Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

​Il-ġid komuni jeżiġi governanza onesta u nadifa

01/06/17 01:14 AM

L-Arċisqof Charles Scicluna f’wieħed mid-diskors li għamel f’Settembru tas-sena li għaddiet qal hekk: “Meta l-ġid komuni jiġi ssagrifikat fuq l-artal tal-egoiżmu tal-ftit, bl-iskuża ta’ psewdo-ethos mibni fuq il-kilba bla rażan għall-ġid materjali li lest li jgħaffeġ lil kollox u lil kulħadd – f’dak il-każ – nistgħu ngħidu li l-Istat huwa marid … L-Istat għandu jrażżan sewwa r-rebgħa tal-ftit li jaħsbu biss biex iħaxxnu buthom b’detriment tal-ħafna. Il-governanza li tifred, li hija mibnija fuq il-privileġġ tal-ftit jew li tippromwovi bla skruplu lealtà lejn partit politiku iktar milli lejn l-Istat, hija tradiment u velenu għall-ġid komuni tas-soċjetà.”

-----

Il-ġid komuni huwa dawk il-kondizzjonijiet soċjali u l-istituzzjonijiet kollha pubbliċi li jgħinu lil kull ċittadin biex jgħix b’dinjità u bi kwalità ta’ ħajja, b’serħan il-moħħ f’soċjetà ta’ wens u sedqa, fejn il-liġi ma tħares lejn wiċċ ħadd, it-tmexxija pubblika hija għas-servizz ta’ kulhadd u mhux tal-ftit, u l-valuri tas-sewwa, l-onesta, il-verità u l-ġustizzja soċjali huma s-sisien tal-ħajja pubblika. Dan il-ġid huwa komuni għaliex jolqot il-ħajja ta’ kulhadd.

Il-ġid komuni jitlob sens ta’ għaqal, onesta u responsabiltà’ minn kulhadd, wisq aktar minn dawk li għandhom l-awtorità. Il-ġid komuni jitlob li jkun hemm qagħda soċjali tajba biex kulhadd jista’ jimxi ‘l quddiem. L-awtorità trid tassigura li l-interessi tal-ftit jew ta’ xi klikka ma jtellfux il-qagħda soċjali fejn kulhadd jgħix ħajja li tassew tixraq lil kull ċittadin. Għalhekk il-ġid komuni jitlob li jkun hemm is-sliem, jiġifieri li jkun hemm ordni ġust li jkun żgur u sod, fejn il-liġi qegħda hemm għal kulhadd, fejn l-istituzzjonijiet kollha jitmexxew mingħajr indħil politiku, fejn il-ħażen u l-korruzzjoni huma mrażżna mhux bil-kliem biss iżda bil-fatti. Il-ġid komuni joktor u jgawdi minnu kulhadd jekk il-fibra morali tal-pajjiż ma tiddgħajjifx u jekk il-boxxla u d-direzzjoni morali tal-pajjiż dwar x’inhu tajjeb u ħażin, nadif u korrott, ma jitħawdux. Għalhekk il-ġid komuni jeżiġi governanza onesta u nadifa.

Il-ġid komuni, fost l-oħrajn, jinkludi wkoll is-sistema tas-saħħa, it-trasport pubbliku, l-edukazzjoni, l-istituzzjonijiet pubbliċi li jħarsu l-ġustizzja u l-ordni pubblika bħalma huwa l-qrati, il-korp tal-pulizija u l-armata, is-servizzi soċjali, l-istituzzjonijiet li jiġġieldu l-korruzzjoni, l-ispazji pubbliċi u l-ambjent naturali. Dawn kollha huma ġid komuni għaliex għandhom ikunu għas-servizz ta’ kulhadd, mhux tal-ftit  jew tal-qalba, jew agħar ta’ xi klikka ta’ nies. Pajjiż jimxi ‘l quddiem daqs kemm il-ġid komuni jibqa’ verament ta’ kulhadd u ma jinħataf minn ħadd biex jibqa’ ta’ kulhadd. Għaliex il-ġid komuni jikkontribwixxi għalih kulhadd, kull ċittadin għandu d-dritt li jgawdi serħan il-moħħ fis-servizzi kollha li huwa ntitolat għalihom sabiex b’hekk ħadd ma jibqa’ lura.

Hu dmir ta’ l-Istat li jħares u jġib ‘il quddiem il-ġid komuni tas-soċjetà ċivili, taċ-ċittadini kollha u tal-gruppi kollha fi ħdanha. Min għandu f’idejh t-tmexxija tal-pajjiż għandu r-responsabiltà morali li jippromovi u jipproteġi l-ġid komuni u jiggarantixxi li dan il-ġid ma jinsteraqx mill-ftit, iżda jitqassam b’mod ġust lil kulhadd, b’mod partikolari lil dawk li huma żvantaġġati. Min hu fis-setgħa għandu r-responsabiltà li jiggarantixxi tmexxija nadifa, onesta u ġusta għaliex minn dan jiddependi t-tisħiħ u t-tkattir tal-ġid komuni.

Min verament jaħdem b’onestà għall-ġid komuni jagħmel minn kollox biex l-istituzzjonijiet pubbliċi, li huma  għas-servizz ta’ kulhadd, qatt  jiġu maħkuma minn xi setgħa politika, hi ta liema fehma hi, iżda għandhom jitħallew jiffunzjonaw b’mod awtonomu biex kull ċittadin iħossu li qed jgħix f’pajjiż normali fejn isaltnu l-liġi, s-sewwa u l-verità li huma t-tarka tal-ġid komuni.

Rev. Prof. Emmanuel Agius