Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

La tbeżżgħuna u lanqas issikktuna

09/06/17 07:05 PM

F’ġimgħa waħda biss, jiġifieri din l-ewwel ġimgħa wara r-rebħa elettorali tal-Partit Laburista, L-Orizzont infexxet f’orġja ta’ disprezz u attakki vili kontra l-midja tal-Knisja, il-midja indipendenti u l-Arċisqof. Dan it-tixrid ta’ diskors mimli mibegħda għandu kuntest.

Kien fIs-Snin Tletin tas-seklu l-ieħor, li tulu d-dinja rat il-qawmien ta’ reġimi totalitarji bħalma huma l-Komuniżmu u l-Faxxiżmu. Għalkemm hemm differenzi politiċi sinifikanti bejniethom, id-diskors pubbliku tagħhom huwa notevolment simili.

Ir-retorika Faxxista teżalta lill-mexxejja, issejħilhom salvaturi. Tistrieħ fuq sterjotipi stabbiliti tar-‘raġel macho’. Tipprietka u tenfasizza li  dawk li huma b’saħħithom li qed jgħakksu lill-ħaddiema. Tuża l-immaġni ta’ ‘ħażin’ kontra ‘tajjeb’ fejn dawk li l-Faxxisti u l-Komunisti jqisuhom bħala l-establishment jiġu akkużati li jużaw kull tip ta’ qerq u gideb għall-iskopijiet malinni tagħhom, biex joskuraw lill-ħaddiem li qed jipprova jaqlagħha u jikolha. Ikomplu jinsistu li mill-banda l-oħra n-naħa tagħhom hija pura u li l-mexxej tagħhom hu bla tebgħa. Jużaw ukoll it-tattika ta’ intimidazzjoni personali, isemmu ismijiet, organizzazzjonijiet, istituzzjonijiet  biex jidentifikaw magħhom il-‘ħażin’u jiddeskrivuhom bħala għedewwa tal-poplu. Il-kritika jiddeskrivuha bħala tixwix. Biex ma tkunx ikkritikat mill-Faxxisti, trid tibqa’ sieket u passiv. Dawn huma biss ftit mit-tattiċi wżati mill-komunikaturi faxxisti.

Dan it-tip ta’ lingwaġġ ilu jiġi wżat għal żmien twil anke mill-gazzetti tal-GWU, l-aktar fl-editorjali ta’ L-Orizzont.  

L-Orizzont ta’ sikwit ikollha editorjali mimlija odju tal-klassi. Nemmnu li l-attakki sfrenati  u insensati li jagħmel sikwit l-editur ta’ L-Orizzont u l-akkużi ta’ tixwix u l-użu ta’ kliem iebes li mhux aċċettabbli f’soċjetà tolleranti, jinkwadraw fid-definizzjoni ta’  hate speech.

L-editur ta’ L-Orizzont jimmira l-attakki tiegħu fuq il-midja indipendenti u l-midja tal-Knisja. Isemmi ġurnalisti b’isimhom u jikteb l-aktar affarijiet vili dwarhom. Din il-ġimgħa lili għajjarni u pprova jżeblaħni fi tliet editorjali. Attakki sfrenati fuq stil tipikament faxxist mill-editur ta’ L-Orizzont, saru tant frekwenti li lili jnissluli tbissima. Imbagħad dawn l-attakki jkunu msieħba mill-imħallsa minn flusna u minn dawk li jippopulaw il-Facebook minflok kumpanija f’ġuriżdizzjonijiet maħmuġa. Mhux biżżejjed li l-GWU bil-paroli tiddiżassoċja ruħha minn dawn l-editorjali. L-Orizzont hija l-organu uffiċjali ta’ din l-unjin, u għalhekk, ma tistax tieħu biss pass daqshekk artab. Jekk il-GWU tassew trid tidher li hija favur il-libertà tal-espressjoni, ma tistax tibqa’ tħalli lill-editur tagħha jżeblaħ l-istess libertà u kontinwament jipprova jsikket u joħnoq lil min jitkellem. X’tagħmel jew x’ma tagħmilx il-GWU biċċa tagħha.

Li nafu hu x’se nagħmlu aħna. Lilna ħadd mhu se jsikkitna jew se jbeżżagħna. U ċert li l-anqas se jibżgħu l-bqija tal-ġurnalisti indipendenti.

Fr Joe Borg