Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
"Malta mhux qed timxi mal-liġi tal-UE dwar l-insib" - AĠ tal-Qorti Ewropea   |  Il-Qorti tilqa’ t-talba ta’ Busuttil biex tinvestiga lil Schembri u Mizzi; il-PM: “Busuttil b’interpretazzjoni ħażina”   |  Tarbija bi ġrieħi gravi wara ħabta bejn karozza u tal-linja   |  Il-Papa jikteb lil soru li għenet għadd ta' nisa joħorġu mill-prostituzzjoni

Il-libertà sħiħa tal-espressjoni ssaħħaħ id-demokrazija

18/06/17 02:14 PM

Tkun ħasra kbira jekk l-appell ħerqan tal-Arċisqof Charles Scicluna, biex il-poplu Malti kollu għandu jkun kapaċi jiddiskuti b’mod matur u ċivilizzat, jaqa’ fuq widnejn torox.


Huwa veru li Mons. Scicluna kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ The Sunday Times dwar il-kummenti – fl-opinjoni tagħna kummenti inflammatorji u antidemokratiċi għall-aħħar - tal-Eks Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Tony Zarb, li fuq Facebook kiteb li l-MEPs tal-PN kienu qed jittradixxu l-pajjiż. Iżda huwa veru wkoll illi l-appell tal-Arċisqof jgħodd għad-diskorsi kollha li jsiru llum u dejjem. Dan ma niktbuhx biex innaqqsu r-rilevanza kontemporanja tiegħu, anzi biex insaħħuha. Jekk jgħodd dejjem, aħseb u ara kemm jgħodd issa!

Mons. Arċisqof mhux l-uniku wieħed li fl-aħħar jiem għamel appell simili. Fil-fatt l-Arċisqof, fil-bidu tal-messaġġ tiegħu, mill-ewwel qal li hu jingħaqad mal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fl-appell tagħha għall-għaqda fost il-poplu. 

L-Arċisqof, biex juri kemm id-diskors tiegħu għandu valur wiesa', żied jgħid li diskors ta’ mibegħda, jiġi minn fejn jiġi, mhux aġir aċċettabbli waqt li jkunu qed jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ importanza nazzjonali. Mons. Charles Scicluna saħaq li qatt ma jista’ jkun hemm demokrazija, b’attentati ta’ assassinar tal-karattru u intimidazzjoni. Żied jgħid li d-demokrazija tiffjorixxi, fejn hemm vera libertà tal-ħsieb u espressjoni, taħt is-saltna tal-liġijiet (rule of law).

Wieħed jifhem li meta jisħnu l-irjus jingħadu affarijiet li dak li jkun, f’mument ta’ kalma, jiddispjaċih li jkun qalhom. Il-perikoluż hu meta dak li jingħad, għalkemm jingħad f’saħna, ikun jirrifletti dak li verament jemmen il-bniedem fil-qiegħ ta’ qalbu. 

Huwa għalhekk li d-dibattitu li qam din il-ġimgħa għandu jixgħel il-bozoz il-ħomor ta’ dawk kollha li jħobbu d-demokrazija vera f’pajjiżna. Din il-ġimgħa reġgħu ħarġu fil-beraħ – u trewħu minn nies li suppost jafu aħjar - ideat mostrużi li mingħalina kienu ndifnu darba għal dejjem wara s-Snin Tmenin.

Insulti u tgħajjir mhux tas-saħna tal-mument

Din il-ġimgħa l-insulti u t-tgħajjir ma kinux rifless biss tas-saħna tal-mument. Din il-ġimgħa ndunajna li l-idea faxxista li tidentifika lill-pajjiżna mal-Gvern li jkun imexxih – jiġifieri li l-pajjiż u l-Gvern huma ħaġa waħda – hija ħajja u vibranti fost setturi tal-popolazzjoni kif kienet ħajja fis-Snin Tmenin. Din l-idea rewwaħha l-Eks Segretarju Ġenerali tal-GWU, Tony Zarb. U mill-ewwel qabdet u xterdet għax irriflettiet sentimenti antidemokratiċi li kienu se jkissru lill-pajjiż fit-tmeninijiet. 

Il-Partit tal-Ħodor talab diskussjoni dwar Malta fil-Parlament Ewropew. Mill-ewwel bdiet l-ispin li l-laqgħa kienet issejħet mill-Partit Popolari. Kien jagħmel aktar sens għal min ried iħawwad il-borma biex jorbot il-laqgħa mal-PN milli mal-AD.

Hekk kif kien magħruf li l-Parlament Ewropew fuq talba tal-grupp tal-Ħodor kien se jiddiskuti l-konnessjonijiet ta’ Maltin mal-iskandlu tal-Panama Papers, beda d-diskors li jekk inti Malti trid tbaxxi rasek għall-Gvern u tgħid dak li jridek tgħid il-Gvern. Qalulna li Malta kienet qed tiġi ġġudikata u allura għandna naqbżu għal Malta. Naturalment min qal hekk qal dan id-diskors għax kien hu u għemilu li qed jiġi ġġudikat.

Inaċċettabbli li l-kritika tissejjaħ tixwix

Huwa assolutament inaċċettabbli f’pajjiż demokratiku li min jikkritika l-Gvern f’Malta jew barra minn Malta (għax donnu llum fl-era tal-internet u l-kommunikazzjoni immedjata mad-dinja kollha Malta hija xi gżira iżolata) huwa traditur. Huwa assolutament inaċċettabbli f’pajjiż demokratiku li l-kritika tissejjaħ tixwix. Huwa inaċċettabbli f’pajjiż demokratiku li thedded lil min ma jaqbilx miegħek b’tipi differenti ta’ vjolenza.

Aħna ċerti li f’pajjiżna hawn ħafna nies li jemmnu tassew fid-demokrazija. Aħna ċerti li dawn in-nies qedgħin fil-partiti politiċi kollha u qedgħin ukoll fost dawk li ma għandhomx partit. Issa huwa ż-żmien li dawn in-nies isemmgħu leħinhom biex juru li dan l-aġir antidemokratiku mhux l-għażla preferuta ta’ xi partit iżda hija l-għażla preferuta ta’ fazzjonijiet fi ħdan xi partit. Jekk jisktu allura jkun tort tagħhom jekk il-partit tagħhom u mhux il-klikek biss jiġi ttimbrat bħala antidemokratiku.