Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Filmat: "Għall-korruzzjoni jħallas il-fqir" - Il-Papa

01/06/17 12:45 PM

L-Arċisqof Charles Scicluna qal riċentement li meta fis-soċjetà jinbtu l-veleni tal-korruzzjoni u tal-gideb, il-bnedmin mhux biss titnaqqsilhom id-dinjità tagħhom imma wkoll jidħol velenu li jwassal għall-kunflitti soċjali. Mons. Scicluna saħaq li l-politika li taħdem għall-interessi tal-ftit hija antipolitika.  

Huwa wassal dan il-messaġġ fil-15 ta' Mejju li għadda, waqt konferenza organizzata mis-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika Maltija, bit-tema soċjetà ġusta għal żminijietna.

Fid-diskors tiegħu, l-Arċisqof tenna li l-ġustizzja soċjali titlob li min jiggverna jħares il-prinċipji importanti tal-verità u tal-ġid komuni. Qal li l-ġustizzja soċjali titlob ukoll il-protezzjoni tal-ambjent li jgħin għall-kwalità tal-ħajja tal-bniedem.

Kliem l-Arċisqof jirrifletti diskors tal-Isqof Mons Mario Grech, f’Ġunju 2014: “Min bla kuxjenza jinżel fil-ħama tal-korruzzjoni, mhux biss ikun jistagħna inġustament, imma jkun jirkeb fuq dahar ħaddieħor.”

L-Isqfijiet jirriflettu l-kliem tal-Papa Franġisku li jgħid li lill-korrotti għandna norbtulhom blata ma’ għonqhom u nitfugħhom il-baħar.  Hu jgħid li għall-korruzzjoni jħallas il-fqir.

F’diskors f’Nairobi, il-Kenja, fl-2015 il-Papa Franġisku qal li l-korruzzjoni “hi bħaz-zokkor: ħelu, jogħġobna faċilment … u mbagħad?  Nispiċċaw ħażin!  B’wisq zokkor faċli nispiċċaw dijabetiċi u anki l-pajjiż tagħna jsir dijabetiku! …. Nitlobkom, tfittxux il-gost tagħkom f’dan iz-“zokkor” li jissejjaħ korruzzjoni.”

F’omelija fl-2014, il-Papa sejjaħ lill-korrotti ħallelin u tradituri.

Fl-ittra pastorali tagħhom l-Isqfijiet mhux biss fakkruna fid-dmir li nivvutaw, iżda fakkruna wkoll li nivvutaw għal ġid komuni u għal nies integri.