill-omeliji tiegħu:  “L-Istat għandu jrażżan sewwa r-regħba tal-ftit li jaħsbu biss biex iħaxxnu buthom b’detriment tal-ħafna. Il-governanza li hija mibnija fuq il-privileġġ tal-ftit jew li tippromwovi bla skruplu lealtà lejn partit politiku iktar milli lejn l-Istat, hija tradiment u velenu għall-ġid komuni tas-soċjetà. Kull ċittadin, taħt ir-regola tal-liġi bħal espressjoni tal-ġid komuni, għandu d-dritt li jkollu sehem mill-għana kollu tal-Istat u jibbenefika mis-servizzi tal-gvern, hu min hu jew hi min hi.”

L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex f’omelija li għamel fil-festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, fit-13 ta’ Ġunju 2014, qal li: “Il-ġbir tat-taxxi huwa wieħed mill-mezzi li għandu l-Istat biex jiġbor il-fondi ħalli mbagħad ikun jista’ joffri servizzi varji bħal fil-każ tas-saħħa, tal-edukazzjoni, is-sigurtà, u l-bqija.  Dawk li jevadu t-taxxa ġusta jkunu jnaqqsu s-saħħa finanzjarja tal-Istat biex iwettaq ċerti proġetti vitali.  Jista’ jkun li min hu għani ma jintlaqatx minn din ir-riduzzjoni tas-servizzi; imma l-foqra li ma għandhomx mezzi biex ifittxu għajnuna alternattiva, ibatu. Hija tassew ħasra li llum ftit għadna nisimgħu li min jisraq għandu dmir li jrodd lura dak li jkun seraq!  Il-ġerħa li reat ta’ din ix-xorta jikkawża kemm lill-fqir u kemm lis-soċjetà, tibqa’ tgħajjat għall-ġustizzja anki jekk min ikun responsabbli tar-reat jirnexxielu jaqbeż ’il barra mill-miżien tal-Qrati.”

Obbligu morali

F’kull pajjiż it-taxxi jitħallsu biex joktor il-ġid komuni u b’hekk l-Istat ikollu iżjed mezzi f’idejh  sabiex, b’sens ta’ ġustizzja soċjali, iqassam dan il-ġid lil kulħadd f’servizzi soċjali, fi trasport effiċjenti, f’LSA bħala għajnuna lit-tfal fl-edukazzjoni tagħhom biex ħadd ma jaqa’ lura, f’housing soċjali biex kulħadd jgħix f’dar diċenti, f’mediċini b’xejn għal kulħadd, anke dawk bil-mard rari,  biex ħadd ma jispiċċa jittallab, fl-indafa pubblika, f’għajnuna lill-anzjani, f’toroq tajba biex ibiegħdu l-periklu tas-sewqan, fi skejjel moderni li jixirqu lit-tfal u lill-għalliema, fi spazji miftuħa biex jitgawdew mill-familji.

Kull ċittadin huwa moralment u legalment obbligat li jħallas it-taxxi biex min għandu u jaqlagħha tajjeb jaqsam ma’ min m’għandux. Dan huwa obbligu morali mibni fuq sens ta’ ġustizzja soċjali biex kull ċittadin jikkontribwixxi għall-ħtiġijiet tal-oħrajn, u biex l-egoiżmu jitrebaħ mis-solidarjetà.

L-għadu tal-ġid komuni

L-evażjoni tat-taxxa hija moralment ħażina għax hija l-għadu tal-ġid komuni. Ħadd m’għandu dritt li jħossu privileġġjat, minħabba l-pożizzjoni tiegħu fis-soċjetà, li jaħbi l-qligħ tiegħu biex jevadi t-taxxa. L-evażjoni tat-taxxa hija iżjed u iżjed immorali meta jinħolqu strutturi ġo strutturi f’pajjiżi  li għandhom liġijiet laxki biex id-dħul ma jiġix iddikjarat u b’hekk tiġi  evitata t-taxxa.  L-evażjoni tat-taxxa hija offiża lejn kulħadd; hija azzjoni ħażina kontra l-Istat. Il-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika Il-Ferħ tal-Vanġelu (par 56) jgħid li  “l-evażjoni egoista tat-taxxa hija korruzzjoni u l-kawża tal-faqar soċjali.” 

F’waħda mill-omeliji tiegħu l-Papa Franġisku jikkundanna l-kilba ta’ min hu fl-awtorità biex jevadi t-taxxa, għax dan huwa serq tal-ġid komuni u għalhekk kull ċittadin jiġi affettwat. Il-Katekiżmu tal-Knisja jgħid ċar li l-evażjoni tat-taxxa hija moralment ħażina għax hija kontra s-seba’ kmandament “La tisraqx”.

Governanza tajba u nadifa tesiġi li mhux iż-żgħir biss għandu jħallas it-taxxi, iżda wkoll dawk l-individwi li jafu minn fejn jgħaddu biex jevadu t-taxxa. Il-liġijiet dwar it-taxxi m’għandhomx japplikaw biss għall-ħuta ż-żgħira, iżda wkoll għall-kbira! Il-liġijiet għandhom ikunu l-istess għal kulħadd. Ix-xibka legali biex taqbad il-ħuta l-kbira li tipprova tiskappa mit-taxxi, għandha titħalla tiffunzjona sewwa u b’mod awtonomu mingħajr indħil ta’ ħadd u mingħajr ma tħares lejn wiċċ ħadd. Ħadd m’għandu jipproteġi lil min jevadi t-taxxa! Min jibqa’ sieket quddiem l-evażjoni tat-taxxa jkun etikament kompliċi fis-serq u l-korruzzjoni.

Jalla kull ċittadin jagħraf li l-evażjoni tat-taxxi hija korruzzjoni li tmermer il-ġid komuni li minnu jgawdi kulħadd!

Rev. Prof. Emmanuel Agius