Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

Il-korruzzjoni tmermer is-sinsla morali tal-pajjiż

31/05/17 06:00 PM

Fl-omelija tiegħu ta’ nhar il-Ħadd 13 ta’ Diċembru 2015, meta ta bidu għall-Ġublew Straordinajru tal-Ħniena fl-Arċidjoċesi ta’ Malta bil-ftuħ tal-Ewwel Bieb tal-Ħniena fil-Katidral tal-Imdina, l-Arcisqof Charles Scicluna qal hekk:

“ …. ma tistax inti tgħaddi minn dak il-bieb tal-ħniena u tkompli tiġġustifika u timpromwovi kultura ta’ korruzzjoni, ta’ tixħim, ta’ pjaċiri u favuri, għaliex wieħed jaqa’ fit-tentazzjoni li jkun korrott għax ikun hemm min qed jippressah biex ikun korrott. U aħna rridu nieħdu deċiżjoni bħala soċjetà, mingħajr ma nippuntaw subgħajna lejn ħadd, għax fuq din il-ħaġa … aħna koresponsabbli. … Kull membru fis-soċjetà Maltija għandu jħoss ukoll din ir-responsabbilta’ li ma jippromovix kultura ta’ tixħim, pjaċiri jew korruzzjoni”.

L-Isqof ta’ Għawdex Mons Mario Grech, waqt omelija fil-festa ta’ Sant’Annin ta’ Padova fit-13 ta’ Ġunju 2014, ukoll stqarr li: “Meta xi ħadd jikseb bid-dnewwa xi ħaġa li mhix tiegħu, dan ifisser li jkun qiegħed jaħtafha minn idejn ħaddieħor li tkun tmissu bi dritt. ...Min bla kuxjenza jinżel fil-ħama tal-korruzzjoni, mhux biss ikun jistagħna inġustament, imma jkun jirkeb fuq dahar ħaddieħor.”

Fid-dokument tieghu (Misericordiae vultus) dwar il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena l-Papa Franġisku jitkellem fuq il-korruzzjoni bħala “pjaga li tnawwar is-soċjetà” u li “din il-pjaga hi dnub gravi għax theżżeż l-istess pedamenti tal-ħajja personali u soċjali”. Il-ħin kollu nisimgħu b’din il-pjaga fid-dinja kollha. Anki f’Malta spiss nisimgħu allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Il-Papa jgħid f’dan id-dokument li “jekk [il-korruzzjoni] ma niġġildulhiex fil-beraħ, illum jew għada nsiru kompliċi tagħha u teqirdilna ħajjitna”.

Il-korruzzjoni tas-setgħana tispiċċa biex iħallsu prezzha l-foqra, li, minħabba r-rgħiba tal-oħrajn ma jkollhomx dak li hu meħtieġ u li għandhom dritt għalih. Hekk afferma l-Papa Franġisku fl-omelija fid-Dar Santa Marta waqt il-quddiesa fis-16 ta’ Ġunju 2014. “Fil-verità l-korruzzjoni jħallas għaliha l-fqir. …Meta nitkellmu dwar il-politiċi korrotti, l-ekonomisti korrotti, min iħallas għalihom? Iħallsu l-isptarijiet neqsin mill-mediċini, il-morda li m’għandhomx kura, it-tfal mingħajr edukazzjoni”, kompla jgħid il-Papa Franġisku. F’omelija oġra (24 Novembru 2016) il-Papa Franġisku jgġid li l-korruzzjoni hi għamla ta’ dagħa li tressaq lil dak li jkun lejn il-qima tal-flus u l-isfruttar tal-proxxmu. Il-korruzzjoni hi għamla ta’ dagħa fejn m’hemmx Alla, imma biss l-allat tal-flus u l-kumdità bl-isfruttament tal-oħrajn.

Fid-dokument dwar il-Ġublew tal-Ħniena, il-Papa Franġisku jkompli jgħid li l-korruzzjoni hi “opra tad-dlamijiet imwieżna mis-suspetti u l-intriċċi. Hu ħażen li jixxettel fil-ġesti tal-ħajja ta’ kuljum biex jitwessa’ għall-iskandli pubbliċi”. L-għerq tal-korruzzjoni hu nassa terribbli li taħseb li “l-ħajja tiddependi mill-flus u li quddiemhom il-bqija kollu jitlef il-valur u d-dinjità tiegħu. Hi kwistjoni ta’ valuri u kultura.”

F’diskors li kien ghamel fl-2015 f’Nairobi, il-Kenja, il-Papa Frangisku jghid li l-korruzzjoni “hi bħaz-zokkor: ħelu, jogħġobna faċliment … u mbagħad? Nispiċċaw ħażin!  B’wisq zokkor faċli nispiċċaw djabetiċi u anki l-pajjiż tagħna jsir djabetiku! ….Nitlobkom, tfittxux il-gost tagħkom f’dan iz-“zokkor” li jissejjaħ korruzzjoni.” Fis-16 ta’ Settembru 2016 il-Papa Franġisku jqabbel il-korruzzjoni mad-droga. Il-Papa jghid hekk: “Għal uħud il-korruzzjoni hi bħal droga: dak li jkun jaħseb li jista’ jużaha u jwaqqafha meta jidhirlu.  Jibda bil-ftit: “tip” ‘l hawn u ‘l hemm, flus maħmuġin...  U minn ħaġa għal oħra jispiċċa jitlef il-libertà tiegħu.  Il-koruzzjoni wkoll toħloq id-dipendenza, tiġġenera l-faqar, l-isfruttament, it-tbatija”.  

Meta kien għadu Kardinal fl-Arġentina l-Papa Franġisku kien wissa dwar il-periklu serju li ċ-ċittadini jidraw il-kultura tal-korruzjoni u jaċċettawha bhalkienu xejn mhu xejn, basta għandi x-xogħol, inħossni sejjer tajjeb u ma jonqosni xejn! Il-Papa Franġisku jsostni li l-kultura tal-korruzzjoni teħtieġ reazzjoni qawwija min kulmin iħobb il-pajjiżu u jixtieq jibni soċjetà ġusta. In-Nisrani mbagħad għandu jħoss iżjed id-dmir li jiġġieled kontra l-korruzzjoni, jkompli jgħid il-Papa. In-nisrani li jagħlaq għajnejh u jdawwar wiċċu quddiem il-korruzzjoni jkun qed jgħix fid-dlam u mhux fid-dawl, f’gidba u mhux fil-verità.

It-trasparenza fil-ħajja pubblika u l-awtonomija ta’ l-istituzzjonijiet li għandhom ir-responsabilità etika li jiġġieldu u jikkontrollow il-korruzzjoni huma fatturi importanti biex soċjetà ma taqax fin-nassa tal-korruzzjoni li hija bħal kankru serju jmermer il-fibra morali tas-soċjetà. Ċertament, l-għassa kontinwa hi meħtieġa biex il-korruzzjoni ma tinfirix u ma ssirx istituzzjonalizzata.

Jalla ċ-ċittadini kollha jifhmu li l-korruzzjoni hija ħażen morali li taffattwa lill-kulhadd u li tmermer is-sinsla morali ta’ pajjizna! 

 

 Rev. Prof. Emanuel Agius